Il-Papa Ljun XIV jkellem lit-tfal tal-Azzjoni Kattolika Taljan

TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LIT-TFAL U ADOLEXXENTI TAL-AZZJONI KATTOLIKA TALJANA
Sala tal-Konċistorju
Il-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru 2025

Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-paċi magħkom.

Eċċellenza,
għeżież tfal u adolexxenti, ħuti lkoll!

Kemm hu sabiħ li qed niltaqgħu ftit jiem qabel il-Milied! Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, il-President Nazzjonali, l-Assistent ekkleżjastiku ġenerali, flimkien mal-équipe nazzjonali tal-ACR, l-edukaturi u l-kollaboraturi li hawn magħkom. Nirringrazzjakom ħafna minn qalbi għall-entużjażmu li qed tesprimu u taqsmu magħna l-oħrajn – sabiħ ħafna tassew – u għax-xhieda li qed tagħtu tal-ġmiel tal-fidi u tal-ġmiel tal-Azzjoni Kattolika. L-isem tal-assoċjazzjoni tagħkom ifisser tajjeb l-identità tagħha: intom dixxipli ta’ Ġesù, xhieda tal-Vanġelu tiegħu u sieħba fil-vjaġġ flimkien mal-Knisja kollha.

Matul l-Avvent ċertament ħejjejtu l-presepju fid-djar, fl-iskejjel, fil-parroċċa. Meta tħarsu lejn San Ġużepp u l-Madonna, ir-ragħajja, il-baqra u l-ħmar, taraw iseħħ it-titlu tal-mixja tagħkom bħala assoċjazzjoni din is-sena: “Hemm wisa’ għal kulħadd”. Iva, madwar il-Mulej, li jsir bniedem biex isalvana, hemm wisa’ għal kulħadd! Hu jagħmel wisa’ għal kull persuna, għal kull tifel, adolexxent, żagħżugħ u anzjan. Meta l-Iben ta’ Alla jiġi fid-dinja, hu ma jsibx wisa’ f’dar, imma jħabbat il-bieb ta’ qalbna filwaqt li hu jiftaħ tiegħu biex jilqa’ lil kulħadd bi mħabba.

Għalhekk, meta titolbu quddiem il-presepju, itolbu li tistgħu tkunu bħal dawk l-anġli li jħabbru l-glorja ta’ Alla u l-paċi lill-bnedmin. Din il-paċi hija l-impenn ta’ kull persuna ta’ rieda tajba, u fuq kollox tagħna l-Insara, li aħna msejħin mhux biss biex inkunu tajbin, imma biex insiru aħjar ta’ kuljum. Biex issiru qaddisin, bħal Pier Giorgio Frassati – li kien membru tal-Azzjoni Kattolika – u bħal Carlo Acutis: inħeġġiġkom tixbhu l-passjoni tagħhom għall-Vanġelu u l-opri tagħhom, dejjem imwettqa mill-karità. Jekk taġixxu bħalhom, it-tħabbira tagħkom ta’ paċi tkun imdawla, għax fil-kumpanija ta’ Ġesù tkunu tabilħaqq ħielsa u henjin, lesti li tnewlu jdejkom lill-proxxmu, fuq kollox lil min jinsab f’diffikultà.

Għeżież, it-twelid tal-Prinċep tal-paċi (ara Iż 9:6) jurina s-sens awtentiku ta’ din il-kelma, paċi, li mhijiex biss l-assenza tal-gwerer, imma ħbiberija bejn il-popli msejsa fuq il-ġustizzja. Ilkoll kemm aħna nixtiequ din il-paċi għan-nazzjonijiet midruba mill-kunflitti, imma niftakru li l-fehma waħda u r-rispett jibdew mir-relazzjonijiet tagħna ta’ kuljum, mill-ġesti u mill-kelmiet li naqsmu flimkien id-dar, fil-parroċċa, ma’ sħabna tal-iskola, fl-isport. Għalhekk, qabel jasal il-lejl qaddis tal-Milied, aħsbu f’persuna li magħha tridu tagħmlu paċi: ikun rigal iktar prezzjuż minn dawk li jistgħu jinxtraw fil-ħwienet, għax il-paċi hija don li jinstab, tassew, fil-qalb biss.

Li nġibu l-paċi hi “azzjoni Kattolika” per eċċellenza, għax huwa l-ġest li jagħmilna xhieda ta’ Ġesù, il-Feddej tad-dinja. F’ismu nagħti l-isbaħ awguri lilkom u lill-għeżież tagħkom, u minn qalbi nberikkom flimkien mat-tfal u l-adolexxenti kollha tal-Azzjoni Kattolika.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading