L-Erbgħa, 31 ta’ Diċembru 2025: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla fi tmiem is-sena 2025. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fit-tmiem din is-sena huwa d-dover tagħna li ngħidu ‘grazzi’. Mhux kulma jiġi fuqna jkun xi ħaġa li xtaqna jew li ppjanajna. Mhux kulma jiġi fuqna jkun sabiħ, il-ħajja hija nżul u tlajja’ kultant, u tagħtina sorpriżi koroh. Il-fidi tagħna imma tgħallimna li għandna bżonn lil Alla, b’umiltà kbira, li nduru lejh, u ngħidulu: ‘Grazzi talli kont magħna fil-maltemp u fil-bnazzi’.
Aħna u nħarsu lura lejn din is-sena li se tispiċċa fi ftit sigħat oħra; diġà spiċċat f’partijiet tad-dinja, irridu nfakkru tliet ragħajja qrib ħafna tagħna, li l-Mulej sejħilhom fil-ħajja ta’ dejjem f’din is-sena li se tintemm. F’Marzu sellimna lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP; f’April sellimna lill-Papa Franġisku, ftit xhur wara lill-mibki Mons. Victor Grech. Dawn it-tliet ragħajja li l-Mulej uriena l-imħabba tiegħu, uriena wkoll kemm hi qawwija l-ħniena tiegħu. Waqt li nfakkru l-figuri ta’ dawn it-tliet ragħajja: l-Arċisqof Cremona u Mons. Victor Grech minna, għalina, u qrib tagħna; u anke lill-Papa Franġisku, li żarna, u li tana biex ngħidu hekk il-qawwa konvinzjonali tal-ħniena; waqt li niftakru fihom, lil Alla ngħidulu: Grazzi ta’ din ix-xhieda sabiħa ta’ persuni li taw ħajjithom għall-poplu tagħna.
Imma f’din is-sena li għaddiet, fix-xena internazzjonali, bqajna naraw xeni ta’ qsim il-qalb, ta’ vittmi innoċenti ta’ gwerer, li huma bla sens jekk ikollok tqis. U għalhekk nitolbu ħafna, anke f’dan il-jum dedikat lil Marija Omm Alla, għad-don tal-paċi. Il-Papa Ljun il-kbir jgħid li t-twelid tal-Iben huwa t-twelid tal-paċi. Għaliex fih innifsu Ġesù jagħmel paċi bejn Alla u l-bnedmin; huwa Alla magħmul bniedem, li sar bniedem fil-ġuf ta’ Marija Santissima. U għalhekk illum inqimu lil Marija bħala omm Alla, għax hi omm Ġesù, li Hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.
Imma nixtieq ukoll li nirringrazzjaw lil Alla ta’ dak kollu li għamel magħna fil-Ġublew, li fid-djoċesi tagħna temmejnieh il-Ħadd li għadda, u li kien il-Ġublew tat-Tama. Il-Ġublew jgħaddi, imma t-tama tibqa’ għal dejjem; għax it-tama tagħna hija l-Kelma ta’ Ġesù li ma tonqos qatt.
X’inhu l-awgurju tiegħi għas-sena d-dieħla? Jiena u nitlob fuq l-ewwel qari – aħna ħafna drabi nieħdu din is-silta mill-Ktieb tan-Numri bħala barka straordinarja tal-Mulej, li juża lil Aaron u lil Mosè, u jgħallimhom ibierku lill-poplu tiegħu. “Meta tbierku lil ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom: Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem” (Num 6:23-26). Kemm hi barka sabiħa! L-awgurju tiegħi hu li aħna nieħdu dawn il-barkiet li jsemmi Alla fuq il-poplu tiegħu, u ngħixuhom ma’ xulxin.
Jalla aħna nħarsu lejn xulxin bi ħniena. Kemm hi sabiħa dik l-espressjoni: “Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena” (Num 6:25). L-awgurju tiegħi, mhux biss għall-poplu tagħna, imma għad-dinja u l-umanità: kif Alla juri ħniena magħna, ejjew aħna nuru ħniena ma’ xulxin. Imbagħad din l-espressjoni straordinarjament sabiħa: “Iħares lejk il-Mulej bi mħabba” (Num 6:26). Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna ndarru lilna nfusna nħarsu lejn xulxin bi mħabba. Allura ejja nitolbu lill-Mulej inaddaf minn qalbna r-rabja, l-għira, il-ħsieb ta’ vendetta. Inħarsu lejn xulxin bi mħabba; u hekk il-Mulej jagħtina s-sliem.
As we thank the Lord for this year that is going to end in a few hours’ time, we remember three great Shepherds of our local and universal church: our Archbishop Paul Cremona OP, who died in March, Pope Francis, who died in April, and a few months later, Mgr Victor Grech. But we also like to give thanks to the Lord for the witnesses of these shepherds of the church: witnesses of great compassion, tenderness, and mercy. We also greet Pope Leo XIV. This passing year gave us the gift of a new Pope. As we confirm our loyalty to him, we pray for the Pope that the Lord will keep him and give him wisdom. But as we look at the scene around us, especially in the world, we see many conflicts, so many wars that can be avoided.
And my prayer for the next year is that we receive the attitude the Lord gives as He blesses us, and that we live with a spirit of guardianship under His care: “The Lord bless you and keep you” (Numbers 6:24). He also shows us mercy, and He looks upon us with love. And in this new year, may we look upon one another with love, mercy, and compassion.
That is the great wish I offer you at the beginning of the new year.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Num 6:22-27
Salm: Salm 66(67):2-3,5,6,8
Qari II: Gal 4:4-7
L-Evanġelju: Lq 2:16-21
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti