Ħsieb minn Daniel Borg dwar il-Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus
Illum fl-Italja ġiet iċċelebrata l-Epifanija tal-Mulej, jew il-miġja tal-Maġi, li f’Malta ċċelebrajna l-Ħadd li għadda. Fl-Angelus tal-lum il-Papa rrifletta fuq ir-rigali mogħtija lil Ġesu: deheb, inċens u mirra. Minbarra dawn jistgħu jidhru bħala rigali li ftit għandhom x’jaqsmu ma’ tfajjel żgħir, imma t-tifsira tagħhom hija wisq akbar.
Ma nafux il-ġid li kellhom il-Maġi, imma nafu żgur li huma kienu rriskjaw kollox u telqu wara dik il-kewkba. Iktar mit-teżori materjali li taw lil Ġesu dak is-sogru li poġġew lilhom infushom, flimkien mad-determinazzjoni tagħhom, juru li huma qed jagħtu kollox lil Ġesu’. U l-Papa jorbot dawn ir-rigali li huma qed jagħtu flimkien ma’dak il-vjaġġ li huma għamlu biex iqimu lil Ġesu mal-ġenerozita’ li għandha tkun il-marka fundamentali tal-Ġublew li għadu kif qed jispiċċa. Is-sinifikat prinċipali tal-Ġublew għandu jkun il-qsim ġust tal-ġid. Fir-rigali tal-Maġi naraw dak kollu li aħna nistgħu naqsmu mal-oħrajn biex Ġesu’ jgħix fina u f’ħaddieħor. U l-Papa juża kliem qawwi biex jgħid li s-saltna ta’ Alla tfisser li l-istranġiera u l-għedewwa jsiru ħutna, li minflok id-diżugwaljanza inkunu verament indaqs, u li minflok l-industrija tal-gwerra jidħol l-artiġġjanat tal-paċi. Il-Papa jistedinna biex inkunu nissieġa tat-tama u li bħal Maġi ma nilqgħux is-sejħa ta’ Erodi, imma wara li niltaqgħu ma’ Ġesu nagħżlu triq oħra.
Tista’ tara wkoll dan il-ħsieb fuq din il-ħolqa ta’ facebook: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid0bTFtnzPvqoReG6zEbnes7UnAWiu7C5qFMtPxMFJKYwYW6pnE6sWxjoGztBVSKNqSl