Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej

FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ
ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA U MAGĦMUDIJA TA’ XI TFAL
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Kappella Sistina
Il-Ħadd 11 ta’ Jannar 2026

Għeżież ħuti,

Meta l-Mulej jidħol fl-istorja, jiġi jiltaqa’ mal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna b’qalb miftuħa u umli. Hu jfittex il-ħarsa tagħna bil-ħarsa tiegħu, mimlija mħabba, u jiddjaloga magħna u jurina l-Verb tas-salvazzjoni. Magħmul bniedem, l-Iben ta’ Alla jwettaq għal kulħadd possibbiltà sorprendenti, li tniedi żmien ġdid u mhux mistenni saħansitra mill-profeti.

Jintebaħ b’dan minnufih Ġwanni l-Battista, li jistaqsi lil Ġesù: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u int tiġi għandi?” (Mt 3:14). Bħal dawl fid-dlam, il-Mulej iridna nsibuh hemm fejn ma nistennewhx: huwa l-Qaddis fost il-midinbin, li jrid jgħammar f’nofsna mingħajr ma jżomm id-distanzi, anzi, billi jassumi sal-aħħar dak kollu li hu uman. “Inti għalissa ħallik minn dan”, iwieġeb Ġesù lil Ġwanni, “għax hekk jixraq nagħmlu biex intemmu s-sewwa kollu” (v. 15). Liema sewwa kollu? Dak ta’ Alla, li fil-magħmudija ta’ Ġesù jwettaq il-ġustifikazzjoni tagħna: fil-ħniena bla tarf tiegħu, il-Missier jagħmilna ġusti permezz ta’ Kristu tiegħu, il-Feddej waħdieni ta’ kulħadd. Kif iseħħ dan? Dak li jiġi mgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan jagħmel minn dan il-ġest sinjal ġdid ta’ mewt u qawmien, ta’ maħfra u ta’ komunjoni. Dan hu s-Sagrament li qed niċċelebraw illum għal uliedkom: għax Alla jħobbhom, huma qed isiru Nsara, ħutna.

L-ulied, li bħalissa qed iżżommu f’dirgħajkom, jinbidlu fi ħlejjaq ġodda. Kif mingħandkom ġenituri huma rċivew il-ħajja, hekk issa jirċievu s-sens biex jgħixuha: il-fidi. Meta nafu li hemm ġid li hu essenzjali, minnufih infittxuh għal dawk li nħobbu. Fil-fatt, min minna se jħalli lit-trabi li għadhom ma tweldux bla ħwejjeġ jew bla ikel, u joqgħod jistenna li meta jikbru jagħżlu huma li jilbsu u x’jieklu? Għeżież, jekk l-ikel u l-ħwejjeġ huma meħtieġa biex ngħixu, il-fidi hi aktar meħtieġa, għax ma’ Alla l-ħajja ssib is-salvazzjoni.

L-imħabba providenti tiegħu tidher fl-art permezz tagħkom, ommijiet u missirijiet li qed titolbu l-fidi għal uliedkom. Bla dubju, għad jasal il-jum li fih jitqalu wisq biex iżżommuhom f’dirgħajkom; u jasal ukoll il-jum li fih ikunu huma li jwieżnu lilkom. Il-Magħmudija, li tgħaqqadna fil-familja waħda tal-Knisja, tqaddes f’kull żmien il-familji kollha tagħkom, u tagħti qawwa u perseveranza fl-imħabba li torbotkom flimkien.

Il-ġesti li se nwettqu minn hawn u ftit ieħor huma xhieda sabiħa ħafna: l-ilma tal-fonti huwa l-ħasil fl-Ispirtu, li jsaffi minn kull dnub; il-libsa bajda hija l-libsa ġdida, li Alla l-Missier jagħtina għall-festa eterna ta’ Saltnatu; ix-xemgħa mixgħula mill-blandun tal-Għid hija d-dawl ta’ Kristu Rxoxt, li jdawwal il-mixja tagħna. Nawguralkom li tkompluha bil-ferħ matul is-sena li għadna kemm bdejna u għal ħajjitkom kollha, żguri li l-Mulej se jsieħeb dejjem il-passi tagħkom.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading