Katekeżi tal-Papa Ljun XIV dwar il-Kostituzzjoni Dei Verbum (1)

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu VI
L-Erbgħa 14 ta’ Jannar 2026

Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum. 1. Alla jkellem lill-bnedmin bħall-ħbieb

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Bdejna ċ-ċiklu ta’ katekeżijiet fuq il-Konċilju Vatikan II. Illum qed nibdew ninżlu fil-fond tal-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum fuq ir-Rivelazzjoni divina. Dan hu wieħed mill-isbaħ dokumenti u l-aktar importanti tal-miġemgħa Konċiljari u, bħala introduzzjoni għalih, jista’ jiswielna ta’ għajnuna niftakru fi kliem Ġesù: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġw 15:15). Dan hu punt fundamentali tal-fidi Nisranija, li d-Dei Verbum tfakkarna fih: Ġesù Kristu jibdel mill-qiegħ ir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla, li minn issa ’l quddiem se tkun relazzjoni ta’ ħbiberija. Għalhekk, l-unika kundizzjoni tal-patt il-ġdid hi l-imħabba.

Santu Wistin, meta jikkummenta din is-silta tar-Raba’ Vanġelu, jinsisti fuq il-perspettiva tal-grazzja, li waħidha tista’ tagħmilna ħbieb ma’ Alla f’Ibnu (Kummentarju għall-Vanġelu ta’ Ġwanni, Omelija 86). Fil-fatt, hemm motto qadim li kien jgħid hekk: “Amicitia aut pares invenit, aut facit”, “il-ħbiberija, jew tinbet bejn dawk li huma bħal xulxin, jew tagħmilhom hekk”. Aħna ma aħniex bħal Alla, imma Alla nnifsu jagħmilna nixbhuh f’Ibnu.

Għalhekk, kif nistgħu naraw fl-Iskrittura kollha, fil-Patt hemm l-ewwel mument ta’ distanza, għax il-patt bejn Alla u l-bniedem jibqa’ dejjem asimetriku: Alla hu Alla u aħna ħlejjaq; imma, bil-miġja tal-Iben fil-ġisem uman, il-Patt jinfetaħ għall-għan aħħari tiegħu: f’Ġesù, Alla jagħmilna wlied u jsejħilna nsiru nixbhuh fl-umanità tagħna, imqar jekk dgħajfa. Ix-xebh tagħna ma’ Alla, allura, ma naslux għalih bid-diżubbidjenza u d-dnub, kif jissuġġerixxi s-serp lil Eva (ara Ġen 3:5), imma bir-relazzjoni mal-Iben magħmul bniedem.

Kliem il-Mulej Ġesù li fakkarna – “sejjaħtilkom ħbieb” – nerġgħu nsibuh fil-Kostituzzjoni Dei Verbum, li tafferma: “U sewwasew b’din ir-rivelazzjoni, Alla li ma jidhirx (ara Kol 1:15; Tim 1:17) fl-imħabba kbira tiegħu jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb (ara Eż 33:11; Ġw 15:14-15) u jgħix magħhom (ara Bar 3:38) biex jistedinhom u jdaħħalhom f’għaqda miegħu” (n. 2). Alla tal-Ġenesi diġà kien jagħmilha mal-proġenituri tagħna, jiddjaloga magħhom (ara Dei Verbum, 3); u, meta bid-dnub dan id-djalogu jinqata’, il-Ħallieq ma jiqafx ifittex il-laqgħa mal-ħlejjaq tiegħu u jistabbilixxi minn darba għall-oħra patt magħhom. Fir-Rivelazzjoni Nisranija, jiġifieri meta Alla biex jiġi jfittixna jsir bniedem f’Ibnu, id-djalogu li kien ġie interrott issa jinbeda mill-ġdid b’mod defenittiv: il-Patt hu ġdid u etern, xejn ma jista’ jifridna minn imħabbtu. Għalhekk, ir-Rivelazzjoni ta’ Alla għandha l-karattru djaloġiku tal-ħbiberija u, kif iseħħ fl-esperjenza tal-ħbiberija umana, ma jissaportix il-mutiżmu, imma jisseddaq bil-qsim ta’ kliem veru.

Il-Kostituzzjoni Dei Verbum tfakkarna f’dan ukoll: Alla jkellimna. Importanti li nifhmu d-differenza bejn il-kelma u t-tpaċpiċ: dan tal-aħħar jieqaf mal-qoxra u ma jseħħx f’komunjoni bejn il-persuni, waqt li fir-relazzjonijiet awtentiċi, il-kelma ma sservix biss biex naqsmu flimkien tagħrif u aħbarijiet, imma biex nuru min aħna. Il-kelma għandha dimensjoni relattiva li toħloq relazzjoni mal-ieħor. Hekk, meta jkellem lilna, Alla jurina lilu nnifsu bħala Alleat li jistedinna għall-ħbiberija miegħu.

F’din il-perspettiva, l-ewwel attitudni li rridu nikkultivaw hija s-smigħ, biex il-Kelma divina tista’ tinfed l-imħuħ u l-qlub tagħna; fl-istess waqt, aħna msejħin nitkellmu ma’ Alla, mhux biex nikkomunikawlu dak li hu diġà jaf, imma biex hu jirrivelalna lilna nfusna.

Minn hawn toħroġ il-ħtieġa tat-talb, li fih aħna msejħin ngħixu u nikkultivaw il-ħbiberija mal-Mulej. Dan iseħħ qabelxejn fit-talb liturġiku u komunitarju, fejn m’aħniex aħna li niddeċiedu x’nisimgħu mill-Kelma ta’ Alla, imma huwa hu stess li jkellimna permezz tal-Knisja; barra minn hekk, iseħħ fit-talb personali, li jsir fl-interjorità tal-qalb u tal-moħħ. Ma jistax jitħalla barra, fil-ġurnata u fil-ġimgħa tan-Nisrani, iż-żmien iddedikat lit-talb, lill-meditazzjoni u lir-riflessjoni. Huwa biss meta nitkellmu ma’ Alla, li nistgħu anki nitkellmu dwaru.

L-esperjenza tagħna tgħidilna li l-ħbiberiji jistgħu jispiċċaw b’xi ġest qawwi ta’ ksur, jew minħabba serje ta’ nuqqas ta’ attenzjoni ta’ kuljum, li tfarrak ir-relazzjoni sa ma tintilef. Jekk Ġesù qed isejħilna biex inkunu ħbieb tiegħu, ejjew infittxu li ma nħallux bla mismugħa din is-sejħa. Nilqgħuha, nieħdu ħsieb ta’ din ir-relazzjoni u niskopru li proprju l-ħbiberija ma’ Alla hija s-salvazzjoni tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading