“Non Constat de Supernaturalitate” Tifsira u storja ta’ dil-frażi

Il-Mirakli Ewkaristiċi (93)

Riċerka u Kitba ta’ Manwel Cutajar

F’artiklu preċedenti semmejna l-frażi bil-Latin ‘‘Non Constat de Supernaturalitate” li maqluba għall-Malti hi “mhux stabbilit bħala Sopernaturali”  jew  aħjar fit-tifsira tagħha  “ma jidhirx li hu Sopranaturali.” li, f’kliem ieħor, tfisser li m’hemmx biżżejjed evidenza biex tiġi ddeterminata l-oriġini Sopranaturali ta’ allegat Miraklu Ewkaristiku jew rivelazzjonijiet  mistiċi

Tifsira:

Nagħtu fil-qosor it-tifsira u l-iżvilupp storiku ta’ dil-frażi li kienet tintuża ħafna bħala dikjarazzjoni ta’ ġudizzju mill-Knisja Kattolika   fir-rigward ta’ allegati Mirakli Ewkaristiċi kif ukoll allegati dehriet jew rivelazzjonijiet privati mistiċi fi ħdan il-Knisja Kattolika, l-aktar fl-imgħoddi kif ukoll b’xi mod fil-preżent.

Did-dikjarazzjoni hija proklama inizjali u  newtrali u għalhekk mhux finali tal-Knisja Kattolika. Mhijiex ċaħda jew dikjarazzjoni li l-ġrajja hija falza, iżda hija pjuttost dikjarazzjoni li għad m’hemmx biżżejjed evidenza għaliha biex tikkonferma l-oriġini Sopranaturali (jew Mirakoluża) ta’ xi allegat Miraklu Ewkaristiku, jew xi allegat dehra jew rivelazzjoni ( privata jew pubblika) Sopranaturali jew mistika.

Did-dikjarazzjoni tindika li:

  1. S’issa ma nstabet l-ebda prova definittiva ta’ allegat Miraklu Ewkaristiku, jew allegati dehriet mistiċi.
  2. Ma ġie ddentifikat xejn li jmur kontra l-Fidi jew il-morali Nisranija u Kattolika.
  3. Il-possibbiltà għal aktar investigazzjonijiet tibqa’ miftuħa.
  4. Il-fidili Kattoliċi u Insara ġeneralment jitħallew liberi li jemmnu jew ma jemmnux fil-ġrajja allegatament Mirakoluża u jieħdu sehem f’devozzjoni privata, iżda l-Knisja Kattolika uffiċjalment ma tkunx għadha approvat il-ġrajja bħala li hi Miraklu Ewkaristiku, jew dehra jew rivelazzjoni mistika.

Dan jikkuntrasta sew maż-żewġ dikjarazzjonijiet oħra tal-Knisja Kattolika:

  1. Constat de supernaturalitate: Il-ġrajja tkun ddikjarata u approvata uffiċjalment mill-Knisja Kattolika bħala Soprannaturali, u għalhekk awtentika u Mirakoluża.

   2. Constat de non supernaturalitate: Il-ġrajja tkun iddikjarata u miċħuda uffiċjalment mill-Knisja Kattolika bħala mhux soprannaturali, imma, għal kuntrarju, għandha oriġni u kawżi naturali jew umani, jew oriġinat minn testimonjanzi li jindikaw frodi, jew manipulazzjoni jew evidenza ta’ mitomanija (tendenza  għall-gideb jew l-esaġerazzjoni). Dan juri li f’dil-ġrajja ma kienx hemm l-Intervent Divin.

 •  Storja u Kuntest:

L-użu ta’ dit-terminoloġija speċifika ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ġej minn normi maħruġa mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi (CDF), issa msejjaħ Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi (DDF), biex jiggwidaw lill-isqfijiet djoċesani fl-investigazzjonijiet tagħhom ta’ allegati Mirakli Ewkaristiċi, jew dehriet sopranaturali.

Normi Oriġinali ( Frar 1978):

Dawn stabbilixxew dawn it-tliet kategoriji ta’ dikjarazzjonijiet jew ġudizzji msemmija hawn fuq u kienu l-istandard jew kriterju magħruf u aċċettat   għal għexieren ta’ snin. Id-dikjarazzjoni “Non constat de supernaturalitate” kienettippermetti approwċ ta’ kawtela, ta’ stennija u riflessjoni li spiss kienu jiġu applikati għal ġrajjiet bħall-allegati Mirakli Ewkaristiċi u dehriet Marjani u mistiċi fejn il-frott spiritwali ( bħal konverżjonijiet, żieda fit-talb) jiġi rrikonoxxut, anke jekk l-oriġini sopranaturali tagħhom ma tkunx għadha ġiet approvata uffiċjalment mill-Knisja Kattolika.

Normi Ġodda (Mejju 2024) (*):

• Il-Vatikan aġġorna n-normi tiegħu biex jissimplifika l-proċess u jagħti aktar awtorità lid-DDF. Bidla sinifikattiva hija li, bħala regola, la l-isqof djoċesan u lanqas id-DDF ma joħorġu dikjarazzjoni “constat de supernaturalitate”. Minflok, l-ogħla forma ta’ rikonoxximent pożittiv issa hija “Nihil Obstat” (kelma bil-Latin li tfisser “xejn ma jfixkel”).

Il-kategorija “Non constat de supernaturalitate” essenzjalment tibqa’, iżda n-normi ġodda jintroduċu miżuri Pastorali b’istruzzjonijiet speċifiċi għall-isqfijiet djoċesani, skont iċ-ċirkostanzi u l-każijiet. Skont dawn in-normi l-ġodda, l-isqfijiet djoċesani iwettqu investigazzjonijiet magħmula minn Kummissjonijiet Djoċesani ta’ esperti (inklużi teologi, kanonisti, xjentisti eċċ.). L-isqfijiet  imbagħad jissottomettu l-ġudizzju tagħhom lid-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi (DDF) tal-Vatikan għall-approvazzjoni tad-Dikasteru.

L-applikazzjoni għal “allegati Mirakli Ewkaristiċi” ssegwi  prattikament l-istess prinċipji: l-isqfijiet djoċesani u konsegwentment id-DDF jinvestigaw l-istqarrijiet (eż. ħruġ ta’ Demm minn Ostja kkonsagrata) biex jiddeterminaw jekk hemmx spjegazzjoni naturali, frodi, jew jekk l-evidenza tippuntax lejn ġrajjiet ġenwini, inspjegabbli, u li jippromwovu l-Fidi Nisranija u Kattolika li jistħoqqilhom kull qima reliġjuża.

In-Nihil Obstat:

Skont in-normi tal-Vatikan tal-2024, in-Nihil Obstat għall-allegati Mirakli Ewkaristiċi (jew fenomeni oħra) ifisser “xejn ma jfixkel” għall-Insara u l-Kattoliċi li jirrikonoxxu b’prudenza frott spiritwali pożittiv, iżda mhuwiex dikjarazzjoni ta’ awtentiċità sopranaturali, u lanqas garanzija li l-ġrajja hija mirakoluża; imma ma jindika l-ebda żball dottrinali u jinkoraġġixxi apprezzament Pastorali tal-esperjenza spiritwali, iżda jirriżerva l-ġudizzju dwar l-oriġini sopranaturali għas-Santa Sede. Hija “valutazzjoni u inkoraġġiment pożittiv” għall-ħajja Nisranija.  InNihil Obstat jawtorizza atti pubbliċi ta’ devozzjoni, pellegrinaġġi, u t-tixrid ta’ messaġġi jew tagħrif assoċjati u jipprovdi gwida u serħan il-moħħ għall-Insara u l-Kattoliċi, iżda jiddistingwi ruħu espliċitament milli jiddikjara l-ġrajja tassew Mirakoluża u li għandha oriġini sopranaturali.

In-Nihil Obstat għall-Mirakli Ewkaristiċi mhuwiex approvazzjoni waħda u universali għall-allegati Mirakli Ewkaristiċi kollha; imma hu dikjarazzjoni tal-Vatikan li “xejn ma jfixkel” id-devozzjoni lejn allegat Miraklu Ewkaristiku partikulari u speċifiku.

Tifsira ta’ u implikazzjoni Pastorali tan-Nihil Obstat li “ma hemm l-ebda Żball Dottrinali”:

 Id-dikjarazzjoni Nihil Obstattikkonferma, wara investigazzjoni bir-reqqa u metikoluża minn Kummissjonijiet teoloġiċi, kanoniċi u xjentifiċi, li l-allegat Miraklu Ewkaristiku, u l-proposti spiritwali relatati miegħu, huma ħielsa minn kull żball Dottrinali jew Morali.

Valur Pastorali Rikonoxxut:

 Jirrikonoxxi l-preżenza ta’ “ħafna sinjali tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu” bħal konverżjonijiet, fejqan spiritwali u qdusija mġedda, u b’hekk jirrikonoxxi l-frott Spiritwali u Pastorali pożittiv għall-fidili Insara u Kattoliċi..

Id-Dixxerniment huwa Essenzjali:

Il-Knisja Kattolika  żżomm proċess ta’ dixxerniment kbir u intens,u n-Nihil Obstat huwa pass biex jippermetti l-qima u d-devozzjoni reliġjuża, filwaqt li jirrikonoxxi l-potenzjal tal-ġrajja għall-ġid Spiritwali, partikolarment fir-rigward l-Ewkaristija Divina.

Hekk pereżempju, id-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi ta n-Nihil   Obstat għall-messaġġi tal-Madonna tal-Ħniena (f’Pellevoisin, fi Franza, fl-1876), fejn il-Verġni Marija Santissima esprimiet niket għal mod biered u nieqes mill-Qima u l-imħabba dovuta lejn l-Ewkaristija Divina, meta xi l-Insara u anki xi  Kattoliċi jersqu biex jitqarbnu u jirċievu das-Sagrament Kbir ta’ Imħabba.

 (*) B’referenza għad-dokument ”Normi għall-Proċediment fid-Dixxerniment ta’ Allegati Fenomeni Sopranaturali” maħruġ mid-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, b’normi approvati mill-Papa Franġisku fl-4 ta’ Mejju 2024, li ġew deliberati fis-Sessjoni Ordinarja ta’ dan id-Dikasteru fis-17 ta’ April 2024, u ordna l-pubblikazzjoni tagħhom, billi stabbilixxa li jidħlu fis-seħħ fid-19 ta’ Mejju 2024, is-Solennità ta’ Pentekoste. Dawn in-normi l-ġodda jissostitwixxu dawk preċedenti tal-1978.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading