Ir-Raba’ Ħadd matul is-Sena. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

ĠESU’ JIXTIEQNA NKUNU FERĦANIN!

Ħa nibda l-omelija tal-lum bi tliet esperjenzi…L-ewwel esperjenza: Giovanni Battista Torre, raġel Taljan ta’ fama mondjali jirrakkonta li meta kien għadu żgħir, tad-dar kienu jistaqsuh u jgħidulu: “X’se tilħaqq meta tikber?” U hu kien iweġibhom u jgħidilhom: “Forsi għad nilħaq kantur, forsi għad nilħaq  attur famuż. Dawn kollha huma nies ferħanin!”

Meta kiber, Giovanni Battista Torre pprova minn kollox biex ikun ferħan. Daħal fid-dinja tal-business u sar sinjur kbir, iżda l-flus m’għamluhx ferħan. Beda jikteb ir-rumanzi u sar popolari mad-dinja kollha, tant li r-ritratt tiegħu deher fil-qoxra ta’ barra tat-time magazine, pero’ lanqas dil-popolarita’ m’għamlitu kuntent. Ħafna kienu jaqraw il-kotba tiegħu iżda ħadd ma kien jimpurtah minnu. Jum fost l-oħrajn, telaq lejn l-istazzjon tal-ferrovija biex jintefa’ taħt train u joqtol lilu nnifsu b’idejh, għax qal: “Il-ferħ ma jeżistix!” Mela f’dak il-mument jara raġel ferħan jgħannaq b’imħabba kbira lil martu u lil ibnu ta’ xi sentejn…u Giovanni Battista Torre biddel id-deċiżjoni tiegħu u qal: “Issa naf li l-ferħ jeżisti imma biex issibu, trid tfittxu fejn għandek tfittxu…”

Esperjenza oħra: fi Munich, il-Ġermanja hemm kastell importanti, kien inbena minn bniedem kellu ħafna ġid u flus kemm irid. Dal-bniedem spiċċa ħażin, għax f’mument ta’ disperazzjoni, qatel ruħu b’idejh. Ħalla miktub: “F’ħajti kelli kulma ridt, iżda qatt ma kont kuntent!” Ħbiebu li kienu jafuh, li kielu miegħu, li xorbu miegħu, li ddevertew miegħu qalu: “Kellu raġun ma jkunx kuntent il-ħabib tagħna. Kien bniedem ma jħobb lil ħadd, ħaseb dejjem fih innifsu u għalih innifsu.”

It-tielet esperjenza: xi snin ilu, il-Prima Ballerina ta’ Pariġi Mireille Negre, ħalliet il-ħajja tat-tejatru u daħlet soru tal-klawsura. Qalet hekk dil-Prima Ballerina ta’ Pariġi: “Meta ħallejt il-ħajja tat-tejatru, il-flus, iċ-ċapċip tan-nies biex nidħol ma’ dawn is-sorijiet tal-klawsura, ħafna ħasbuni miġnuna. Pero’ llum nista’ nurihom li kelli raġun. Ninsab kuntenta ħafna, għax imlejt qalbi b’Ġesu’ li kapaċi jagħti lil kulħadd il-veru ferħ!”

Bdejt b’dawn it-tliet esperjenzi għax aħna lkoll qegħdin infittxu l-ferħ. Pero’ fejn qegħdin infittxuh dan il-ferħ? Minn dawn it-tliet esperjenzi rrid ngħid li l-ferħ veru ma tistax tixtrieh b’dak li għandek jew b’dak li jista’ jkollok. Fil-fatt, taħdem kemm taħdem, ikollok kemm ikollok, tkun popolari kemm tkun popolari, tagħmel suċċessi, mhux bil-fors se jkollok f’qalbek il-ferħ veru.

Jgħidilna Ġesu’: “X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha, jekk imbagħad jitlef ruħu?” (Luqa 9,25) Forsi bi kliem iktar modern, irridu ngħidu: “X’jiswielu l-bniedem li jkollu flus il-bank, plots għall-bejgħ, flats għall-kiri, karozza l-aħħar mudell…jekk imbagħad ma jkunx kuntent, la f’dil-ħajja u inqas u inqas fil-ħajja li għad trid tiġi?”

Dan id-diskors kollu li għadni kemm għedt idaħħalna għall-vanġelu tal-lum: il-vanġelu tal-beatitudni. ĠESU’ JIXTIEQNA NKUNU FERĦANIN! San Mattew jibda biex jgħidilna: “Kif ra l-folol, Ġesu’ tela’ fuq il-muntanja, qagħad bil-qiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom…” Dan il-vers huwa eku ta’ dak li nsibu fl-Antik Testment: “Minn fuq il-muntanja, Mose’ fetaħ fommu u lill-membri tal-Poplu Lhudi wasslilhom l-għaxar kmandamenti li tah Alla…”

X’inhuma l-beatitudni? Il-beatitudni huma tmien barkiet speċjali li Ġesu’ jwiegħed lil dawk li jagħmlu t-tajjeb u jimxu warajh fit-triq tal-qdusija. Xi ħadd qal li l-beatitudni huwa tmien ċwievet biex jien u int, aħna lkoll, jekk ngħixuhom inkunu ferħanin. Il-kelma beatitudni ġejja mil-Latin “beatus” jew “beatitudo”.

Ħa nispjega biss l-ewwel beatitudni: “Henjin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet.”  Fil-kotba tal-istorja, dawk li jissemmew huma dejjem in-nies il-kbar: il-prinċpijiet, in-nobbli, dawk li kellhom il-flus jew is-setgħa.  Il-fqar, l-umli u l-batuti huma kważi minsija għal kollox.  Mhux hekk fil-kotba tal-Iskrittura.  Alla huwa dejjem fuq in-naħa tal-fqir, tal-umli, tal-maħqur.  L-istess Iben t’Alla, l-akbar Persuna tal-akbar storja, għażel li jkun fqir fost il-fqajrin: twieled fi stalla tal-annimali, għex bil-għaraq ta’ ġbinu f’ħanut ta’ mastrudaxxa u meta ħareġ iħabbar is-Saltna t’Alla anqas biss kellu fejn imidd rasu. Miet fuq salib imċaħħad saħansitra minn ħwejġu stess. Fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, San Pawl jgħidilna: “Għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnew permezz tal-faqar tiegħu.”

Il-fqar huma l-magħżulin ta’ Alla. Dan ma jfissirx li ma jrid jkollok xejn biex tkun maħbub u magħżul minn Alla. Importanti li ma tkunx marbut jew marbuta ma’ dak li għandek; għalhekk henjin il-foqra fl-ispirtu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading