‘Constat de Supernaturalitate’  u  “Constat de non Supernaturalitate’

Il-Mirakli Ewkaristiċi (94)

Riċerka u Kitba ta’ Manwel Cutajar

   1. ‘Non Constat  de Supernaturalitate’

Fl-artiklu preċedenti konna tkellimna dwar il-frażi bil-Latin ‘Non Constat  de Supernaturalitate’ (bil-Malti: mhux stabbilit bħala Sopranaturali) li l-Knisja Kattolika  tuża bħala dikjarazzjoni ta’ ġudizzju inizjali u newtrali, għalhekk mhux finali, fir-rigward ta’ allegati Mirakli Ewkaristiċi fil-proċess li l-Knisja tagħmel  fl-investigazzjonijiet intensivi tagħha biex tiddeċiedi jekk allegati Mirakli Ewkaristiċi għandhomx oriġni sopranaturali u  mirakoluża, b’tali mod li jistgħu jiġu  ddikjarati uffiċjalment miil-Knisja Kattolika bħala Mirakli Ewkaristiċi.

Nagħtu xi eżempji ta’ allegati Mirakli Ewkaristiċi li dwarhom il-Knisja Kattolika fil-preżent qed tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha biex tiddeċiedi jekk għandhiex tiddikjarhom bħala Mirakli Ewkaristiċi awtentiċi jew le:

 Honduras Fl-2022 ġie rrappurtat allegat Miraklu Ewkaristiku f’parroċċa rurali ta’  San Juan de Intibucá fejn instab demm fuq korporal (drapp liturġiku) fit-tabernaklu. Testijiet xjentifiċi indikaw li kien demm uman (AB pożittiv), u l-każ intbagħat  il-Vatikan għal deċiżjoni finali mill-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi (DDF).

 Thomaston, Connecticut, l-Istati Uniti (2023/2024): fejn allegat Miraklu Ewkaristiku li kien jinvolvi l-multiplikazzjoni numerika  ta’ Ostji kkonsagrati f’pissidi waqt it-Tqarbin fil-Knisja ta’ San Tumas ġie investigat u rrappurtat lill-DDF għad-deċiżjoni finali.

 Chumukedima, fl-Istat Indjan ta’ Nagaland (2024)
fejn il-Kappillan inkarigat minn dil-parroċċa kien irrapporta li minn Ostja kkonsagrata   beda ħiereġ id-demm. Ukoll dal-każ għadu qed jiġi investigat.

2. ‘Constat de Supernaturalitate’

Il-Knisja Kattolika tuża dil-frażi bil-Latin Constat de Supernaturalitate (Bil-Malti: hu stabbilit li huwa sopranaturali) biex tirrikonoxxi uffiċjalment li allegat Miraklu Ewkaristiku speċifiku huwa awtentiku u ta’ oriġini Sopranaturali.

Fl-istess artiklu preċedenti konna tkellimna dwar allegati Mirakli Ewkaristiċi li kienu ġew ddikjarati u approvati uffiċjalment mill-Knisja Kattolika bħala sopranaturali u għalhekk awtentiċi u Mirakolużi.

Il-Knisja Kattolika rrikonoxxiet aktar minn 100 sa 150 Mirakli Ewkaristiċi matul l-istorja tagħha, b’San Carlo Acutis fiż-żmienu ddokumenta 139 każ. Aktar Mirakli Ewkaristiċi ġew irrappurtati ukoll wara.

Il-Mirakli Ewkaristiċi approvati mill-Knisja Kattolika huma ġrajjiet straordinarji fejn l-Ewkaristija Divina tittrasforma viżibbilment f’laħam jew demm uman,  vverifikati wkoll minn analiżi xjentifika moderna.

Hawnhekk hawn lista ta’ Mirakli Ewkaristiċi rikonoxxuti u approvati mill-Knisja bħala awtentiċi u mirakolużi..

Mirakli Ewkaristiċi Ewlenin Approvati:

  Lanciano, l-Italja (730-750 AD):  Il-famuż Miraklu Ewkaristiku  rreġistrat, fejn l-Ostja kkonsagrata nbidlet f’laħam u l-Demm. Studji fis-snin sebgħin ikkonkludew li l-laħam huwa tessut tal-qalb tal-bniedem u demm uman hu tip AB pożittiv.

  Santarem, Portugall (1247): Ostja kkonsagrata misruqa  li bdiet tnixxi d-demm, issa miżmuma fil-Knisja ta’ San Stiefnu.

  Bolsena-Orvieto, l-Italja (1263): Saċerdot li kellu d-dubji ra l-Ostja kkonsagrata waqt il-Konsagrazzjoni tnixxi d-demm fuq id-drapp tal-artal (il-korporal) waqt il-quddiesa, u dan wassal għat-Twaqqif  tal-festa ta’ Corpus Christi.

 Blonot, Franza(1331): Id-demm niżel minn Ostja kkonsagrata fuq il-korporal waqt il-Quddiesa tal-Għid.

  Siena, l-Italja (1730): Madwar 351 Ostji kkonsagrati li ġew misruqa minn ġol-knisja nstabu jiem wara u baqgħu intatti  wara kważi 300 sena.

  Mirakli Riċenti Approvati (Seklu 20-21)

   Buenos Aires, l-Arġentina (1992–1996): Investigata mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Jorge Bergoglio (il-Papa Franġisku), Ostja kkonsagrat  saret laħam imdemmi. Studji indikaw li kien tessut tal-qalb taħt stress estrem. Dal-Miraklu Ewkaristiku  ġie kkonfermat  li kien muskolu kardijaku uman.

  Sokolka, il-Polonja (2008): Minn Ostja kkonsagrata imwaqqa’ fl-art żviluppa tebgħa ħamra, b’analiżi li juru li kien tessut tal-qalb ħaj..

   Legnica, il-Polonja (2013): Ostja kkonsagrata li nbidlet f’tessut aħmar tal-qalb uman.

    Betania, Venezwela (1991): Ostja kkonsagrata tnixxi d-demm waqt il-quddiesa fil-preżenza ta’ ħafna xhieda

  Vilakkannur, Kerala, fl-Arċidjoċesi ta’ Thalassery, fl-Indja (2013). Rapport u investigazzjoni dwar ġrajja li fiha Wiċċ Sidna Ġesù Kristu kien deher fuq l-Ostja waqt il-Konsagrazzjoni f’quddiesa  fil-15 ta’ Novembru 2013., Il-Proklamazzjoni Uffiċjali Kanonika ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku saret min-Nunzju Appostoliku u r-rappreżentant tal-Papa Ljun XIV  fl-Indja, l-Arċisqof Leopoldo Girelli fil-31 ta’ Mejju 2025 fil-Knisja ta’ Vilakkannur.

 3. Constat de non supernaturalitate.

Filwaqt li l-Knisja Kattolika formalment irrikonoxxiet diversi Mirakli Ewkaristiċi, tinvestiga wkoll b’mod rigoruż stqarrijiet li fl-aħħar mill-aħħar jinstabu li għandhom spjegazzjonijiet naturali, deċiżjoni magħrufa uffiċjalment bil-Latin bħala ‘constat de non supernaturalitate’ (Bil-Malti: huwa stabbilit li mhuwiex sopranaturali). Dan ifisser li l-ġrajja filwaqt li tidher mirakoluża (bħal Ostja kkonsagrata li minnha joħroġ id-demm), huwa determinat li hija kkawżata minn kawżi naturali u mhux sopranaturali.

 Għaldaqstant, Constat de non supernaturalitate hija deċiżjoni negattiva definittiva. Id-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi (DDF) tiddikjara li l-ġrajja jew allegat Miraklu Ewkaristiku mhuwiex sopranaturali.

Hawnhekk għandna eżempji  ta’ allegati Mirakli Ewkaristiċi li ma tqiesux bħala sopranaturali mill-Knisja Kattolika.

 Aalst, Belġju (2016): Din l-ġrajja titqies bħala fenomenu “mhux approvat” u mhux Miraklu Ewkaristiku rikonoxxut uffiċjalment mill-Knisja Kattolika. Ostja kkonsagrata miżmuma f’kappella privata esposta f’ostensorju fid-dar ta’ Dun Eric Jacqmin bidlet il-kulur. Investigazzjoni xjentifika ssuġġeriet li l-fenomenu x’aktarx kien ikkawżat minn kontaminazzjoni mikrobjali naturali (bħal Serratia marcescens).

 Texas, fid-djoċesi ta’ Dallas, (2006): Ostja kkonsagrata saret ħamra waqt li kienet f’tazza. Filwaqt li dil-ġrajja kienet  tiġi diskussa fiċ-ċrieki Kattoliċi evanġeliċi bħala Miraklu Ewkaristiku, dan l-avveniment  ma jidhirx fil-lista uffiċjalment rikonoxxuta tal-Vatikan tal-Mirakli Ewkaristiċi. Xi rapporti jissuġġerixxu li ġie investigat u nstab li kellu kawżi naturali, bħal kontaminazzjoni mikrobjali  (Serratia marcescens) li żviluppat fl-ambjent umdu..

  L-Arċidjoċesi ta’ Indianapolis ikkonfermat f’Marzu 2025 li l-allegat Miraklu Ewkaristiku rrappurtat fil-Knisja Kattolika ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Morris, Indiana, ma kienx mirakoluż. It-testijiet tal-laboratorju żvelaw li t-tikek ħomor fuq l-Ostja kkonsagrata kienu kkawżati minn bacteria u fungi komuni, u dan juri li ma kien l-ebda Miraklu Ewkaristiku.

(Nota: Dawn il-Mirakli Ewkaristiċi u l-allegati Mirakli Ewkaristiċi oħra  konna tkellimna dwarhom kollha f’aktar dettal f’artikli preċedenti f’dis-sensiela ta’ artikli dwar il-Mirakli Ewkaristiċi).

  •  

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading