Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus tal-5 Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 8 ta’ Frar, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Wara li ħabbar il-Beatitudnijiet, Ġesù jdur lejn dawk li jgħixuhom, jirringrazzja lil dawk li bis-saħħa tagħhom l-art m’għadhiex l-istess u d-dinja m’għadhiex fid-dlam. “Intom il-melħ tal-art (…) Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5,13-14).  Infatti, il-ferħ veru jagħti togħma lill-ħajja u joħroġ għad-dawl dak li qabel kien mistur. Dan il-ferħ hu riżultat ta’ stil ta’ ħajja, tal-mod ta’ kif ngħammru fuq l-art u li b’xewqa u b’għażla ngħixu f’komunità.  Hi ħajja li tiddi f’Ġesù, it-togħma ġdida tal-ġesti tiegħu u ta’ kliemu.  Wara li nkunu ltqajna miegħu, kull ħaġa li titbiegħed mill-faqar tal-ispirtu, mill-ħlewwa u s-sempliċità tal-qalb tiegħu, mill-ġuħ u l-għatx tiegħu għall-ġustizzja, aspetti li jattivaw il-ħniena u l-paċi bħala dinamiki ta’ trasformazzjoni u rikonċiljazzjoni, tidher bla togħma u opaka.

Il-Profeta Iżaija jagħti lista ta’ ġesti konkreti li jiġġieldu l-inġustizzja: aqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf, libbes lil min tara għarwien, in-nies ta’ darek ma tinsihomx (cfr 58,7).  “Imbagħad – ikompli l-Profeta – ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek (v. 8).  Min-naħa d-dawl, dak li ma jistax jinħeba għax qawwi daqs ix-xemx li kull filgħodu tkeċċi d-dlam; mill-oħra l-ġerħa li darba kienet taħraq u issa qed tfiq.


Fil-fatt, huwa ta’ wġigħ li titlef it-togħma u tiċħad il-ferħ; madankollu, huwa possibbli li jkollok din il-ferita f’qalbek.  Ġesù jwissi li min kien qed jisimgħu biex ma jaqtax qalbu mill-ferħ. Il-melħ li tilef it-togħma tiegħu, jgħid, “ma jibqa’ tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies” (Mt 5:13). Kemm nies – forsi ġara dan lilna wkoll – iħossuhom mormija, żbaljati.  Ikun qiesu li d-dawl tagħhom mar jistaħba.  Però, Ġesù jħabbrilna Alla li qatt mhu se jarmina, Missier li għandu għal qalbu isimna, l-uniċità tagħna.  Kull ġerħa, anki jekk fonda, tfiq, meta nilqgħu l-kelma tal-Beatitudnijiet u nerġgħu nibdew interrqu t-triq tal-Evanġelju.

Infatti dawn huma ġesti ta’ ftuħ għall-oħrajn u ta’ attenzjoni, ikebbsu mill-ġdid il-ferħ.  Mhemmx għalfejn ngħidu li bis-sempliċità tagħhom huma kontra l-kurrent.  Ġesù stess ġarrab it-tentazzjoni fid-deżert, imħajjar jaqbad toroq oħra: biex jafferma l-identità tiegħu, juriha, jitfa’ d-dinja taħt saqajh.  Madankollu hu rrifjuta t-toroq li minnhom tintilef it-togħma ġenwina, it-toroq li nsibuhom kull nhar ta’ Ħadd fil-Ħobż miksur: ħajja mogħtija, imħabba bogħod mill-istorbju.

Ħuti, ejjew inħallu l-komunjoni tagħna ma’ Ġesù tmantnina u ddawwalna.  B’dal-mod, bla ebda esibizzjonijżmu, inkunu nixbħu l-belt fuq il-quċċata tal-muntanja, li mhux biss tidher, imma tistieden u tilqa’: il-belt ta’ Alla li fiha, fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd jixtieq jgħammar u jsib il-paċi.  Issa ndawru ħarsitna u talbna lejn Marija, il-Bieb tas-Sema, biex tgħinna nibqgħu dejjem dixxipli ta’ Binha.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ f’Huércal-Overa, fi Spanja, kien beatifikat don Salvatore Valera Parra, kappillan iddedikat kompletament għall-merħla tiegħu, umli u ħawtiel fil-karità pastorali tiegħu.  Jalla l-eżempju ta’ dal-qassis, iċċentrat fuq l-essenzjali, ikun ta’ stimolu għas-saċerdoti tal-lum biex ikunu fidili fil-ħajja ta’ kuljum mgħejxha bis-sempliċità u r-rażna.

B’niket u tħassib sirt naf bl-attakki ta’ dan l-aħħar fuq xi komunitajiet fin-Niġerja, li ħallew bosta telf ta’ ħajjiet umani.  Nesprimi l-qrubija u t-talb tiegħi għall-vittmi tal-vjolenza u tat-terroriżmu.  Nawgura li l-awtoritajiet kompententi jkomplu jimpenjaw ruħhom b’determinazzjoni biex jiggarantixxu s-sigurtà u l-ħarsien tal-ħajja ta’ kull ċittadin.

Illum, tifkira ta’ Santa Ġiuseppina Bakhita, qed niċċelebraw il-Jum Dinji ta’ talb u riflessjoni kontra t-traffikar tal-persuni.  Irrodd ħajr lis-sorijiet u lil dawk kollha impenjati biex jiġġieldu u jeliminaw dawn il-forom ta’ jasar tal-lum.  Flimkien magħhom ngħid: il-paċi tibda mid-dinjità!

Niżgura talbi għall-popolazzjonijiet tal-Portugall, tal-Marokk, ta’ Spanja – partikolarment ta’ Grazalema fl-Andalusija – u tal-Italja t’Isfel, speċjalment Niscemi, fi Sqallija -, li ntlaqtu minn għarar u valangi.  Inħeġġeġ lill-komunitajiet biex jibqgħu magħqudin u solidali taħt il-protezzjoni materna tal-Verġni Marija.

U issa nagħti merħba lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini Taljani u minn diversi pajjiżi.  Insellem lill-fidili minn Melilla, Murcia u Malaga, fi Spanja: lil dawk ġejjin mill-Bjelorussja, mil-Litwanja u mil-Latvja; lill-istudenti minn Olivenza, fi Spanja, u lill-adoloxxenti Maltin li se jagħmlu l-Griżma.  Insellem ukoll liż-żgħażagħ magħqudin magħna minn tliet oratorji fid-djoċesi ta’ Brescia.

Inkomplu nitolbu għall-paċi.  L-istrateġiji tas-setgħa ekonomika u militari – tgħallimna l-istorja – ma jagħtu ebda futur lill-umanità.  Il-futur jiddependi mir-rispett u l-fratellanza bejn il-popli.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading