Alla jippermetti il-Mirakli Ewkaristiċi (1)

Il-Mirakli Ewkaristici (95)

minn Manwel Cutajar

Fl-artikli li jmiss se nitkellmu dwar dit-tema tant importanti minn diversi perspettivi fosthom teoloġiċi, bibliċi, patristiċi  u naraw kif dawn l-aspetti kollha tal-Mirakli Ewkaristiċi għandhom influss fuq il-Kattoliċi, l-Insara u l-bnedmin kollha li jemmnu fil-Preżenza reali ta’ Sidna Ġesu Kristu bil-Ġisem,id-Demm,ir-Ruħ u d-Divinità Tiegħu  fl-Ewkaristija Divina.

Mill-Perspettiva teoloġika

Skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika, Alla jippermetti l-Mirakli Ewkaristiċi bħala sinjali straordinarji u divini biex jikkonfermaw, iġeddu u jsaħħu l-Fidi tagħna fil-Preżenza reali ta’ Sidna Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Divina.

Filwaqt li f’kull Quddiesa iseħħ l-Miraklu Ewkaristiku l-aktar sublimi, profond u fundamentali għaliex “L-Ewkaristja hi l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija kollha” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika par.1324) fejn permezz tat-transubstanzjazzjoni—il-ħobż u l-inbid, jinbidlu realment fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu,  il-Mirakli Ewkaristiċi  l-oħra kollha jagħtu spinta lill-Fidi, jindirizzaw id-dubji, u jfakkru lill-fidili Nsara u Kattoliċi f’dir-realtà Sopranaturali ta’ das-Sagrament l-aktar qaddis.

F’żmien ta’ dubji, xettiċiżmu u sekulariżmu, dawn il-Mirakli Ewkaristiċi iservu bħala tfakkira Divina u tanġibbli li l-Ewkaristija hija tabilħaqq il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Ġesù Kristu, u mhux sempliċement simbolu.

 Il-motivi teoloġiċi ewlenin għall-Mirakli Ewkaristiċi jinkludu:

 1. Affermazzjoni tal-Preżenza reali ta’ Kristu u t-Transubstanzjazzjoni:

  L-għan ewlieni tal-Mirakli Ewkaristiċi huwa li jikkonfermaw li l-ħobż u l-inbid ikkonsagrati fil-quddiesa huma tassew mibdula fil-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ, u d-Divinità ta’ Ġesù Kristu.

 Il-Mirakli Ewkaristiċi jservu bħala sinjali viżibbli u tanġibbli ta’ dir-realtà moħbija Divina.

    2.Rispons għad-Dubji u x-Xettiċiżmu:

 Storikament, xi Mirakli Ewkaristiċi seħħew meta saċerdot jew nisrani u kattoliku ddubita mid-Duttrina tat-transubstanzjazzjoni.

 3. Protezzjoni Kontra l-Profanazzjoni tal-Ewkaristija Divina:

 Ħafna Mirakli Ewkaristiċi seħħew fl-Istorja tal-Knisja Kattolika meta Ostja kkonsagrata insterqet jew ġiet ipprofanata. It-trasformazzjoni f’laħam jew demm viżibbli tista’ sservi bħala intervent Mirakoluż biex tipproteġi l-Ewkaristija Divina.

 4. “Sejħa għall-Ħniena” fi Żminijiet ta’ Kriżi:

  Xi Mirakli Ewkaristiċi,  huma interpretati bħala l-intervent ta’ Alla matul perjodi ta’ tbatija intensa, gwerer, jew inġustizzja soċjali, u jservu bħala tfakkira tal-Preżenza kollha mħabba ta’ Sidna Ġesù Kristu fid-dinja.

 5.  Inċentivi għar-Riparazzjoni:

 Il-Mirakli Ewkaristiċi spiss jenfasizzaw il-ħtieġa li ssir riparazzjonijiet għat-traskuraġni, l-indifferenza, jew id-dnubiet imwettqa kontra l-Ewkaristija.

   6. Rivelazzjonijiet Privata:

Il-Mirakli Ewkaristiċi huma kkonsidrati mill-Knisja Kattolika bħala rivelazzjonijiet privati. Dan ifisser li filwaqt li dawn il-Mirakli Ewkaristiċi jistgħu jiġu approvati bħala “denji li jiġu emmnuti” (jiġifieri ma fihom xejn kuntrarju għall-Fidi u l-morali), il-Kattoliċi mhumiex obbligati jemmnu fihom għas-salvazzjoni tagħhom  iżda l-Mirakli Ewkaristiċi huma permessi minn Alla biex jgħinu lill-fidili Nsara jkollhom faraġ, u jgħinuhom fit-tkabbir tal-fidi tagħhom fl-Ewkaristija.

  7. Appell għall-Fidi u l-Konverżjoni:

 Spiss li dawn il-Mirakli Ewkaristiċi jseħħu f’kuntesti ta’ dubji (min-naħa tas-saċerdoti jew tal-fidili nsara) jew ta’ tnaqqis morali/spiritwali, u jservu bħala sejħa għall-konverżjoni  u l-ħtieġa li wieħed jerġa’ lura għaċ-ċentru tal-qima Nisranija, sinjal ta’ Imħabba Divina li tixtieq tressaq lill-fidili eqreb lejn l-Ewkaristija.

  8. Sinjali tal-Ħniena Divina:

 Il-Mirakli Ewkaristiċi huma interpretati bħala don speċjali mingħand Alla (“Sinjali ta’ Ħniena Divina u Infinita lejn l-umanità”) biex jgħinu d-dgħufija umana temmen li l-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija moħbija taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid.

  • Tabilħaqq u daqstant Alla iħobb lill-bnedmin kollha!

  9.  “Messaġġ” mis-Smewwiet:

Bħala forma ta’ rivelazzjoni privata, il-Mirakli Ewkaristiċi huma maħsuba minn Alla L-Imbierek  biex iressqu lill-bnedmin kollha eqreb lejn Ġesù bl-umiltà u l-gratitudni, speċjalment meta l-Fidi fil-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija tkun naqset jew spiċċat għalkollox.

Filwaqt li kull Quddiesa hija “l-akbar u l-aqwa Miraklu Ewkaristiku” ta’ transubstanzjazzjoni, dawn il-Mirakli Ewkaristiċi  straordinarji huma permessi minn Alla biex jgħinu lill-bnedmin “jaraw” b’għajnejhom dak li huma msejħin u mistiedna jemmnu b’qalbhom.

  10. Sejħa għat-Twemmin u l-Indiema:

Dawn il-Mirakli Ewkaristiċi jservu bħala “sejħa ta’ twissija” għall-bnedmin  biex japprezzaw il-profondità Infinita tal-Ewkaristija Divina  u biex irawmu fihom ritorn għall-Indiema u għall-Qrar Sagramentali u r-riverenza xierqa.

  11. Iħeġġu d-Devozzjoni u l-Adorazzjoni:

Dawn il-Mirakli Ewkaristiċi  seħħew u għadhom iseħħu kontinwament fid-dinja, kif saħansitra rajna anki Mirakli Ewkaristiċi fi żmienna,  biex iressqu lill-bnedmin ta’ kull żmien fil-pajjiżi u l-kontinenti kollha fid-dinja, eqreb lejn l-Ewkaristija l-aktar Divina, u jistimulaw Adorazzjoni aktar profonda u ferventi lejn das-Sagrament kbira ta’ Imħabba ta’ Alla: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

  12. Trawwim tal-Indiema u l-Fidi

 Xi kultant jitqiesu bħala sejħa ta’ twissija għall-bnedmin biex jimxu minn stat ta’  nuqqas ta’ twemmin għal Fidi aktar profonda u sinċiera.

 13. Iserrħu lill-bnedmin fi Żminijiet Diffiċli

F’mumenti meta l-fidili jkunu ppersegwitati jew jitħabtu mal-Fidi tagħhom, dawn il-Mirakli Ewkaristiċi jipprovdu inkoraġġiment u faraġ.

14. Jipprovdu “Evidenza” Tanġibbli ta’ Realtà Spiritwali

 Għalkemm l-Ewkaristija hija maħsuba biex tiġi riċevuta bil-Fidi aktar milli bil-vista, Alla  jagħraf d-dgħufija umana billi jippermetti li l-Ewkaristija turi n-natura vera tagħha, simili għal kif Ġesù stieden lil Tumas l-Appostlu biex imiss il-ġrieħi Tiegħu. Hekk naraw lil Ġesù  jistieden speċifikament lil Tumas, li kien qed jiddubita, biex imiss il-ġrieħi tiegħu biex jagħti prova tal-Qawmien fiżiku Tiegħu mill-Imwiet. Hawnhekk Ġesù jgħidlu, “Poġġi subgħajk hawn, u ara idejja; u oħroġ idek, u poġġiha f’ġenbi”. Hekk wara Tumas emmen u  Ġesù jkompli jgħidlu, “Emmint għax rajtni? Henjin dawk li ma rawx u xorta emmnu” (Ġwanni 20:24-29).

 15. “Għodda Viżibbli” għall-Fidi:

Dawn il-Mirakli Ewkaristiċi jużaw elementi fiżiċi u viżibbli (spiss tessut kardijaku uman, speċifikament mijokardju, u tip ta’ demm AB) biex jgħaqqdu s-sensi umani ma’ realtà Sopranaturali.

  16. Solidarjetà mal-Passjoni ta’ Ġesù

 L-Analiżi xjentifika tal-Mirakli Ewkaristiċi li ħafna drabi tiżvela tessut tal-qalb ħaj (mijokardju) taħt stress, tgħin lill-Insara u lill-bnedmin kollha  jingħaqdu spiritwalment, intellettwalment u emozzjonalment mal-Passjoni u t-tbatija ta’ Sidna Ġesù Kristu. 

  17. Konferma tat-Tagħlim tal-Knisja

Fl-aħħarnett, dawn il-Mirakli Ewkaristiċi jservu bħala Approvazzjoni Divina tat-teoloġija Sagramentali tal-Knisja Kattolika, speċifikament li l-ħobż u l-inbid ikkonsagrati jiġu mibdula fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu filwaqt li d-dehra tal-ħobż u inbid tibqa’ l-istess, kif dejjem tgħallem il-Knisja Kattolika, kif inkomplu naraw fl-artikli li jmiss f’din is-sensiela.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading