Il-Madonna tal-Medalja Mirakuluża (2)

Kitba ta’ Joe Galea

San Ġorġ Preca u s-Socjetà u d-devozjoni lejn il-Medalja Mirakoluza.

Kull fundatur ta’ kull kongregazzjoni jew soċjetà reliġjuża xerred bosta devozzjonijiet lejn il-Verġni Marija. Dan kien sinjal ċar li huma kienu ispirati minn Alla. San Ġorġ Preca wkoll ħabb lill-Verġni Marija b’mod qawwi u ħadem biex aktar nies iħobbuha.

Devozzjoni vera

Kien konxju li dawn id-devozzjonijiet jistgħu jiġu prattikati b’mod superfiċjali. Għalhekk kien jisħaq illi wieħed ikun jabbuża mill-ħniena ta’ Marija Santissima jekk jidneb filwaqt li jittama li hija tidħol għalih.  San Luiġi Grignon de Montfort jiddeskrivilna wkoll seba’ tipi ta’ persuni li, għalkemm jagħtu qima lil Verġni Marija, mhumiex fit-triq it-tajba. Dan il-qaddis jgħidilna li dawn il-persuni huma fl-iżball, għaliex flok li jħobbu lil Marija, jagħtuha qima b’mod falz. Verament li dawn iż-żewġ qaddisin jaqblu ma’ xulxin.

Il-kappella tal-Madonna tal-Medalja Mirakuluża, fil-Blata l-Bajda

L-imħabba ta’ San Ġorġ Preca lejn Marija ma kinitx superfiċjali iżda waħda profonda. Fil-fatt hu nqeda bid-devozzjonijiet li kien hawn: il-Labtu tal-Karmnu u l-Medalja Mirakuluża, iżda fittex li jagħtihom it-tifsira oriġinali li kellhom. Ta’ min isemmi li kien hawn ħafna nies f”Malta li kienu jipprattikaw dawn id-devozzjonijiet bħala drawwa, iżda San Ġorġ Preca ma kienx kuntent b’dan. Ried li l-insara jiskopru l-ispirtu proprju tad-devozzjonijiet popolari.

Fost devozzjonijiet oħra lejn Marija, San Ġorġ Preca xerred din id-devozzjoni lejn il-Medalja Mirakuluza, li l-Verġni Marija tat lil Santa Katarina Labourè. Kien San Ġorġ Preca li f’Malta u f’Għawdex xerred id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Medalja Mirakoluża.

Devozzjonijiet oħra

Kien jgħid lin-nies kollha, speċjalment waqt il-prietki, biex iġibu mdendla m’għonqhom “dan ir-rigal li tatna l-Madonna mis-sema”.

“Għandu jnissel fihom devozzjoni lejn Marija Santissima biex iqimuha, u biex jittamaw fiha; għalhekk iħabrek li huma jġibu fuqhom il-labtu tagħha u l-medalja mirakoluża. (Gwida għal min Jgħallem lit-tfal.)

“Int min int, ġib dejjem imdendla ma’ għonqok il-medalja mirakoluża, jekk trid li l-Madonna ssalvalek ruħek u teħilsek mid-diżgrazzji anke tal-ġisem, basta ma tabbużax biha.”

“Nirrakkomandaw lil Marija Santissima ’l-midinbin biex ikollhom il-protezzjoni tagħha għar-ruħ u għall–ġisem, billi nagħtuhom medalja mirakuluża u inħabirku li jġibuha mdendla ma’ għonqhom.”

F’nota minnhom jikteb hekk: – “Isma’ l-kliem preċiż li qalet il-Madonna lil Santa Katerina Labouré: “Dawk kollha li jġibu mdendla ma’ għonqhom din l-medalja, ikollhom il-protezzjoni tiegħi ta’ Omm Alla li jien, mhux biss għar-ruħ iżda wkoll għall-ġisem.” (Gwida ghal ulied il bnedmin fit triq tal-paci)

Kien isemmi li min jilbes diin il -Medalja jkollu l-ħarsien ta’ Marija Santissma fil-perikli tar-ruħ u tal-ġisem. U biex isaħħaħ kliemu kien jirrakkonta grazzji kbar li jirċievi min jilbes din id-domna, bħall-mara fil-Ħamrun li kienet qed tmut u ma riditx taħfer lil min taha tbaqbiqa li wassalha s’hemm, imma San Ġorġ Preca jgħid li ħafret għax kienet liebsa l-Medalja merakuluża.

Il-kappella tal-Madonna tal-Medalja Mirakuluża

San Ġorġ Preca xtaq li l-Kappella tad-Dar Ċentrali tal-Museum, fil-Blata l-Bajda, tkun iddedikata lil Marija taħt  dan it-titlu. U llum l-korp qaddis ta’ San Ġorġ Preca ilu minn Mejju tas-sena 2001 jistrieħ f’din il-kappella, maġenb l-artal.

Id-devozzjoni lejn id-domna mirakuluża għadha sal-lum fis-Soċjeta’ tal-Museum. Bħalma Dun Ġorġ kien jieħu kull okkażjoni biex iqassam id-domna, hekk sar fl-istorja tas-Soċjeta’ u għadu jsir sal-lum, speċjalment f’xi laqgħat b’unur għal Marija. Ftit ilu, Superjur tal-Museum mid-Dar Ġenerali li ġie jżur il-Qasam tal-MUSEUM fejn nattendi jiena, qal lil grupp ta’ adolexxenti: “Se nagħtikom rigal.” Ir-rigal kien domna sabiħa b’lazz pulit. Tant apprezzawha li l-għada xi wħud ġew bid-domna fejn tidher.

Tassew inkuraġġjanti li tara żgħar u adolexxenti devoti lejn id-Domna Mirakuluża, grazzi wkoll għall eżempju ta’ San Ġorġ Preca.

Joe Galea

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading