ĦADD IL-PALM: IL-PASSJONI TAL-MULEJ –
TIFKIRA TAD-DAĦLA TAL-MULEJ F’ĠERUSALEMM
U QUDDIESA
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 29 ta’ Marzu 2026
Għeżież ħuti,
Filwaqt li Ġesù jimxi t-triq tas-salib, aħna nimxu warajh, nimxu fuq il-passi tiegħu. U aħna u nimxu warajh, nikkontemplaw il-passjoni tiegħu għall-umanità, il-qalb tiegħu li tinqasam, il-ħajja tiegħu li ssir rigal ta’ mħabba.
Ejjew inħarsu lejn Ġesù, li jippreżenta ruħu bħala Sultan tal-paċi, waqt li madwaru qed titħejja l-gwerra. Hu, li jibqa’ sħiħ fil-ħlewwa, waqt li l-oħrajn jaġitaw ruħhom fil-vjolenza. Hu, li joffri ruħu bħala żegħila għall-umanità, waqt li l-oħrajn jippuntaw xwabel u bsaten. Hu, li hu d-dawl tad-dinja, waqt li d-dlamijiet waslu biex jgħattu l-art. Hu, li ġie biex jagħti l-ħajja, waqt li qed iseħħ il-pjan biex jiġi kkundannat għall-mewt.
Bħala Sultan tal-paċi, Ġesù jrid jirrikonċilja d-dinja fit-tħaddina tal-Missier u jġarraf kull ħajt li jifridna minn Alla u mill-proxxmu, għax “Huwa s-sliem t-tagħna” (Efes 2:14).
Bħala Sultan tal-paċi, huwa jidħol Ġerusalemm riekeb fuq ħmar, mhux fuq żiemel, u hekk iwettaq il-profezija qadima li kienet tistedinna nithennew għall-wasla tal-Messija: “Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek; / ġust u rebbieħ, / umli u riekeb fuq ħmar, / fuq felu ta’ ħmara. / Hu jeqred il-karru minn Efrajm / u ż-żiemel minn Ġerusalemm; / jinqered il-qaws tal-gwerra. / Hu jxandar il-paċi lill-ġnus” (Żak 9:9-10).
Bħala Sultan tal-paċi, meta wieħed mid-dixxipli tiegħu jislet is-sejf biex jiddefendih u jolqot lill-qaddej tal-qassis il-kbir, hu minnufih iwaqqfu u jgħidlu: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered” (Mt 26:52).
Bħala Sultan tal-paċi, waqt li kien qed jitgħabba bit-tbatijiet tagħna u jiġi midrub għal ħtijietna, “bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu” (Iż 53:7). Ma kellux armi, ma ddefendiex ruħu, ma ġġieled ebda gwerra. Wera l-wiċċ kollu ħlewwa ta’ Alla, li dejjem jirrifjuta l-vjolenza, u minflok ma salva lilu nnifsu ħalliehom isammruh mas-salib, biex iħaddan is-slaleb kollha ta’ kull żmien u post fl-istorja tal-umanità.
Ħuti, dan hu Alla tagħna: Ġesù, Sultan tal-paċi. Alla li jirrifjuta l-gwerra, li ħadd ma jista’ jinqeda bih biex jiġġustifika l-gwerra, li ma jagħtix widen għat-talb ta’ min jagħmel il-gwerra u jirrifjutaha waqt li jgħid: “Ukoll jekk tkattru t-talb, jien ma nismagħkomx, għax idejkom mimlija demm” (Iż 1:15).
Meta nħarsu lejh, li ġie mislub għalina, nilmħu l-imsallbin tal-umanità. Fil-pjagi tiegħu nilmħu l-ġrieħi ta’ tant nisa u rġiel tal-lum. Fl-aħħar għajta tiegħu lill-Missier nisimgħu l-karba ta’ min hu mifni, ta’ min hu bla tama, ta’ min hu marid, ta’ min hu waħdu. U fuq kollox nisimgħu l-karba ta’ wġigħ ta’ dawk kollha li huma magħkusa mill-vjolenza u tal-vittmi kollha tal-gwerra.
Kristu, Sultan tal-paċi, għadu qed jgħajjat minn fuq is-salib tiegħu: Alla huwa mħabba! Ikollkom ħniena! Ċedu l-armi, ftakru li intom aħwa!
Bi kliem il-Qaddej ta’ Alla, l-Isqof Tonino Bello, nixtieq nafda din il-karba lil Marija Santissima, li tinsab taħt is-salib ta’ Binha, u tibki wkoll f’riġlejn l-imsallbin tal-lum:
“Santa Marija, mara tat-tielet jum, agħtina ċ-ċertezza li, minkejja kollox, il-mewt qatt ma tista’ taħkimna iżjed taħtha. Li l-inġustizzji tal-popli għandhom jiemhom magħduda. Li l-leħħiet qawwija tal-gwerer qed jixxejnu fi dwal mitfija. Li t-tbatijiet tal-foqra waslu fl-aħħar nifs. […] U li, sa fl-aħħar, id-dmugħ tal-vittmi kollha tal-vjolenza u tat-tbatija ma jdumx ma jiġi xxuttat bħall-ġlata mix-xemx tar-rebbiegħa” (Marija, mara ta’ żminijietna).
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard