VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
LAQGĦA MAD-DINJA TAL-KULTURA
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU IL-PAPA LJUN XIV
Campus “León XIV” tan-National University (Malabo)
It-Tlieta, 21 ta’ April, 2026
Distint Rettur,
Awtoritajiet,
Għeżież sinjuri,
Irrodilkom ħajr li stedintuni għal-dan l-avveniment li fih qed tiġi inawgurata n-National University of Equatorial Guinea. Waqt li nesprimi l-gratitudni tiegħu li dan il-campus ġie intitolat lili, jien konxju li din id-deċiżjoni tmur ‘l hinn mill-persuna li qed tingħata dan l-unur għax tirrifletti l-valuri li lkoll kemm aħna nixtiequ ngħaddu lill-oħrajn.
L-inawgurazzjoni ta’ campus universitarju mhix sempliċi att amministrattiv. Tittraxxendi s-sempliċi espansjoni tal-infrastruttura u l-imkejjen tal-istudju. Din l-inawgurazzjoni hi att ta’ fiduċja fil-persuna umana, affermazzjoni tal-valur tal-isforz biex inkomplu nsaħħu l-formazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, tant impenjattiva u fl-istess ħin tant nobbli, aħna u nfittxu l-verità u nqiegħdu l-għarfien għas-servizz tal-ġid komuni.
Għaldaqstant, dal-mument għandu importanza li tmur ferm ‘l hinn mill-konfini materjali tal-postijiet u l-bini. Illum, infetaħ spazju ta’ tama, laqgħa u progress. Tabilħaqq, kull sforz akkademiku ma jikbirx biss strutturalment iżda wkoll bħala organiżmu ħaj.
Forsi għal dir-raġuni meta nitkellmu dwar il-missjoni tal-università l-aktar tixbiha elokwenti hi s-siġra. Għall-poplu tal-Guinea Ekwatorjali, ic-ceiba, is-siġra nazzjonali, għandha tifsir simboliku kbir. Is-siġra tniżżel għeruqha fil-fond, u bilmod tikber bil-paċenzja tissaħħaħ u togħla, u tagħmel frott li ma jkunx għaliha. Fil-kobor tagħha, fis-saħħa taz-zokk u fl-abbundanza tal-friegħi tagħha, din is-siġra tidher li toffri tixbiha tal-vokazzjoni ta’ x’għandha tkun università: istituzzjoni msejsa fuq is-serjetà tal-istudju, fuq il-memorja ħajja ta’ poplu u l-perseveranza għat-tfittxija tal-verità. Hekk biss tista’ tissaħħaħ; hekk biss tista’ titjieb bla ma titlef il-kuntatt maċ-ċirkostanzi storiċi li tinsab fihom. U minbarra li tipprovdi mezzi għas-suċċess professjonali, tkun toffri wkoll għan fil-ħajja tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, kriterji ta’ dixxerniment u timmotiva għas-servizz.
L-istorja tal-umanità nistgħu naqrawha wkoll permezz tas-simboliżmu ta’ xi siġar bibliċi. Fil-ġnien tal-Ktieb tal-Ġenesi, maġenb is-siġra tal-ħajja kien hemm is-siġra tat-tagħrif it-tajjeb u l-ħażin (cf. Ġen 2,9) li Alla kkmanda lir-raġel u l-mara biex ma jieklux minnha. Ta’ min jenfasizza li din l-istorja mhijiex dwar kundanna tal-għarfien bħala tali, bħallikieku l-fidi tibża’ mill-intelliġenza jew tħares b’suspett lejn ix-xewqa għall-għarfien. Il-bnedmin irċevew il-ħila li jkunu jafu, li jagħtu isem, li jiddixxernu, li jistagħġbu bid-dinja u li jistagħġbu bit-tifsira tagħha (cf Ġen 2:19).
Għalhekk, il-problema mhix l-għarfien iżda d-devjazzjoni tiegħu lejn intelliġenza li ma baqgħtex tfittex li tkun koerenti mar-realtà, imma biex tgħawwiġha skont l-għanijiet tagħha, tevalwaha skont x’se jibbenefika minnha dak li jitlob li ikun jaf. F’dal-każ, l-għarfien ma jibqax aktar ftuħ u minflok isir pussess; ma jibqax aktar triq lejn l-għerf u jinbidel f’affermazzjoni ta’ kburija u awtosuffiċjenza, iwitti t-triq għall-konfużjoni li eventwalment tista’ ssir inumana.
Madankollu, l-istorja Biblika ma tintemmx ma’ dik is-siġra. It-tradizzjoni Nisranija tikkuntempla siġra oħra, dik tas-salib, mhux bħala ċaħda tal-intelliġenza umana iżda bħala sinjal tar-redenzjoni tagħha. Jekk fil-Ġenesi nsibu t-tentazzjoni tal-kisba tal-għerf mifrud mill-verità u t-tjubija, fuq is-salib insibu r-rivelazzjoni tal-verità, Ġesù Kristu, li mhux talli ma jimponix ir-rieda tiegħu, talli permezz tal-imħabba joffri lilu nnifsu u jerfagħna għad-dinjità li biha ġejna konċeputi sa mill-bidu. Fis-salib, il-bnedmin huma mistiedna jħallu x-xewqa tagħhom għall-għarfien, titfejjaq: biex jerġgħu jiskopru li l-verità mhix ħlieqa, mhix manipulata u lanqas posseduta qiesha xi trofew, iżda milqugħa, imfittxija b’umiltà u moqdija b’responsabbiltà.
Għal dir-raġuni, mill-perspettiva Nisranija, Kristu ma jidhirx qiesu xi ħarba reliġjuża quddiem sforzi intellettwali, qiesu li l-fidi bdiet meta ntemmet ir-raġuni. Għall-kuntrarju, fih timmanifesta ruħha l-armonija profonda bejn il-verità, ir-raġuni u l-libertà. Il-verità tippreżenta ruħha bħala realtà li tippreċedi lill-bnedmin, tisfidahom u ssejħilhom biex joħorġu minnhom infushom. Huwa għalhekk li l-verità nistgħu nfittxuha bil-fiduċja. Il-fidi, ’il bogħod milli tingħalaq għal din it-tfittxija, issafiha mill-awtosuffiċjenza u tiftaħha għal milja li r-raġuni tistinka lejha, anki jekk ma tistax tilqagħha għalkollox.
B’dan il-mod, is-siġra tas-Salib tirrestawra l-iskop oriġinali tal-imħabba għall-għarfien. Tgħallimna li l-għarfien ifisser li nkunu miftuħin għall-verità u nifhmu kemm xi tfisser, kif ukoll il-misteru li jinsab fiha. Għalhekk, it-tfittxija għall-verità tibqa’ tassew umana: umli, serja u miftuħa għal verità li kienet qabilna, issejħilna u tisboqna.
Tabilħaqq, mhux biżżejjed li siġra tagħmel il-frott: il-kwalità tal-frott hija importanti wkoll, għax is-siġra mill-frott tagħha tingħaraf (cf Mt 7:20). Bl-istess mod, università tkejjel lilha nnifisha mill-kwalità tal-istudenti li toffri lill-ħajja tal-komunità aktar milli mill-għadd ta’ gradwati jew mit-tkabbir tal-infrastruttura tagħha. Din hija x-xewqa sinċiera li l-Knisja tesprimi fl-impenn tagħha ta’ sekli sħaħ fil-qasam tal-edukazzjoni: li l-validità tal-professjonisti titkejjel mill-għarfien u t-teknika; li jkunu frott matur għal fekondità awtentika, bil-ħila li l-ħarsa tmur ‘l hinn mis-sempliċi apparenza tas-suċċess.
Għeżież ħuti, hawn, f’dal-campus ic-ceiba, tal-Guinea Ekwatorjali għandha sejħa li tagħmel frott ta’ progress imħawwel fis-solidarjetà u fl-għarfien li jinnobilita u jiżviluppa l-bniedem integralment. Hi msejħa biex toffri frott ta’ intelliġenza u rettitudni, kompetenza u għerf, ta’ eċċellenza u servizz. Jekk f’dal-post ġenerazzjonijiet ta’ rġiel u nisa jiġu ffurmati profondament mill-verità u jkunu kapaċi jittrasformaw l-eżistenza tagħhom stess f’rigal għall-oħrajn, allura c-ceiba tibqa’ simbolu elokwenti msejjes fuq l-aqwa kwalitajiet ta’ din l-art, nobilitata mill-għerf u miżgħuda bi frott li jagħti ġieħ lill-Guinea Ekwatorjali u jagħni l-familja umana kollha.
B’dawn is-sentimenti ninvoka fuq kull wieħed u waħda minnkom – fuq l-awtoritajiet, l-għalliema, l-istudenti u l-ħaddiema ta’ din l-Università u fuq il-familji tagħkom – abbundanza ta’ barkiet ta’ Alla li jista’ kollox, li f’Ibnu Ġesù Kristu, il-Verb inkarnat, wera lill-bnedmin il-verità dwarhom infushom u d-dinjità vera tagħhom (cf Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kost. Past. Gaudium et Spes, 22).
Inqegħedkom ilkoll taħt il-protezzjoni materna ta’ Marija l-aktar qaddisa, Tron tal-Għerf, sabiex dan il-frott, minbarra li jkun abbundanti, ikun ukoll bnin ħafna. Grazzi ħafna!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber