VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
ŻJARA LILL-ĦADDIEMA U L-PAZJENTI TAL-ISPTAR TAL-PSIKJATRIJA
“JEAN PIERRE OLIE”
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
Sptar tal-Psikjatrija “Jean Pierre Olie”
Tuesday, 21 April 2026
Sur Direttur Ġenerali,
Distinti Awtoritajiet,
Għeżież ħuti,
Jien grat ħafna għall-merħba li tajtuni u għall-ospitalità kif ukoll għall-kant u ż-żfin. Grazzi ħafna!
Kull meta nżur sptar, xi dar tar-residenti li jbatu minn mard jew diffikultajiet, inħoss sentimenti mħallta: min-naħa nħoss uġigħ jew swied il-qalb minħabba l-persuni li jkunu qed ibatu; ħafna drabi jkunu għaddejjin minn uġigħ kbir. Kultant il-ġrieħi tagħhom ikunu jidhru, drabi oħra jkollhom ġrieħi li ħadd ma jista‘ jarahom iżda li huma jafu li qed iġorru fi qlubhom u f’ħajjithom. Qalbi tingħafas għall-familji li spiss ma jkunux jafu kif għandhom jakkumpanjaw u jgħinu lill-pazjent.
Iżda nammira u nitfarraġ b‘dak kollu li jsir hawnhek kuljum għas-servizz tal-ħajja umana. Hawnhekk inħoss l-istess sentimenti: iżda llum qed ninduna – u nittama li dan jgħodd għalikom ukoll – li l-post mimli ferħ u tama. Il-ferħ tal-laqgħa f’isem il-Mulej, il-ferħ u t-tama fl-għarfien li qed nieħdu ħsieb lil min saħħtu hi dgħajfa.
Xi kliem li għadni kif smajt emozzjonani.
Id-Direttur qal: ‘”Soċjetà tassew kbira mhijiex waħda li taħbi d-dgħufijiet tagħha, iżda waħda li ttihom imħabbitha”. Iva, dan hu minnu. Dan hu prinċipju ta’ ċiviltà b’għeruq Kristjani, għax tul il-mixja tal-istorja, Kristu ġie biex jifdi u jgħati lura dinjità sħiħa lil dawk li jsofru mill-istigma tad-diżabbiltà. Madankollu, is-Salvatur ma jixtieqx, u lanqas jista’, isalvana mingħajr il-koperazzjoni tagħna, kemm fuq livell personali u wkoll fuq livell soċjali. Għaldaqstant Hu jitlobna nħobbu lil ħutna mhux bil-kliem imma wkoll bil-fatti. Faċilità bħal mhi din, bl-għajnuna t’Alla u l-impenn ta’ kulħadd, tista’ tkun sinjal ta’ civiltà ta’ mħabba.
Is-Sur Pedro Celestino għażel li jtemm b’rimarka kommoventi: “Grazzi li tħobbuna kif aħna”. Jien ngħidlek grazzi tat-testimonjanza tiegħek! Grazzi lilkom ilkoll li tinsabu hawn biex tkunu xhieda, sinjal li hawn, f’dal-post, hawn imħabba ġenwina.
Alla jħobbna kif aħna. Filfatt Alla biss iħobbna kif aħna, imma mhux fil-pjan tiegħu li nibqgħu dejjem hekk! Le, Alla ma jridx li nkunu dejjem morda jew muġugħin; iridna f’saħħitna! Alla jrid ifejjaqna. Alla jrid itina dil-grazzja, li jgħinna biex infejqu l-ġrieħi tagħna.
Dan narawh bosta drabi fl-Evanġelju. Ġesù ġie biex iħobbna kif aħna, imma ma jridx jarana dejjem f’dan l-istat, iżda jrid jieħu ħsiebna. Sptar, speċjalment wieħed b’missjoni Nisranija, hu mkien fejn persuna hi milqugħa kif tkun u rispettata fil-fraġilità tagħha, fejn issib għajnuna ħalli tistejqer b’mod holistiku. Din id-dimensjoni spiritwali hi essenzjali u ħadt gost ħafna li d-Direttur enfasizza dan il-punt.
Fl-aħħar ngħid grazzi lis-Sur Tarcisio għall-poeżija tiegħu! Nixtieq ngħid li f’ambjent bħal dan, ta’ kuljum jinkitbu bosta “poeżiji” moħbija, forsi mhux bil-kliem iżda b’ġesti żgħar, bi ħsieb u l-qalb tajba fir-relazzjonijiiet ta’ bejnietkom. Hi poeżija li Alla biss jaf jifhem id-dettalji kollha tagħha u tagħti faraġ lill-Qalb ħanina ta’Kristu.
Għeżież ħuti, jekk jogħġobkom wasslu l-qrubija tiegħi lill-morda kollha tal-isptar, speċjalment min hu marid serju u fis-solitudni. Lilkom ilkoll – pazjenti, ħaddiema tas-saħħa u ħaddiema kollha – minn qalbi ntikom il-barka tiegħi jien u nafdakom taħt il-protezzjoni ta’ Maria, Saħħa tal-Morda. Grazzi ħafna.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber