Ittra tal-Papa Ljun XIV dwar il-Liturġija

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-E.T. KARDINAL ARTHUR ROCHE
FL-OKKAŻJONI TAL-KONFERENZA DWAR IL-LITURĠIJA
F’MOUNT ANGEL ABBEY

[Mount Angel Abbey (Oregon, USA)]

Lill-Eminenza Tiegħu
Kardinal Arthur Roche
Prefett tad-Dikasteru tal-Kult Divin
u d-Dixxiplina tas-Sagramenti

Insellem minn qalbi lilek u lil dawk kollha miġburin  f’Mount Angel Abbey, f’Oregon, fejn qed tiddiskutu s-suġġett importanti tal-formazjzoni liturġika tal-poplu t’Alla.

Fl-Ittra Appostolika tiegħu Desiderio Desideravi, li fiha ddeskriva s-sbuħija tal-profondità spiritwali u teoloġika tal-liturġija, il-Papa Franġisku għamel enfasi fuq il-ħtieġa ta’ formazzjoni attenta u kontinwa kemm għall-kleru kif ukoll għal-lajċi, biex tibqa’ tiġġedded il-ħajja liturġika tal-Knisja universali (cfr 38).  Aktar tard fakkarna li dil-formazzjoni “mhix speċjalizzazzzjoni għal xi ftit esperti, iżda pjuttost dispożizzjoni interna tal-Poplu kollu t’Alla” (Indirizz lill-Parteċipanti tas-Sessjoni Plenarja tad-Dikasteru għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, 8 ta’ Frar, 2024).  Għalhekk nixtieq inħeġġiġkom biex tesploraw toroq konkreti ta’ formazzjoni liturġika f’kull livell tal-Ġisem ta’ Kristu.  Fl-istess ħin “ma nistgħux neskludu li fil-formazzjoni ta’ dawk li bis-saħħa tas-Sagrament tal-Ordni Sagri, għandhom is-sejħa li jkunu mistagogi, jiġifieri, li lill-fidili jmexxuhom u jakkumpanjawhom f’għarfien aħjar tal-misteri qaddisa, din hi prijorità” (ibid.)

L-ewwel oportunitajiet prattiċi għall-formazzjoni liturġika jseħħu fil-pratikka regolari tal-ġemgħa li l-Ħadd tinġabar biex tiċċelebra l-Ewkaristija.  Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma ankrati mar-ritmu annwali tas-sena liturġika, u fiċ-ċentru tagħhom hemm il-Misteru Paskwali.  Għal dir-raġuni hu essenzjali li jkunu profondament formattivi, u jrawmu fehim aktar profond tal-ars celebrandi, mistqarra mhux biss miċ-ċelebrant tal-liturġija iżda wkoll mill-assemblea kollha kemm hi (cfr Desiderio Desideravi n. 54).  Hekk, bis-saħħa ta’ edukazzjoni xierqa u qima riverenti, il-Kattoliċi jkunu ffurmati kemm għal-liturġija u wkoll bil-liturġija (cfr ibid., n. 34).

Aktar minn hekk,biex nippromwovu ċelebrazzjoni aktar dinjituża tal-misteri qaddisa, hemm bżonn nagħmlu enfasi fuq il-ħtieġa tal-fedeltà lejn it-testi approvati u lejn l-istruzzjonijiet.  Fil-katekeżi li għamilt m’ilux fuq il-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa, is-Sacrosanctum Concilium, ġbidt l-attenzjoni ta’ dawk li huma msejħin biex iħejju ċ-ċelebrazzjoni tal-misteri divini, partikolarment is-saċerdoti, dwar ir-rispett li għandu jkollhom lejn ir-riti promulgati mill-Papa San Pawlu VI u mill-Papa San Ġwanni Pawlu II.

Hu vitali li dar-rispett “jinbet mill-atteġġjament interjuri ta’ disponibbiltà u ta’ fiduċja f’Alla, waqt li juri umiltà quddiem il-kobor tagħha u fedeltà sinċiera għall-komunjoni ekkleżjali” (Katekeżi, 27 ta’Mejju, 2026).

B’dawn is-sentimenti, inqiegħed ir-riflessjonijiet tagħkom f’idejn Marija, Tron tal-Għerf, u bi pjaċir nagħti l-Barka Appostolika tiegħi lilek u lil dawk kollha preżenti f’din il-laqgħa, bħala rahan ta’ għerf u paċi fil-Mulej.

Mill-Vatikan, 29 ta’ Ġunju, 2026

LEO PP. XIV

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading