Ġesù Ewkaristija,
għal ftit ġejt noqgħod ħdejk
sabiex nitkellem miegħek
u nuri mħabbti lejk.
Ilqagħaha din iż-żjara
li llum erfajt għalik:
Int taf li jien inħobbok
u spiss niftakar fik:
Missierna, Sliema u Glorja
Ġesù Ewkaristija,
kull ħajr sinċier nagħtik
tal-ġid li tajtni f’ħajti
biex nibqa’ nemmen fik.
Għallimni nagħraf sewwa
l-imħabba tiegħek lejja,
għallimni nżommok f’qalbi,
kuljum quddiem għajnejja.
Missierna, Sliema u Glorja
Ġesù Ewkaristija,
tal-lejl u n-nhar is-Sid,
noffrilek dal-jum tiegħi
bix-xogħol u bit-taħbit.
Noffrilek ħajti kollha
bil-ferħ u n-niket tagħna,
jien naf li inti tridha
u b’għożża dlonk tilqagħha.
Missierna, Sliema u Glorja
Ġesù Ewkaristija,
illum b’qalbi sogħbiena
nixtieq nitolbok maħfra
u minni jkollok ħniena.
F’dis-siegħa kollha mħabba
li jien erfajt għalik,
inwiegħdek li qatt iżjed
ma jien se noffendik.
Missierna, Sliema u Glorja
Ġesù Ewkaristija,
mexxini fit-triq tiegħek,
tħallini qatt fil-ħama
u t-tajn tal-għelt nitmiegħek.
Ħarisni llum u dejjem
mill-ħażen u mid-dnub:
għallimni nħobb biss lilek
kull ħin, Ġesù maħbub.
Missierna, Sliema u Glorja
Silenzju 1min
Mulej, jien nadurak profondament, Int li qiegħed preżenti quddiemi fl-Ewkaristija Mqaddsa, bħala l-Ħallieq u l-Feddej tiegħi. Noffrilek dak kollu li għandi, dak kollu li jien, dak kollu li jiddependi minni. Iva, O Mulej, noffrilek moħħi biex naħseb fik, qalbi biex inħobbok; ir-rieda tiegħi li naqdik; ġismi biex jaħdem u jbati għall-imħabba tiegħek. Inħobbok Mulej, u nfittex li nkun naf is-sbuħija u d-dija qawwija moħbija tiegħek. Int glorjuż, għażiż Mulej. U hekk kif nara l-glorja tiegħek, ressaqni aktar lejn il-Qalb perfetta tal-Ħniena tiegħek.
Silenzju 1min
Innu: _________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 10: 37-42
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.
Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Mulej, int qiegħed issejħilna biex ngħixu ħajja altruista, kif għixt int. Qatt ma fittixt lilek innifsek; anzi, dejjem poġġejt lilna l-bnedmin qabel kollox. Meta kont sejjer mal-appostli f’post imwarrab biex tistrieħu fik, hemm sibt folla tistenniek, bil-għatx għall-Kelma tiegħek. Int ma għidtilhomx: ejjew ħin ieħor, għax bħalissa qed nistrieħ ftit ma’ sħabi. Le! Int insejt lilek innifsek u bdejt tgħallimhom. Tant ma fittixt lilek innifsek, O Ġesù, li tajt ħajtek għalina, biex terġa’ tagħtina l-ħajja u tħabbibna mal-Missier. (10 sek pawsa)
Illum, qiegħed tgħidilna ċar u tond: li jekk rridu nsalvaw, ma nistgħux inkunu egoisti; ma nistgħux naħsbu biss fina nnfusna; ma nistgħux inpoġġu lilna nnfusna flok ħaddieħor. Iva Mulej, meta nkun egoist, nitlef dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja, nitlef saħansittra r-ruħ tiegħi. Int tridna nkunu bħal dik l-omm u dak il-missier, li kif it-tarbija tiċċaqlaq, jiġru ħdejha biex jaraw il-bżonn tagħha. Hekk tridna nagħmlu mal-oħrajn.
F’dan il-ħin ta’ silenzju, ejjew nieqfu ftit u nagħmlu eżami tal-kuxjenza. Kemm qed nagħti verament lili nnifsi lil oħrajn? Nagħti kass ta’ dawk li jeħtieġu l-għajnuna tiegħi, jew nibqa’ għaddej, mhux affarija? Jista’ jkunu jridu biss ftit ħin, biex nismagħhom. Nagħti kass tal-ambjent? Jew moqdi jien, moqdi kulħadd? Ejjew nieqfu ftit u neżaminaw ftit lilna nnfusna.
Silenzju 2min
O Sinjur, Int tridna nkunu ġenerużi ma’ kulħadd. Int ma tridnix biss ngħinu lil dawk li huma qrib tagħna, li dejjem hemm għalina meta nkunu fil-bżonn. Int ma tridnix biss nkunu ġenerużi, billi ndaħħlu idjena fil-but u nagħtu dik ix-xi ħaġa żejda li għandna. Għax kif għidt int: “Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu”.
Int, tridna morru lil hinn miċ-ċirku tagħna. Mhux faċli Mulej, li tgħin lil min hu ingrat. Mhux faċli Mulej, li tagħti każ tal-bżonnijiet ta’ dawk, li forsi ma jħaddnux it-twemmin tagħna, jew ma jxejrux l-istess bandiera tagħna. Weħidna Mulej, mill-att uman tagħna, nsibuha iebsa; imma bil-grazzja u bil-qawwa tiegħek, iva naslu. (10 sek pawsa)
Ħallina Mulej, ħa nittieħdu minnek, u ninsew kull differenza. Agħtina l-grazzja li ma nħarsux lejn il-kulur tal-ġilda, lejn it-twemmin, lejn jekk humiex grati jew le; imma agħtina l-grazzja li fihom naraw lilek, għax huma wkoll Mulej, uliedek. Int stess O Ġesù, llum qed tgħidilna: “kull min jagħti mqarr tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħi”. Mulej, int ma tistenniex affarijiet kbar minna, imma li dak li nagħmlu, anke jekk l-iċken ġest, nagħmluh bl-imħabba, nagħmluh mill-qalb.
Silenzju 3 min Innu:____________________
Talbiet tal-Komunitá
Ferħanin f’Alla, li jisma’ t-talb tagħna, ejjew issa nressqu t-talbiet tagħna.
Nitolbuk Missier Qaddis, għall-qdusija tal-Knisja fid-dinja kollha. Nitolbu.
Fid-dawl tas-silta li smajna, nitolbuk il-grazzja o Missier, li aħna nintrabtu ma’ Ġesù, u nħallu f’idejh f’ċirkustanzi meta l-ħajja tkun diffiċli. Nitolbu.
Nitolbuk għal dawk li huma ddisprati, sabiex ma jaqtgħux qalbhom li jgħixu ħajja ġdida f’Ibnek Ġesù. Nitolbu.
Nitolbu għal dawk kollha li jaħdmu biex jilqgħu lil min hu dgħajjef, lil min hu batut, u lil min hu emarġinat fis-soċjetà: biex aħna nkunu dejjem soċjetà, knisja li dejjem tilqa’ lil kulħadd. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, għal dawk il-missjunarji li telqu minn pajjiżna, ħallew il-familja, il-ħbieb u l-qraba tagħhom, biex iħabbru l-Bxara t-Tajba lill-ġnus. Kun int Mulej il-ħlas tagħhom, u ħu ħsiebhom. Nitolbu.
Nitolbu għal ħutna l-mejtin kollha, biex Int Mulej, fil-ħniena tiegħek tagħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem. Nitolbu.
Fis-skiet ta’ qalbna, nressqu t-talbiet tagħna.
Kant: Dal Misteru