Rakkomandazzjonijiet għat-twettiq tas-Sinodalità fil-Knejjes Lokali

X’messaġġ għandu s-Sinodu tal-Isqfijiet għall-Knisja f’Malta?

Id-Dokument Finali tas-Sinodu dwar is-Sinodalità ma jipproponix lista ta’ regoli ġodda, iżda jistieden lill-Knejjes lokali jidħlu fi proċess ta’ tiġdid spiritwali u pastorali. Fost il-proposti ewlenin insibu dawn li ġejjin.

1. Nikkultivaw kultura ta’ smigħ: Kull komunità Nisranija hija msejħa titgħallem tisma’ b’attenzjoni lill-Ispirtu s-Santu billi tisma’ wkoll lil xulxin. Is-smigħ għandu jsir parti mill-ħajja ordinarja tal-parroċċi, tad-djoċesijiet u tal-għaqdiet ekkleżjali.

2. Insaħħu l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd: Is-saċerdoti, id-djakni, ir-reliġjużi u l-lajċi għandhom ikunu involuti aktar fil-proċess ta’ dixxerniment u ta’ ppjanar pastorali, filwaqt li kulħadd joffri lill-komunità kollha s-servizz tal-kariżmi u r-responsabbiltajiet tiegħu.

3. Nagħtu importanza lid-dixxerniment spiritwali: Id-deċiżjonijiet pastorali għandhom jitwieldu mit-talb, mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u minn dixxerniment komunitarju, aktar milli minn kriterji purament amministrattivi jew ta’ effiċjenza.

4. Insaħħu l-gruppi ta’ konsultazzjoni: Il-Kunsilli Pastorali Parrokkjali u dak Djoċesani, kif ukoll il-Kunsilli għall-materji ekonomiċi, għandhom jiffunzjonaw b’mod aktar effettiv bħala spazji ta’ parteċipazzjoni u ta’ responsabbiltà komuni.

5. Nippromwovu l-formazzjoni fis-sinodalità: Hemm bżonn li s-saċerdoti, il-persuni kkonsagrati u l-lajċi jingħataw formazzjoni kontinwa dwar il-komunjoni, il-parteċipazzjoni, id-dixxerniment u l-kollaborazzjoni fil-missjoni tal-Knisja.

6. Nagħrfu u napprezzaw il-kariżmi ta’ kulħadd: Il-Knisja hija msejħa tagħraf aħjar il-ħafna doni li l-Ispirtu s-Santu jqassam fost il-fidili, sabiex dawn jitqiegħdu għas-servizz tal-evanġelizzazzjoni u tal-ġid tal-komunità.

7. Insiru Knisja aktar missjunarja: Is-sinodalità mhijiex għan fiha nnifisha. L-għan tagħha huwa li l-Knisja tkun aktar kapaċi xxandar l-Evanġelju fid-dinja tal-lum u tilħaq lil dawk li jinsabu fil-periferiji spiritwali u soċjali.

8. Nagħtu attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ u lill-familji: Il-Knejjes lokali huma mħeġġa joħolqu spazji fejn iż-żgħażagħ u l-familji mhux biss jiġu mismugħa, iżda jkunu wkoll parteċipi fid-dixxerniment u fil-missjoni tal-komunità.

9. Inkabbru t-trasparenza u r-responsabbiltà: Il-ħajja tal-Knisja għandha tkun ikkaratterizzata minn tmexxija trasparenti, amministrazzjoni responsabbli u kultura ta’ kontabiltà li ssaħħaħ il-fiduċja fost il-Poplu ta’ Alla.

10. Inkomplu nimxu flimkien: L-aktar messaġġ importanti tas-Sinodu huwa li s-sinodalità mhijiex proġett b’data ta’ skadenza. Hija stil ta’ ħajja ekkleżjali li jitlob konverżjoni kontinwa, smigħ reċiproku u ftuħ dejjem akbar għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

Dawn huma l-Pjan Pastorali li kull djoċesi, kull parroċċa u kull komunità tassew nisranija għandu jkollha.

Is-suċċess tas-Sinodu dwar is-Sinodalità mhux se jitkejjel bin-numru ta’ dokumenti li niktbu jew ta’ laqgħat fil-parroċċi u djoċesijiet tagħna, ghalkemm dawn jistgħu jkunu importanti, iżda minn kemm il-komunitajiet Insara jitgħallmu jgħixu bħala Poplu ta’ Alla li jimxi flimkien, jisma’ lill-Ispirtu s-Santu u jagħti xhieda aktar kredibbli tal-Evanġelju. Din hija l-isfida li llum qed tħabbat fuq il-bieb ta’ kull parroċċa, ta’ kull djoċesi u ta’ kull dar nisranija. Dan għandu jkun il-Pjan Pastorali tagħna.

Minn Ruma għal Malta

Il-Knisja f’Malta wkoll, illum tinsab quddiem mument importanti fl-istorja tagħha. Aħna wlied ta’ poplu li għal sekli sħaħ għex il-fidi tiegħu b’ġenerożità kbira. Għal bosta sekli, il-parroċċi tagħna kienu mimlijin ħajja, is-seminarji iffurmaw għadd kbir ta’ saċerdoti, u l-komunitajiet reliġjużi kienu jagħtu xhieda qawwija tal-Evanġelju.

Sa sittin sena ilu, żmien il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, is-seminarji tagħna kienu għadhom mimlija żgħażagħ mħeġġa biex jibdew iwettqu l-missjoni saċerdoti tagħhom. L-istess kienu l-kunventi tar-reliġjużi, jifjorixxu bil-vokazzjonijiet.

Mal-mogħdija taż-żmien, inbidlu tant ħwejjeġ, mhux biss fil-Knisja, imma fis-soċjetà kollha, ibda mill-familja. Din hija realtà li ma nistgħux ninjoraw, imma lanqas m’għandna nħalluha taqtalna qalbna għaliex l-Ispirtu s-Santu qatt ma jabbanduna lill-Knisja.

Meta nitkellmu dwar il-Knisja, bosta għadhom jaħsbu biss fil-papa, l-isqfijiet, is-saċerdoti u r-reliġjużi, u jieqfu hemm. Forsi kultant jiġu f’moħħna xi membri attivi tal-għaqdiet. Madankollu s-Sinodu dwar is-Sinodalità qed jagħmlilna sejħa li forsi qatt ma kienet daqshekk urġenti. Hemm bżonn nerġgħu niskopru li l-missjoni tal-Knisja hija r-responsabbiltà tal-Poplu ta’ Alla kollu. Li Knisja hija aħna lkoll, l-imgħammdin kollha.

Dan ma jfissirx li trid tonqos l-importanza tas-saċerdozju ministerjali. Għall-kuntrarju, is-saċerdot irid jibqa’ ċ-ċentru tal-ħajja sagramentali tal-komunità. Iżda jfisser ukoll li kull nisrani, bis-saħħa tal-Magħmudija tiegħu, għandu sehem reali fil-missjoni tal-Knisja. Għal ħafna snin konna mdorrijin naħsbu li l-parroċċa kienet timxi biss fuq is-saċerdot. Illum il-Mulej qiegħed jistaqsina jekk il-komunitajiet tagħna humiex lesti li jimxu flimkien?

Il-futur tal-Knisja f’Malta ma jiddependix biss fuq kemm ikollna saċerdoti jew reliġjużi. Jiddependi wkoll fuq kemm il-lajċi jkunu lesti jilqgħu s-sejħa tagħhom biex ikunu dixxipli missjunarji. Dan jitlob bidla fil-mentalità tagħna. Mhux aktar Knisja fejn il-ftit jagħmlu kollox u l-oħrajn josservaw biss. Imma Knisja fejn kulħadd jagħraf id-don li rċieva mingħand Alla u jqiegħdu għas-servizz tal-oħrajn.

Biex isir dan, hija meħtieġa formazzjoni. Meħtieġ it-talb u d-dixxerniment, b’mod speċjali flimkien, bħala komunità. Jeħtieġ ikollna komunitajiet li jitgħallmu jisimgħu lil xulxin u fuq kollox jisimgħu flimkien lill-Ispirtu s-Santu.

Nistgħu nibdew minn passi sempliċi iżda konkreti, insaħħu l-Kunsilli Pastorali tagħna. Nistgħu noħolqu gruppi ta’ formazzjoni għall-adulti. Nistgħu nagħtu aktar spazju liż-żgħażagħ biex jikkontribwixxu. Nistgħu nħarrġu lajċi biex imexxu ministeri ta’ katekeżi, ta’ karità, ta’ akkumpanjament spiritwali u ta’ evanġelizzazzjoni. Nistgħu nitgħallmu naħdmu aktar bħala tim milli bħala individwi.

L-esperjenza ta’ ħafna Knejjes fl-Ewropa turina li dan huwa possibbli. Fejn il-vokazzjonijiet naqsu, ħafna komunitajiet sabu modi ġodda kif jgħixu l-komunjoni u l-kollaborazzjoni, mingħajr ma tilfu l-identità Kattolika tagħhom.

Għal Malta din mhijiex biss sfida, imma wkoll opportunità. Il-parroċċi tagħna għadhom qrib in-nies. Għandna tradizzjoni sabiħa ta’ volontarjat. Għandna lajċi b’esperjenza, b’kompetenza professjonali u b’imħabba kbira lejn il-Knisja. Dawn huma doni li ma nistgħux inħalluhom rieqda.

Il-fażi ta’ implimentazzjoni tas-Sinodu mhijiex xogħol li għandu jsir biss f’Ruma jew mill-Isqfijiet. Hija sejħa li tasal għand kull parroċċa, kull familja u kull nisrani. Il-mistoqsija li għandna nagħmlu mhijiex dwar x’se jagħmel il-kappillan, imma dwar x’qed isejjaħli biex nagħmel il-Mulej għall-ġid ta’ din il-komunità tiegħu?

Jekk kull wieħed u waħda minna jagħmel din il-mistoqsija b’sinċerità, il-Knisja f’Malta tista’ tidħol f’rebbiegħa ġdida. Forsi mhux se jkollna l-istess numri tal-passat. Imma nistgħu nkunu komunità aktar matura, aktar parteċipattiva, aktar missjunarja u aktar fidila lejn l-Evanġelju.

Il-Konċilju Vatikan II fetaħ tieqa fuq il-Knisja. Is-Sinodu dwar is-Sinodalità qed jistidinna noħorġu minnha u nimxu fit-triq li l-Ispirtu s-Santu qed jurina. Ejja ma nibżgħux għaliex il-Mulej li mexxa lill-Knisja tul għoxrin seklu mhux se jonqos milli jmexxiha wkoll fi żmienna.

23 ta’ Awwissu 2026

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading