Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.
Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”. Mt 10, 37-42.
- Riflessjoni/talba:
i. Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi.
L-għażla m’hijiex li ma tħobbx
li ma tintrabat ma’ ħadd
biex ma tweġġax
imma li timpenja ruħek għal imħabba akbar –
dik ta’ Alla, l-unika assolut –
imħabba akbar, li tilliberak biex tara u tiggosta
f’kull persuna
f’kull oġġett
f’kull ħidma
ir-rifless ta’ Alla
bla ma jsiru assolut, idolu, forma ta’ jasar.
Irrifletti:
• X’inhu l-aktar għażiż għalik?
ii. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.
Veru li biex nirnexxi,
biex immur quddiem in-nies,
hemm bżonn inkun perfett?
meħlus minn dak li nara difett fija?
minn dak li jġiegħlni nistħi minnu?
Le! Aqbad dawk is-slaleb tiegħek
dak li titħabat miegħu
u imxi
u ssib li tkun miegħu
li fl-istess fraġilità tiegħek tiltaqa’ mal-ħajja li jagħi
li fl-istess sfidi, issib li qed jimmaturak
li fl-istess limiti tiegħek issib li jiftħek għall-oħrajn.
Irrifletti
• Liema salib f’ħajtek qed iwaqqfek milli timxi?
iii. Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.
Ħolma 1:
Irnexxejt, m’għandi bżonn lil ħadd,
qlajt ħafna, sinjur (żgħir jew kbir),
għamilt isem, immaġni tajba.
imma x’jiġri minni jekk jiċċaqlaq xi ħaġa?
Min isib lil ħajtu, jitlifha!
Ħolma 2:
Iltqajt ma’ marti/żewġi, ħabib/a, persuna minn pajjiż ieħor …
ilqajthom u skoprejt li jġorru xrara mis-sbuħija t’Alla
u nbdilt,
Tlift il-mod kif kont nara l-ħajja, wessajt il-perspettiva,
sibt aktar ħajja.
Imbagħad iltqajt ma’ xi ħadd għajnejh mitfija,
mort ġibtlu tazza ilma friska, u għajnejh xegħlu,
u miegħu, tiegħi!
Irrifletti
• Fejn doqt il-verità tal-Evanġelju.
- Missierna