Il-Papa Ljun XIV f’għeluq il-Konċistorju Straordinarju

KONĊISTORJU STRAORDINARJU
(26-27 TA’ ĠUNJU 2026)
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FL-GĦELUQ TAL-ĦIDMIET TAL-KONĊISTORJU STRAORDINARJU
Awla Ġdida tas-Sinodu
Is-Sibt 27 ta’ Ġunju 2026

Qabel ma nidħol għar-riflessjoni konklużiva, nixtieq nesprimi l-qrubija tagħna, tiegħi u tal-Kulleġġ Kardinalizju kollu, għall-poplu tal-Veneżwela, milqut b’mod qalil mit-terremot vjolenti ta’ dawn il-jiem. Niżguraw it-talb tagħna għall-vittmi, għall-familji tagħhom u għal dawk li qed ibatu l-konsegwenzi ta’ din it-traġedja. Nafdaw f’idejn il-Mulej anki lil dawk kollha li huma impenjati fl-għajnuniet u nitolbu li ma tonqosx is-solidarjetà tal-komunitajiet internazzjonali lejn dak in-Nazzjon għażiż.

Għeżież Ħuti Kardinali, naslu issa għat-tmiem ta’ dawn il-jiem b’sentiment ta’ gratitudni profonda. Nirringrazzjakom tal-libertà, il-fraternità u s-sens ekkleżjali li bihom ħadtu sehem fil-ħidmiet tagħna. Se nġorr miegħi mhux biss il-kontenut tar-riflessjonijiet tagħkom, imma wkoll l-esperjenza li għamlithom possibbli. F’dawn il-jiem fittixna flimkien ir-rieda tal-Mulej, fil-konvinzjoni li Kristu jkompli jaħdem fil-Knisja tiegħu: hu li jimxi qabilna, jiġmagħna, jitkellem permezz tal-aħwa u jwassalna għall-missjoni. Kollox jinbet minnu u kollox jerġa’ lura għandu. Għalhekk, li nara Kardinali ġejjin minn Knejjes, kulturi u sitwazzjonijiet hekk differenti jisimgħu lil xulxin u jfittxu flimkien dak li jista’ bl-aħjar mod ikun ta’ servizz għall-Vanġelu, kien għalija raġuni ta’ faraġ, ta’ tama.

Bdejna dawn il-jiem billi ħallejna tmexxina x-xbieha tas-Samaritan it-tajjeb: bniedem li jieqaf quddiem ħuh midrub, iħalli l-ġewwieni tiegħu jitqanqal u jieħu ħsiebu. Nixtieq li issa nitilqu b’ikona oħra mill-Vanġelu: dik tad-dixxipli ta’ Għemmaws. Huma wkoll mexjin mimlija d-diqa u delużjoni, imma l-Mulej isir sieħeb tagħhom fit-triq, jisma’ l-mistoqsijiet tagħhom, jiftaħ l-Iskrittura, ikebbes il-qalb tagħhom u jibdel il-mixja tagħhom. Nieħu pjaċir naħseb li anki dak li għexna f’dawn il-jiem għandu xi ħaġa minn din l-esperjenza: imxejna flimkien, smajna lil xulxin u, jekk tajna wisa’ lill-Mulej, hu kebbes mill-ġdid il-qlub tagħna bit-tama u issa jibgħatna lura fil-Knejjes tagħna biex nerġgħu naqbdu l-mixja b’ħarsa ġdida.

Ir-riflessjoni konklużiva fuq il-mixja sinodali għenitna nerġgħu naqraw dak li għexna f’dawn il-jiem. Jidhirli li l-mistoqsija tas-sinodalità mhix qabelxejn: “Min għandu s-setgħa li jiddeċiedi?”. Il-mistoqsija hi aktar profonda: “Kif se nħarsu flimkien id-don li l-Mulej fada lill-Knisja tiegħu?”. Meta din il-mistoqsija ssir iċ-ċentru tad-dixxerniment tagħna, anki l-kwistjonijiet tal-awtorità, tal-korresponsabbiltà u tad-deċiżjonijiet isibu posthom, imdawlin mill-missjoni u mill-fedeltà komuni lejn il-Vanġelu. Hekk, nixtieq nafdalkom mill-ġdid il-mixja ta’ twettiq tas-Sinodu. Nitlobkom li sseħbuha b’konvinzjoni fil-Knejjes li intom taqdu, u tiffavorixxu għarfien awtentiku tagħha u tinkuraġġixxu lil kulħadd biex jieħu sehem fiha: irridu ngħinu lill-Knejjes tagħna jikbru fi stil dejjem iżjed evanġeliku.

Infakkarkom, kif smajna mingħand il-Kardinal Grech, is-sinodalità mhix xi ġabra ta’ laqgħat, lanqas metodu ta’ ħidma. Hija stil spiritwali. Tinbet mil-laqgħa, tikber fis-smigħ u timmatura fid-dixxerniment. Il-mistoqsija vera mhix kemm konverżazzjonijiet nafu norganizzaw, imma liema kwalità evanġelika se jkollhom il-laqgħat tagħna. Meta nisimgħu lil xulxin b’umiltà u libertà, waqt li nħallu wisa’ lill-Ispirtu, il-konverżazzjonijiet tagħna ma jibqgħux qsim ta’ ideat, imma jsiru post ta’ konverżjoni, li fih nikbru flimkien fil-fedeltà lejn il-Mulej.

Meta nerġa’ naħseb fil-konverżazzjonijiet ta’ dawn il-jiem, inġorr miegħi qabelxejn il-ħarsa li biha intom ikkontemplajtu lid-dinja fl-ewwel sessjoni. Ħafna minnkom irrakkontaw it-tbatijiet li jġibu l-gwerer, il-vjolenzi, il-faqar u tant inġustizzji li jimmarkaw il-ħajja tal-popli. Imma ma waqaftux mad-deskrizzjoni tagħhom. Wara dawn it-traġedji għaraftu li hemm tbatija iktar profonda: is-solitudni, il-kriżi tar-relazzjonijiet, it-telfien tat-tama, id-diffikultà li nagħrfu lil xulxin bħala aħwa. Hija ħarsa li ma titwarrabx minn fuq il-ġrieħi tad-dinja, imma tfittex l-għeruq tagħhom, hija u tagħraf, spiss moħbija fihom, mistoqsija mġedda għal sens, għal awtentiċità, għal spiritwalità u għal komunità. Ħafna llum qed ifittxu t-tama u relazzjonijiet veri.

Laqatni, b’mod partikulari, il-mod kif tkellimtu fuq iż-żgħażagħ. Fil-mistoqsijiet tagħhom, imma anki fit-tbatija li xi drabi twassalhom sal-punt tal-qtigħ il-qalb – u xi drabi sad-disperazzjoni estrema li jneħħu ħajjithom – għaraftu waħda mill-ġrieħi l-aktar profondi ta’ żmienna. Imma għaraftu tilmħu fiha wkoll l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu. It-tiftix tagħhom għall-awtentiċità, għal relazzjonijiet veri u għal sens fil-ħajja jfakkarna li l-Vanġelu jkompli jiltaqa’ mat-tamiet l-aktar profondi tal-qalb umana. Li nisimgħu lilhom u lill-familji tagħhom b’umiltà hija wkoll triq li minnha l-Mulej ikompli jikkonverti lill-Knisja.

Ħafna minnkom fakkruna wkoll fil-familja. Hemm fejn hi mwieżna u msieħba, tikber skola ta’ relazzjonijiet, ta’ solidarjetà u ta’ tama; hemm fejn hi midruba jew imħollija waħidha, is-soċjetà kollha ġġorr il-konsegwenzi. F’Ottubru se jkollna laqgħa mal-kapijiet tal-Knejjes Orjentali u l-presidenti tal-Konferenzi Episkopali biex nivvalutaw il-passi li saru wara l-Amoris laetitia. Se jieħdu sehem ukoll xi familji li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Il-preżenza tagħhom hi essenzjali, imma nittama li dawk kollha li se jiġu, iħejju ruħhom billi jisimgħu mill-qrib u jġibu magħhom l-esperjenzi tal-familji tal-Knejjes tagħhom.

Hekk intom fittixtu li tisimgħu dak li l-ġrieħi tad-dinja qed jikxfu mill-qalb tal-bniedem. Huwa proprju hemm, fil-qalb, li tiġi deċiża wkoll il-paċi. Qabel ma tidher fl-istorja, il-gwerra tinbet fina, meta s-suspett jieħu post il-fiduċja, il-biża’ jieħu post it-tama, u lill-ieħor narawh bħala theddida. Imma hu fl-istess qalb li Kristu jkompli jiltaqa’ magħna, jitkellem magħna u jikkonvertina. Minn qalb irrikonċiljata jistgħu jinbtu kliem żarmat, relazzjonijiet ġodda u paċi li kapaċi tilħaq anki l-popli.

It-tieni sessjoni wasslitna biex nagħmlu pass ieħor. Jidhirli li lqajtu b’mod ċar ħafna waħda mill-intuwizzjonijiet tal-Magnifica humanitas: il-gwerra mhijiex biss kunflitt bejn l-Istati. Tinbet ħafna qabel, minn kultura tal-poter li teżisti fil-mod ta’ kif naħsbu, kif ngħixu r-relazzjonijiet, kif inħaddmu l-poter, kif nużaw l-ekonomija, it-teknoloġija u saħansitra r-reliġjon. Jekk dawn huma l-għeruq tal-kriżi, it-tweġiba titlob minna li nibnu mill-ġdid kultura tal-koperazzjoni u tad-djalogu, li kapaċi tagħti qawwa ġdida anki lill-multilateraliżmu, biex il-popli jitgħallmu mill-ġdid ifittxu flimkien il-ġid komuni tal-familja kollha tal-bnedmin. F’din il-mixja l-kontribut tal-fidili lajċi impenjati fil-ħajja pubblika hu essenzjali: għandhom bżonn tal-qrubija u tas-sostenn tal-komunità ekkleżjali biex jgħixu l-“karità politika” li intom fakkartuna fiha. L-istess kultura tal-koperazzjoni tikber permezz tad-djalogu ekumeniku u interreliġjuż, li ma jnaqqasx l-identità Nisranija tagħna, imma jagħmilha aktar kapaċi taqdi kemm il-ġid komuni u kemm il-paċi.

Imbagħad ħassejt partikularment prezzjuż il-mod kif xi wħud minnkom affrontaw it-tema tat-tweġiba non-vjolenti quddiem id-diversi xejriet ta’ vjolenza. Din hija għamla profondament evanġelika ta’ kif ngħixu l-istorja, frott tal-kontemplazzjoni tal-mod kif Ġesù ġab ruħu. Ma tfissirx li niċħdu l-kunflitt u lanqas atteġġjament passiv, imma li nagħżlu li naffrontawh mingħajr ma nirriproduċu l-loġika tiegħu. Din la tiċħad il-verità u lanqas issikket il-ħażen, imma tirrifjuta li tiddefendiha bil-vjolenza u li tibdel lill-ieħor f’għadu: tibda billi aħna nżarmaw lilna nfusna. Hekk hija turi l-loġika tal-Għid, li fiha l-imħabba tidher aktar b’saħħitha mill-mibegħda u l-maħfra tkisser iċ-ċirku vizzjuż tal-vendetta. Din hija l-qawwa tal-Imsallab li rxoxta: qawwa li ma teqridx lill-għadu, imma tagħmilha possibbli li nerġgħu nsibu lil ħuna.

F’din il-perspettiva, diversi gruppi għafsu fuq l-opportunità li nkomplu ninżlu iktar fil-fond tat-tema tad-difiża leġittima fid-dawl tal-bidliet kbar li seħħu fin-natura tal-kunflitti ta’ żmienna. Din ir-riflessjoni titlob li tiġi żviluppata aktar bir-reqqa teoloġika u pastorali meħtieġa.

Ilqajt b’interess partikulari anki l-insistenza tagħkom fuq id-Duttrina soċjali tal-Knisja. Esprimejtu x-xewqa li ssir dejjem iżjed wirt ħaj tal-komunitajiet tagħna, kriterju ordinarju ta’ formazzjoni tal-kuxjenzi u ta’ dixxerniment pastorali. Din ma toffrix soluzzjonijiet lesti minn qabel, imma teduka lill-Knisja għal mod evanġeliku kif tgħix ir-realtà, tinterpretaha u torjenta l-azzjoni b’mod responsabbli.

Laqatni wkoll punt ieħor komuni. Ħafna minnkom osservaw li llum il-ġid komuni mhuwiex sempliċiment objettiv li għandna nfittxu: huwa realtà li rridu nerġgħu niskopru flimkien. Qed ngħixu fi żmien li fih sar diffiċli saħanstira tagħraf dak li hu tassew ġid għal kulħadd. Għalhekk, b’għeruqha fi Kristu, il-Knisja hi msejħa tieħu ħsieb dawk il-postijiet ta’ laqgħa, ta’ smigħ u ta’ djalogu li fihom tista’ timmatura kultura mġedda tal-ġid komuni. Dan jitlob ukoll ħidma edukattiva bis-sabar, li tgħinna nagħrfu d-dinjità invjolabbli ta’ kull persuna u r-responsabbiltà li torbotna wieħed mal-ieħor. F’din il-mixja, il-foqra mhumiex biss destinatarji tal-għożża tagħna, imma protagonisti tat-tama li Alla jissokta jqajjem tul l-istorja.

Minn ħafna mir-riflessjonijiet tagħkom ħarġet b’qawwa konvinzjoni oħra. Waqt li konna qed nistaqsu dwar x’responsabbiltajiet għandha l-Knisja fid-dinja tal-lum, intom fakkartu kontinwament fl-importanza tax-xhieda, tal-qrubija, tal-formazzjoni tal-kuxjenzi u tal-bini ta’ komunitajiet fraterni u kredibbli. Din ix-xhieda tinbet mil-laqgħa ma’ Kristu, mill-Kelma tiegħu u mis-Sagramenti, li fihom il-Mulej iwieżen lill-poplu tiegħu u jagħtih ħila li jaqdi lid-dinja bil-qawwa tal-Vanġelu. Il-Knisja hi msejħa ssir dejjem iżjed dak li xxandar. Huwa fuq dan il-fundament li anki r-riformi meħtieġa tal-istrutturi, tal-istituzzjonijiet, tal-proċessi jistgħu jagħtu l-frott.

Hekk, dawn il-jiem issaħħu t-tama tiegħi. Mhux biss għal dak li qsamna flimkien, imma għall-mod li biha għamilna dan. Fi żmien immarkat mill-polarizzazzjoni, anki l-mod li bih il-Knisja tisma’ u tiddjaloga jsir parti mix-xandir tagħha. Jekk nagħrfu nkomplu nfittxu flimkien ir-rieda tal-Mulej, u nħallu l-Ispirtu s-Santu jmexxina, jiena ċert li l-komunjoni tagħna ssir dejjem iżjed għammiela għall-missjoni tal-Knisja u għas-servizz tal-familja kollha tal-bnedmin.

Nemmen li, ftit ftit, qed niskopru mill-ġdid it-tifsira l-aktar awtentika tal-Konċistorju: li ninġabru flimkien bħala Kulleġġ tal-Kardinali madwar is-Suċċessur ta’ Pietru biex, fis-smigħ ta’ xulxin u fid-dixxerniment komuni, l-Ispirtu s-Santu jgħin lill-Papa jmexxi lill-Knisja. Mhux parlament, lanqas kungress li fih jipprevalu opinjonijiet jew interessi, imma esperjenza ta’ komunjoni fis-servizz tal-missjoni. Dak li nitgħallmu ngħixu f’dawn il-jiem ma jmissx biss lill-Kulleġġ tal-Kardinali. Huwa stil li aħna msejħin nippromovu fil-Knisja kollha, biex kull imgħammed, skont il-vokazzjoni u responsabbiltà tiegħu, jieħu sehem fil-bini taċ-ċiviltà tal-imħabba u fis-servizz tal-ġid komuni. Kif diġà antiċipajtilkom, nixtieq inkompli b’dan l-appuntament annwali anki mis-sena d-dieħla. Għadni ma ffissajtx id-data: nittama li nkun nista’ nikkomunikahielkom lejn tmiem is-sena.

Dan il-Konċistorju kien mument prezzjuż, imma ma għandux jibqa’ appuntament iżolat. Fil-Knisja kollha nixtiequ nippromovu spazji li fihom il-Poplu ta’ Alla jista’ jisma’ lil xulxin, jitlob, jiddixxerni u jimxi flimkien. Din hija r-ruħ tal-mixja ta’ twettiq tas-Sinodu. Dan ukoll sa jkun l-ispirtu tal-laqgħa li jmiss iddedikata lill-Amoris laetitia u ta’ ħafna inizjattivi oħra li l-Mulej se jitlobna ngħixu. Dak li jiswa mhux li nimmultiplikaw il-laqgħat, imma li nitgħallmu ngħixu laqgħat li fihom, waqt li nisimgħu lil xulxin, nitgħallmu flimkien nagħtu widen lill-Mulej.

Qabel ma nagħlaq nixtieq nilqa’ l-appell unanimi li tela’ minn dan il-Konċistorju u nagħmlu tiegħi. Anzi, nixtieq li nagħmluh flimkien, permezz ta’ dawn il-kelmiet. Ngħiduh lil ħutna l-Isqfijiet, lill-Knejjes fdati fil-ministeru tagħna u lill-popli kollha tal-art: Alla jixtieq il-paċi għal kull nazzjon u għal kull poplu. Għalhekk ma għandniex nirrassenjaw ruħna għall-vjolenza. Il-vjolenza ma għandhiex l-aħħar kelma. Alla jkompli jiftaħ fl-istorja toroq ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi. Għandna r-responsabbiltà li nterrquhom b’kuraġġ u li ngħinu lid-dinja tagħraf liema huma.

Ħuti, grazzi mill-qalb tas-sehem tagħkom, u l-istess ngħid lir-relaturi, il-moderaturi u dawk kollha li, b’ġenerożità u diskrezzjoni, għamlu possibbli dawn il-jiem ta’ ħidma u ta’ fraternità. Grazzi li għentuni, għal darb’oħra, nagħraf l-opra li Kristu jkompli jwettaq f’nofs il-poplu tiegħu u fid-dinja. Nafdaw il-frott ta’ dan il-Konċistorju lill-interċessjoni tal-Verġni Marija, Omm il-Knisja. Tgħallimna hi kif inħarsu l-għaqda fid-diversità u nkunu qaddejja tal-Vanġelu tal-paċi b’umiltà, kuraġġ u tama. Grazzi!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading