“Faħħru, qaddejja tal-Mulej,
Faħħru isem il-Mulej.
Ikun imbierek isem il-Mulej,
Minn issa u għal dejjem!
Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha
Ikun imfaħħar isem il-Mulej!” (Salm 113)
Iva Mulej, irridu nroddulek ħajr, għaliex int tisma’ kliem fommna. Inroddulek ħajr, Mulej, għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek. Iva Mulej, ħallina ħa ngħollu leħinna l’fuq u nfaħħruk, għall-għeġubijiet li tagħmel magħna. Ħuti, ejjew infaħħruh lill-Mulej; ejjew ngħollu l-Isem Imqaddes tiegħu. Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi, jekk ma niftakarx fik, jekk ma nfaħħarx lill-ismek.
Iva O Ġesù, Int biss jistħoqqlok ġieħ u glorja, qima u tifħir. Int, Mulej, is-Sid tagħna; Inti l-Qaddis; Inti l-Qawwi.
Silenzju 3min
Innu: ______________ (preferibbilment innu ta’ tifħir)
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 11:25-30
F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Iben kien għaddej iġorr basket, li fih missieru kien qiegħed jitfa’ xi oġġetti waqt xirja minn supermarket. Xi ħadd staqsa liċ-ċkejken: “Dak il-basket tqil wisq għalik?” It-tifel wieġeb: “Le, mhux tqil wisq. Missieri jaf kemm niflaħ u qatt ma jgħabbini iktar milli kapaċi nġorr. U meta jitqal ħafna, jweżinni”. (10 sek pawsa)
Iva Mulej, int dejjem tweżinna meta nkunu għaddejjin mill-hemm tal-ħajja. Inti stess għidtilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom”….. u jiena nweżinnkom.
Xi mħabba kbira u tal-għaġeb int għandek għalina, o Alla. Għax int bħal dak il-Missier, li taf kemm nifilħu u qatt ma tgħabbina aktar milli kapaċi nġorru fil-ħajja tagħna. Anzi int tistedinna, biex ma ningħalqux fina nfusna; ma nitgħabbewx b’ħafna biżgħat, preokupazzjonijiet, inċertezzi, ansjetà; ma nitgħabbewx bir-rabja, bl-għira, b’xi dnub li għadna nkaxkru bih, jew inkella bil-piż li għadna ma ħfirniex lilna nnfusna. Int qed tistedinna, biex it-tgħabbija naqsmuha miegħek. Int ma tagħtinix aktar milli nifilħu, imma xi kultant Mulej, aħna nitgħabbew iżjed milli nifilħu.
Ejjew f’dan il-ħin, noffru lill-Mulej, dak kollu li hemm itaqqal il-qalb tagħna; dak kollu li hemm itaqqal il-moħħ tagħna. Ejjew, f’dan il-ħin, noffruhom lill-Mulej. Hu qiegħed jistedinna biex naqsmuhom miegħu.
Silenzju 2 min
Int, Mulej, lilna l-Insara tlabtna biex nitgħallmu minnek u nkunu ta’ qalb ħelwa u umli. Emminni Mulej, nistħi nitkellem dwar il-kwalità ta’ qalb nisranija. L-kamla tas-suppervja jew tal-vanità, malajr toħroġ fil-ħajja tagħna. Kultant, f’ċertu nies is-suppervja hija miftuħa, tidher. F’oħrajn hija mgeżwra tajjeb f’karta mlewna, imma hemm qiegħda.
Mulej, Int mudell ċar tal-ħlewwa u l-umiltà. Int, li Int Alla, għoġbok titwieled f’għar kiesaħ tal-annimali. Għext ġo familja fqira, għażilt miegħek nies sempliċi. Urejt ħniena ma kulħadd. Qatt ma tkabbart, u meta ċanfart lil xi ħadd għamiltu b’imħabba. B’umiltà kbira, int għoġbok tumilja lilek innifsek u tagħżel l-aktar mewta krudili, dik tat-tislib. Forsi, hawn minn qiegħed jgħid: ‘Imma dak Ġesù, dak Alla’. San Gorġ Preca, Santa Tereża ta’ Kalkutta, San Ġwann Pawlu II, Beatu Carlu Acutis, u ħafna oħrajn. Dawn nies bħalna, u għexu ukoll l-umiltà; kellhom ukoll qalb mimlija ħlewwa, ħniena, mogħdrija. Aħna wkoll nistgħu ninżgħu mis-supervja tagħna u nkunu bħalhom.
Ejjew nieqfu ftit, u nirriflettu kif qed ngħixu. Ejjew nagħrfu li ma nistgħux ngħaddu mingħajr Alla; u ma niddejqux b’umiltà kollha ngħidulu kif kien jgħidlu San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.
Silenzju 3 min
Innu: __________________________
Talbiet tal-Komunitá
Nersqu lejn Ġesù, li hu l-mistrieħ ta’ ruħna, u b’umiltá kbira nitolbuh u ngħidulu bil-ħrara:
Mulej, kun il-ħarsien tal-poplu tiegħek.
Ragħaj ta’ dejjem ħares lill-Arċisqof tagħna Charles: u l-Isqfijiet kollha tal-Knisja tiegħek.
Mulej, kun il-ħarsien tal-poplu tiegħek.
Ixħet ħarsa ta’ tjieba lejn dawk kollha li huma ppersegwitati: fittex eħlishom mit-taħbit kollu tagħhom.
Mulej, kun il-ħarsien tal-poplu tiegħek.
Ħenn, Mulej, għal dawk l-ulied tiegħek li huma nieqsa mill-bżonnijiet ta’ kuljum: iftaħ idejk u pprovdi l-ikel lil min hu bil-ġuħ.
Mulej, kun il-ħarsien tal-poplu tiegħek.
Agħti d-dawl tiegħek lill-leġislaturi ta’ art twelidna u tal-pajjiżi kollha: agħmel li f’kollox jimxu bl-għerf u l-għaqal u l-ġustizzja.
Mulej, kun il-ħarsien tal-poplu tiegħek.
Għin lil ħutna l-mejtin, li fdejthom b’demmek: agħmilhom denji li jidħlu miegħek għall-festa tat-tieġ ta’ dejjem.
Mulej, kun il-ħarsien tal-poplu tiegħek.
F’dan il-mument għamel f’qalbek it-talba tiegħek
Innu: Dal Misteru