EJJEW GĦANDI, INTOM ILKOLL LI TINSABU MĦABBTINU MTAQQLIN U JIENA NSERRAĦKOM … TGĦALLMU MINNI GĦAX JIENA TA’ QALB ĦELWA U UMLI!
M’aħniex fi żmien il-Milied imma xorta waħda ħa nirrakkuntalkom fatt veru li ġara fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Diċembru 1936 f’Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza. Mela wieħed żagħżugħ Franċiż kien miexi ddisprat mat-toroq ta’ Pariġi. Kien wasal qrib il-Katidral ta’ Notre Dame u xi ħaġa misterjuża ġibditu lejn dan il-Katidral. Forsi kienet il-kurżita’, forsi kien id-daqq tal-qniepen jew id-daqq tal-orgni li kien qed jinstema’ minn barra…ma jafx. Jaf biss li bla ma ried, sab ruħu f’dan il-katidral qalb folla ta’ nies: kulħadd jitlob, kulħadd ikanta, kulħadd bi tbissima fuq wiċċu. Dan iż-żagħżugħ beda jistaqsi lilu nnifsu: “Għaliex dawn ferħanin u jien miniex?” Dak il-ħin, għajnejh marru fuq ix-xbieha ta’ Ġesu’ tarbija li kien hemm fuq l-altar maġġur. Kien ilu żmien twil ma jaħseb f’Alla. L-allat tiegħu kienu l-karriera, il-popolarita’, is-suċċess fil-ħajja. Beda jibki f’qalbu, ħass li għandu jinbidel, ħass li għandu jitħarrek minn postu! Il-ħajja li kien qed jgħix kienet ħajja bla sens, mingħajr skop u mingħajr tifsira…Min kien dan iż-żagħżugħ Franċiż li lejlet il-Milied tal-1936 tħarrek minn postu u beda t-triq tal-konverżjoni? Kien ċertu Paul Claudel: poeta, drammaturgu u diplomatiku ta’ fama mondjali, magħruf ħafna għall-kitbiet spiritwali tiegħu.
Fil-vanġelu tal-lum, Ġesu’ jagħmlilna stedina u wegħda speċjali: stedina ċerta. Jgħidilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom…” Paul Claudel, għadni kemm tkellimt dwaru kien bniedem imħabbat u mtaqqal…F’Ġesu’ sab is-serħan tal-qalb tiegħu! Min hu Paul Claudel tal-lum?
Nistgħu nsemmu diverżi imħabbtin u mtaqqlin! Hekk pereżempju nistgħu nibdew b’xi miżżewġin li għandhom xi diffikultajiet fil-ħajja miżżewġa tagħhom. Nistgħu nsemmu dawk il-ġenituri li mhumiex maħbubin u rrispettati minn uliedhom. Nistgħu nsemmu dawk iż-żgħażagħ li għalkemm għandhom kollox, ma jafux xi jridu fil-ħajja: qegħdin jgħixu bla skop u mingħajr direzzjoni. Nistgħu nsemmu dawk iż-żgħażagħ li messew mad-droga, mal-alkoħol u mas-sataniżmu. Nistgħu nsemmu l-morda u dawk li qegħdin jieħdu ħsiebhom. Nistgħu nsemmu l-anzjani li qegħdin iħossuhom weħidhom u mdejqa. Nistgħu nsemmu lil dawk għaddejjin minn depression jew mard ieħor mentali. Nistgħu nsemmu lil dawk li qegħdin jgħoddsu fil-ħama tad-dnub. Lil dawn l-imħabbtin u mtaqqlin, Ġesu’ ħaj jixtieq iserraħhom u jfejqilhom il-feriti ta’ qalbhom, feriti li qegħdin inixxu d-demm! Imma kif?
Qabel xejn importanti nifhmu li Ġesu’ żgur mhux se jagħtina serħan u ferħ tant irħis li jisparixxi malajr u mal-ewwel buffura ta’ riħ. Għaldaqstant għal dan is-serħan u għal dan il-ferħ irridu nħallsu prezz kemm xejn għoli u li jitlob minna ħafna mpenn. Ġesu’ jkompli jgħidilna: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi…” X’ikun madmad? Fl-antik, meta ma kienx hawn it-teknoloġija agrarja tal-lum, il-madmad kien biċċa għodda tal-injam, jużawha l-bdiewa, titpoġġa fuq dahar żewġ barrin biex flimkien u f’direzzjoni waħda jaħartu l-art. Il-madmad ta’ Ġesu’ jista’ jkun: l-irfiegħ tas-salib, iċ-ċaħda tagħna nfusna, il-maħfra tal-għedewwa, is-safa fi ħsibijietna, fi kliemna, f’għemielna u l-lista ta’ dak li jitlob minna Ġesu’ ma tispiċċa qatt!
Imma x’imkien qrajt li bil-kelma “madmad” Ġesu’ kien qed jirreferi għat-toqol kbir ta’ preċetti, ta’ liġijiet, ta’ drawwiet li kellhom iġorru fuq spallejhom il-Lhud ta’ żmienu. Hekk pereżempju fil-Vanġelu ta’ San Mark kapitlu 7, insibu xi wħud minn dawn il-preċetti, liġijiet u drawwiet: il-Fariżej u l-Lhud kollha ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux… U Jkompli jgħid San Mark: “Il-Lhud għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż…” William Barclay, huwa u jfisser dan it-test jirrakkonta dan il-fatt. Mela ġo ħabs fil-Palestina kien hemm priġunier maqful ġo ċella. U ta’ kuljum kienu jiftħu ċ-ċella tiegħu u jħallulu kisra ħobż u ġarra żgħira mimlija bl-ilma. Darba minnhom, fetħu ċ-ċella u sabuh mejjet ma’ l-art. X’kien ġara? L-ilma li kienu jħallulu ma kienx jixorbu imma kien jużah biex jaħsel idejh qabel jiekol il-loqma ħobż. Miet dehydrated. Taraw il-legaliżmu li kien ixekkel lil dawn il-Lhud ta’ żmien Ġesu’ u Ġesu’ ried jeħlishom minn dan il-madmad tal-legaliżmu. Ried jipproponilhom il-vanġelu jew l-aħbar it-tajba li tgħmilhom bnedmin liberi u ħielsa tassew!
Ikompli Ġesu’: “Tgħallmu minni għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli!” Bil-kelma “qalb” Ġesu’ ma kienx qed jifhem il-qalb tal-laħam li kontinwament tippompja d-demm mal-ġisem kollu, imma l-qalb iktar ‘il ġew mill-qalb tal-ġisem, allura: il-qalb tas-sentimenti, il-qalb li tħobb, il-qalb li titħassar lill-bniedem miskin jew lill-bniedma miskina, il-qalb li tħenn, il-qalb li tipprova tidħol fiż-żarbun tal-oħrajn, il-qalb li tifhem x’qed iħoss ħaddieħor…
Il-qalb ta’ Ġesu’ hija qalb umli u Hu jistedinna nkunu umli bħalu. X’imkien qrajt dan li ġej: “Meta kienet waslet is-siegħa tiegħu, Ġesu’ ma ppreżentax ruħu dieħel Ġerusalem bħal xi general kbir, riekeb fuq xi żiemel tat-taqbid u jġorr warajh il-priġunieri u l-ġid li qabad fil-gwerra, imma daħal fuq daqsxejn ta’ felu ġwejjed, xbieha ta’ umilta’ u ta’ paċi.”