F’dawn l-aħħar deċenni, ħtija tal-isfruttament bla rażan li l-bniedem għamel mir-riżorsi naturali, il-klima qiegħda tinbidel bħala effett dirett tal-attività egoistika tal-bniedem. Dan qed iwassal biex ħafna postijiet jgħaddu minn nixfa kbira u oħrajn jgħaddu minn għargħar kbir ta’ xita hekk li tagħmel ħsarat kbar. In-nisrani, kif kien qal il-Papa Franġisku, ma jistax jinjora d-dinja ta’ madwaru għax din hija don ta’ Alla lil kull bniedem ta’ kull żmien u mhux lil min jiflaħ jaħtaf l-aktar. Għad li fil-qari tal-lum issemmiet ix-xita u n-natura, iżda mhux l-Kelma t.
“Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet, u …jsaqqu l-art,… hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel”. Il-moħħ, il-qalb u ruħ il-bniedem jixbħu lill-art li teħtieġ ix-xita biex tagħmel il-frott; dawn jinxfu u tispiċċaw bla ħajja mingħajr ix-xita tal-Kelma ta’ Alla. Nistaqsu lilna nfusna: jien kemm qed insaqqihom il-moħħ, il-qalb u r-ruħ tiegħi? Kemm qiegħed infittex li nisma’ l-Kelma ta’ Alla, nifhimha u ngħixha? Il-vanġelu tal-lum jispjegalna li mhux biżżejjed li wieħed jisma’ l-Kelma, u jsemmilna erba’ ċirkustanzi differenti fejn il-Kelma hija bħal dik iż-żerriegħa li taqa’ fl-art, iżda li mhux dejjem tagħti l-frott:
- ‘xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha’. Dan ifissirulna Ġesù billi jgħidilna li dawn huma dawk li ma jifhmux il-Kelma u ma jagħmlu l-ebda impenn biex jifhmuha, dawk li qatt ma jfittxu jew jilqgħu okkażjoni biex jitgħallmu dwar il-Kelma ta’ Alla u allura ‘jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu’.
- ‘Oħrajn waqgħu f’art kollha blat,… u malajr nibtu,…; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq’. Xi jfissru l-għeruq jew x’jagħti l-għeruq lill-Kelma li tkun inżeret fina? L-għeruq huma frott ta’ ħajja ta’ talb; in-nisrani li jisma’ l-Kelma iżda ma jkollux ħajja ta’ talb soda, jispiċċa ‘jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel’.
- ‘Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom.’ Ġesù jispjegalna: ‘l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art...’Dawn huma dawk li ma jridux jinfirdu mir-rabtiet żejda mad-dinja u għalhekk il-Kelma t’Alla ma tistax tagħmel frott fihom; jistgħu ikunu persuni, postijiet jew affarijiet oħra li wieħed ikollu rabta żejda magħhom. Tajjeb wieħed jistaqsi: min huma l-ħbieb tiegħi, ma min nagħmilha jien? Dawn iressquni lejn Alla jew ibegħduni minnu?
- ‘oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin’. Dawn huma dawk li jisimgħu l-Kelma, jfittxu li jifhmu il-messaġġ tagħha u jgħixuh fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Ma humiex perfetti, iżda huma determinati li ma jħallu lil ħadd u xejn ibegħdhom minn Alla, lanqas in-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħhom.
Fuq kollox Ġesù jwissina fuq ir-ras iebsa, dawk li ma jridux jisimgħu l-Kelma għax ma jridux jinbidlu, ‘Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset;… li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħħhom, u hekk ibiddlu ħajjithom u jiena nfejjaqhom”. Ma hemmx sitwazzjoni agħar minn dik ta’ min jaf li huwa marid u ma jridx ifiq; hawn mhux qed nitkellmu mill-fejqan tal-ġisem iżda tal-qalb, tal-moħħ u tar-ruħ.
Mulej int biss tista’ tiżra l-Kelma tas-sewwa fina; agħtina l-qawwa u l-kuraġġ mhux biss li nilqgħuha iżda li nfittxu li nifhmuha u ngħixuha fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, għax hekk biss inkunu nistgħu nagħtu l-frott ta’ mħabba vera fil-ħajja tagħna.