Kotba Mqaddsa fil-Bibbja. Ordni kif insibuhom jew kif inkitbu

Ħafna nsara jaħsbu li l-kotba tal-Bibbja nkitbu eżatt fl-ordni kif insibuhom fil-Bibbja. Nistgħu nifhmu għaliex hemm din l-opinjoni, iżda fil-fatt mhijiex waħda korretta. L-ordni tal-kotba kif insibuhom fil-Bibbja mhijiex ordni kronoloġika ta’ meta ġew miktuba, iżda ordni li l-Knisja adottat biex turi l-għaqda tal-pjan tas-salvazzjoni u tagħmel il-qari tagħhom aktar faċli.

Ħarsa qasira lejn it-Testment il-Qadim

Sa mit-Testment il-Qadim, il-kotba ma nkitbux wieħed wara l-ieħor kif insibuhom fil-Bibbja. Pereżempju, il-ġrajjiet tal-patrijarki Abraham, Iżakk u Ġakobb seħħew ħafna sekli qabel is-sultan David, iżda l-kotba li jirrakkuntaw dawn il-ġrajjiet waslu għall-forma finali tagħhom ħafna aktar tard. Bl-istess mod, il-kotba profetiċi nkitbu fi żminijiet differenti u mbagħad inġabru flimkien f’taqsima waħda.

Dan ifisser li hemm differenza bejn iż-żmien li fih seħħew il-ġrajjiet u ż-żmien li fih inkitbu l-kotba.

It-Testment il-Ġdid ukoll huwa sorpriża għal bosta

Din id-differenza tidher b’mod saħansitra aktar ċar fit-Testment il-Ġdid. Ħafna jaħsbu li l-ewwel ma nkitbu kienu l-erba’ Evanġelji u warajhom l-ittri ta’ San Pawl. Fil-fatt ġara bil-maqlub. L-ewwel kitbiet insara li għandna huma l-ittri ta’ San Pawl. Meta Pawlu beda jikteb lill-komunitajiet insara ta’ żmienu, Ġesù kien ilu li miet u qam mill-imwiet madwar għoxrin sena, iżda kien għadu ma nkiteb ebda Evanġelju.

Dan għaliex fil-bidu tal-Kristjaneżmu, il-fidi nisranija kienet titwassal prinċipalment bil-fomm, permezz tal-predikazzjoni u l-qsim ta’ esperjenzi personali. L-Appostli u x-xhieda l-oħra kienu jirrakkontaw dak li raw u semgħu direttament mingħand Ġesù. Din tissejjaħ it-Tradizzjoni Appostolika li fiha l-komunitajiet kienu jisimgħu t-tagħlim, jiċċelebraw l-Ewkaristija u jgħaddu l-messaġġ minn fomm għal ieħor.

Kien meta bdew jgħaddu s-snin u ħafna mix-xhieda diretti ta’ Ġesù bdew jixjieħu u jmutu li nħasset il-ħtieġa li l-memorja ta’ Ġesù tinkiteb b’mod organizzat. Kien ukoll żmien meta l-Knisja kienet qed tinfirex f’bosta pajjiżi ġodda u għalhekk dawn it-testimonjanzi miktuba kienu saru meħtieġa

L-Ittri ta’ San Pawl

L-ewwel Ittri ta’ San Pawl x’aktarx inkitbu madwar is-sena 50 wK. Dawn nkitbu biex iwieġbu għal problemi konkreti fil-komunitajiet Insara li Pawlu kien waqqaf jew żar. Fost l-eqdem insibu l-Ittra lill-Galatin, tnejn lit-Tessalonkin u tnejn oħra lill-Korintin. B’kollox tlettax-il waħda.

Dwar l-Ittri ta’ San Pawl, nissuġerixxu dan id-dokumentarju …

Interessanti ninnotaw li Pawlu kważi qatt ma jirrakkonta l-ħajja ta’ Ġesù bħalma jagħmlu l-Evanġelisti. Minflok, huwa jitkellem dwar il-mewt u l-qawmien tiegħu, dwar il-fidi, il-grazzja u l-ħajja nisranija. Dan għaliex il-qarrejja tiegħu kienu diġà jafu l-ġrajja ta’ Ġesù permezz tal-predikazzjoni.

Meta nkitbu l-Evanġelji

Illum il-parti l-kbira tal-istudjużi Kattoliċi u ta’ tradizzjonijiet insara oħra jaqblu, b’mod ġenerali, fuq din il-kronoloġija ta’ kitbiet tal-Evanġelji …

  • L-Evanġelju skont San Mark, madwar is-snin 65–70 W.K.
  • L-Evanġelju skont San Mattew, madwar is-snin 80–90 W.K.
  • L-Evanġelju skont San Luqa, madwar is-snin 80–90 W.K.
  • L-Evanġelju skont San Ġwann, madwar is-snin 90–100 W.K.

Għalhekk minn din il-kronoloġija jidher li Pawlu qatt ma qara t-test tal-Evanġelju għaliex meta dawn bdew jinkitbu, huwa kien diġà miet martri f’Ruma fi żmien l-Imperatur Neruni, madwar is-sena 64 jew 67 wk .

Għaliex l-Evanġelji tqiegħdu fil-bidu tat-Testment il-Ġdid

Il-Knisja ma riditx torganizza l-kotba bibliċi skont id-data ta’ meta nkitbu, iżda skont l-importanza tagħhom fil-ħajja tal-fidi. Għalina, il-qalba tal-fidi hija l-persuna ta’ Ġesù Kristu. Għalhekk huwa xieraq li l-ewwel li niltaqgħu fit-Testment il-Ġdid ikun mal-ħajja, il-kliem, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill–Imwiet. Imbagħad, warajhom, naqraw ukoll kif l-Appostli fissru u għexu dak il-misteru fil-kitbiet tagħhom.

Għalhekk, meta nifhmu kif inkitbu l-kotba tal-Bibbja, il-fidi tagħna ma tonqosx, anzi għall-kuntrarju, tissaħħaħ. Nindunaw li Alla ma bagħatx ktieb lest mis-sema. Huwa mexxa lill-poplu tiegħu tul is-sekli. L-ewwel kien hemm il-ġrajjiet tas-salvazzjoni, imbagħad il-predikazzjoni, wara t-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja tal-ewwel komunità nisranija, u fl-aħħar il-kitba tal-Kotba Mqaddsa taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu.

Għalhekk il-Bibbja hija frott ta’ storja twila ta’ fidi li fiha Alla ħadem permezz ta’ persuni konkreti, fi żminijiet differenti u f’ċirkustanzi differenti. Meta naqrawha b’dan l-għarfien, nifhmu aħjar kemm il-Kelma ta’ Alla hija ħajja u kemm il-Knisja kienet l-ambjent li fih din il-Kelma ġiet imħarsa u mxandra għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet kollha.

8 ta’ Lulju 2026


Tista’ tara diversi kitbiet u artikli dwar suġġetti oħra minn din il-paġna tal-Laikos … https://laikosblog.org/2026/06/17/artikli/

Fittex ukoll fil-Librerija Diġitali tal-Laikos … https://laikosblog.org/librerija-v2/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading