Ġwanni Pawlu II fil-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Faustina Kowalska

KAPPELLA PAPALI GĦALL-KANONIZZAZZJONI 
TAL-BEATA MARIJA FAUSTYNA KOWALSKA
OMELIJA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 30 ta’ April 2000

1. “Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu” (Sal 118, 1). Hekk tkanta l-Knisja fl-Ottava tal-Għid, kważi tiġbor minn xuftejn Kristu dan il-kliem tas-Salm; minn xuftejn Kristu rxuxtat, li fiċ-Ċenaklu jwassal l-aħbar il-kbira tat-tjieba divina u jafda lill-appostli l-ministeru: “Il-paċi magħkom! Kif il-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħat lilkom… Irċievu l-Ispirtu Santu; id-dnubiet li intom taħfru jkunu maħfura u dawk li żżommu jkunu miżmuma” (Ġw 20, 21-23).

Qabel ma lissen dan il-kliem, Ġesù juri jdejh u l-kustat. Juri jiġifieri l-feriti tal-Passjoni, speċjalment l-ferita ta’ qalbu, sors li minnu toħroġ l-mewġa l-kbira tat-tjieba li tixtered fuq l-umanità. Minn dik il-qalb swor Faustina Kowalska, il-beata li minn issa ‘l hemm se nsejħula santa, tara jitilqu żewġ faxxi ta’ dawl li jdawlu d-dinja: “Iż-żewġ raġġi – jispjega  jum wieħed Ġesù nnifsu – jirrapreżentaw id-demm u l-ilma ” (Diario, Libreria Editrice Vaticana, p. 132).

2. Demm u ilma! Il-ħsieb jiġri għax-xhieda tal-evanġelista Ġwanni li, meta s-suldat fuq il-Kalvarju nifed bil-lanza l-kustat ta’ Kristu,  , ra joħroġ “demm u ilma” (cfr Ġw 19, 34). U jekk id-demm jevoka s-sagrifiċċju tas-salib u ir-rigal ewkaristiku, l-ilma jissimboleġġja “giovannea”, ifakkar mhux biss il-magħmudija, imma wkoll ir-rigal tal-Ispirtu Santu (cfr Ġw 3,5; 4,14; 7,37-39).

Permezzt al-qalb ta’ Kristu msallab il-ħniena divina tilħaq lill-bnedmin: “Binti, ta’ min huma l-Imħabba u l-Ħniena in persona”, jistaqsi Ġesù lil Swor Faustina (Diario, 374). Din il-ħniena Kristu jsawwab fuq l-umanità permezz tal-mandat tal-Ispirtu Santu li, fit-Trinità, huwa l-Persuna-Mħabba. U mhijiex jewwilla l-ħniena it-“tieni isem” tal-imħabba (cfr Dives in misericordia, 7), miġbur fl-aspett tiegħu l-iktar profond u teneru, fl-attitudni tiegħu li jsir mimli b’kull bżonn, speċjalment fil-ħila mmensa tal-maħfra?

Huwa tassew kbir illum il-ferħ tiegħi, li nipproponi lill-Knisja kollha, kważi rigal ta’ Alla għal żmiijietna, il-ħajja u x-xhieda ta’ Swor Faustina Kowalska. Mill-Providenza divina il-ħajja ta’ din il-bint umli tal-Polonja kienet kompletament marbuta mal-istorja tas-seklu għoxrin, is-seklu li wasalna biex inħalluh wara spallejna. Huwa, infatti, bejn l-ewwel u t-tieni gwerra dinjija li Kristu afdala l-messaġġ tiegħu ta’ ħniena. Dawk li jiftakru, li kienu xhieda u parteċipi tal-ġrajjiet ta’ dawk is-snin u tas-sofferenzi orribli li seħħew lill-miljuni ta’ miljuni, jafu tajjeb kemm il-messaġġ ta’ ħniena kien meħtieġ.

Qal Ġesù lil Swor Faustina:: “L-umanità ma ssibx paċi, sakemm ma ddurx b’fiduċja lejn il-ħniena divina ” (Diario, p.132). Permezzt tal-opra tar-reliġjuża Pollakka, dan il-messaġġ huwa marbut għal dejjem mas-seklu għoxrin, l-aħħar tat-tieni millennju u pont lejn it-tielet millennju. Mhuwiex messaġġ ġdid, imma nistgħu nqisuh rigal ta’ illuminazzjoni speċjali, li tgħinna biex nerġgħu ngħixu  b’mod iktar qawwi il-Vanġelu tal-Għid, biex noffruh bħala raġġ dawl lill-irġiel u lin-nisa ta’ żmienna.

3. X’se jġibulna s-snin li għandna quddiemna? Kif se jkun il-ġejjieni tal-bniedem fid-dinja? Lilna mhux mogħti li nkunu nafu.  Huwa ċert madankollu li maġemb il-progressi l-ġodda ma jonqsux, sfortunatament l-esperjenzi dolorużi. Imma d-dawl tal-ħniena divina, li l-Mulej ried kważi jerġa jagħti lid-dinja  permezz tal-kariżma ta’ Swor Faustina, jillumina l-mixja tal-bnedmin tat-tielet millenju.

Bħall-appostli darba, huwa meħtieġ iżda li wkoll l-umanità tallum tilqà fiċ-ċenaklu tal-istorja Kristu rxuxtat, li juri l-feriti tal-kruċifissjoni tiegħu u jirrepeti: Il-Paċi magħkom! Hemm bżonn li l-umannità tħalli lilha nfisha tintlaħaq u tkun maħsula mill-Ispirtu li Kristu rxuxtat jirregalalha. Dan huwa l-Ispirtu li jfejjaq il-feriti tal-qalb, iġarraf il-barrieri li jifirduna minn Alla u u jifirduna bejnietna, jerġa jagħtina flimkien il-ferħ tal-imħabba tal-Missier u dik l-għaqda fraterna.

4. Huwa għalhekk importanti li nilqgħuh kollu kemm hu l-messaġġ li jiġina mill-kelma ta’ Alla f’dan it-tieni Ħadd tal-Għid, li minn issa ‘l quddiem fil-Knisja kollha jingħata l-isem tal-“Ħadd tal-Ħniena Divina”. Fid-diversi qari, il-liturġija donnha tiddisinja l-mixja tal-ħniena li, waqt li terġa tibni r-rapport ta’ kull wieħed u waħda ma’ Alla, tqanqal ukoll fost il-bnedmin rapporti ġodda ta’ solidarjetà fraterna. Kristu għallimna li “il-bniedem mhux biss jirċievi u jisperimenta l-ħniena ta’ Alla, imma huwa msejjaħ biex «juża l-ħniena» mal-oħrajn: Ħenjin dawk li jħennu, għaliex isibu l-ħniena (Mt 5, 7)” (Dives in misericordia, 14). Huwa mbagħad indikalna t-toroq multipli tal-ħniena, li mhux taħfer biss id-dnubiet, imma tersaq ukoll lejn il-bżonnijiet tal-bnedmin. Ġesù tbaxxa fuq kull miżerja umana, materjali u spiritwali.

Il- messaġġ tiegħu ta’ ħniena jkompli jilħaqna permezz tal-ġest ta’ jdejh mifruxa lejn il-bniedem li jbati. Huwa hekk li ratu u li xandritu lill-bnedmin tal-kontinenti kollha Swor Faustina, li moħbija fil-kunvent tagħha ta’ Lagiewniki, fi Krakovja, għamlet mill-eżistenza tagħha kantiku lill-ħniena: Misericordias Domini in aeternum cantabo.

5. Il-kanonizzazzjoni ta’ Swor Faustina għandha elokwenza partikolari: permezz ta’ dan l-att illum feħsiebni nittrażmetti dan il-messaġġ lill-millennju l-ġdid. Nittrażmettih lill-bnedmin kollha sabiex jitgħallmu jagħrfu dejjem aħjar il-wiċċ veru ta’ Alla u l-veru wiċċ ta’ ħuthom.

L-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-aħwa ma jistgħux jinfirdu, kif fakkritna l-ewwel Ittra ta’ Ġwanni: “Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu lil Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu” (1 Ġw 5, 2). L’-Appostlu hawn jerġa jfakkarna fil-verità tal-imħabba, billi jurina il-miżura u l-kriterja tal-kmandamenti.

Mhux faċli, infatti, tħobb b’imħabba profonda, magħmula minn don awtentiku tiegħek innifsek. Din l-imħbba titgħallimha biss fl-iskola ta’ Alla, fis-sħana tal-karità tiegħu. Waqt li tiffissa ħarstek Fuqu, billi nissintonizzaw ruħna ma’ qalbu ta’ Missier, insiru kapaċi nħarsu lejn ħutna b’għajnejn ġodda, f’atteġġjament ta’ gratuwità u ta’ kondiviżjoni, ta’ ġenerożità u ta’ maħfra. Dan kollu huwa ħniena!

Fil-miżura li fiha l-umanità tkun taf tifhem is-sigriet ta’ din il-ħarsa ħanina, jirrivela ruħu prospettiva rejalizzabli il-kwadru ideali propost fl-ewwel qari: “Il-kotra l-kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. U ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien ” (At 4, 32). Hawn il-ħniena tal-qalb saret ukoll stil ta’ rapport, proġett ta’ komunità, kondiviżjoni tal-ġid. Hawn iffjorixxew l-«opri tal-ħniena», spiritwali u korporali. Hawn il-ħniena saret konkreta issir «proxxmu» lejn l-aħwa l-iktar żvantaġġjati.

6. Swor Faustina Kowalska ħalliet miktub fid-djarju tagħha: “Inħoss niket tremend, meta nosserva t-tbatijiet tal-proxxmu. In-niket kollu tal-proxxmu jirrifletti ruħu f’qalbi; inġorr f’qalbi id-dwejjaq tagħhom, b’tali mod li dan ixxejjinni wkoll fiżikament. Inkun nixtieq li n-niket kollu tagħhom jaqà fuqi, biex inserraħ lill-proxxmu ” (Diario, p. 365). Hawn hu sa liema punt ta’ kondiviżjoni twassal l-imħabba meta hija mkejla fuq l-imħabba ta’ Alla!

Hija għal din l-imħabba li l-umanità tallum għandha taspira biex tiffaċċja l-kriżi tas-sens, l-isfidi tal-bżonnijiet -iktar differenti, b’mod speċjali l-esiġenza li tissalvagwardja d-dinjità ta’ kull persuna umana. Il-messaġġ tal-ħniena divina huwa hekk, tattikament, ukoll messaġġ dwar il-valur ta’ kull bniedem. Kull persuna hija prezzjuża għal għajnejn Alla, għal kull waħda Kristu ta ħajtu, għal kulħadd il-Missier jagħmel ir-rigal tal-Ispirtu tiegħu  u joffri l-aċċess għall-intimità tiegħu.

7. Dan il-messaġġ konsolanti huwa b’mod speċjali ndirizzat lil min, milqut minn prova partikolarment iebsa jew magħfus mill-piż tad-dnubiet imwettqa, tilef kull fiduċja fil-ħajja u jkun ittentat li jċedi għad-disprament. Lilu jippreżenta ruħu l-wiċċ ħelu ta’ Kristu, fuqu jaslu dawk ir-raġġi li jitilqu minn qalbu u jdawlu, waqt li jsaħħnu, jindikaw il-mixja u jgħaddsu it-tama. Kemm erwieħ diġa kkonslat l-invokazzjoni “Ġesù, jiena nafda Fik“, li l-Providenza ssuġġeriet permezz ta’ Swor Faustina! Dan l-att sempliċi ta’ abbandun lil Ġesù  jinfed is-sħab l-iktar oħxon u jħalli jgħaddi raġġ ta’ dawl fil-ħajja ta’ xiħadd.

8. Misericordias Domini in aeternum cantabo (Sal 88 [89], 2). Għal-leħen ta’ Marija Santissma, l-«Omm tal-ħniena», għal-leħen ta’ din il-Qaddisa ġdida, li fil-Ġerusalem ċelesti tkanta l-ħniena flimkien mal- ħbieb ta’ Alla, ngħaqqdu wkoll aħna, Knisja pellegrinanti, leħinna.

U int, Faustina, rigal ta’ Alla lil żmienna, rigal tal-art tal-Polonja lill-Knisja kollha, iksbilna li nħossu l-profondità tal-ħniena divina, għinna biex nagħmlu esperjenza ħajja u biex nixhduha lil ħutna. Il-messaġġ tiegħek ta’ dawl u ta’ tama jixtered mad-dinja kollha, jimbotta għall-konverżjoni lill-midimbin, irażżan ir-rivalità u l-mibegħda, jiftaħ lill-bnedmin u lin-nazzjonijiet għall-prattika tal-fraternità. Illum aħna, waqt li niffissaw ħarsitna miegħek fuq il-wiċċ ta’ Kristu rxuxtat, nagħmlu tagħna t-talba tiegħek ta’ abbandun fiduċjuż u ngħidu b’tama soda: Ġesù, jiena nafda Fik!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?