Ittra tal-Papa Ljun XIV dwar il-Liturġija


Il-Papa Ljun jafferma l-validità tal-kotba liturġiċi promulgati wara l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II

Fit-14 ta’ Awwissu 2026, il-Papa Ljun XIV bagħat ittra lill-Kardinal Arthur Roche, Prefett tad-Dikasteru għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, u lill-parteċipanti f’laqgħa ddedikata għall-formazzjoni liturġika, li saret f’Mount Angel Abbey, f’Oregon, fl-Istati Uniti. Fiha huwa wera kemm iqis il-liturġija bħala element essenzjali għall-ħajja u għall-formazzjoni tal-Poplu ta’ Alla.

Il-qofol tal-messaġġ tiegħu huwa li l-liturġija hija l-qalba tal-ħajja nisranija. Jgħid li l-quddiesa tal-Ħadd, b’mod partikolari, mhijiex sempliċement obbligu li wieħed iwettaq kull ġimgħa, u lanqas laqgħa soċjali tal-komunità, imma hija l-qima ta’ Alla u l-parteċipazzjoni tal-Knisja fil-misteru ta’ Kristu. Għalhekk, il-mod kif niċċelebrawha għandu jgħin lill-insara jidħlu aktar fil-fond f’dan il-misteru. Minn dan joħroġ il-bżonn ta’ parteċipazzjoni attiva u profonda.

Ir-rispett lejn in-normi liturġiċi

Punt importanti ħafna fl-ittra tal-Papa Ljun huwa l-appell tiegħu lis-saċerdoti biex ikunu fidili lejn in-normi liturġiċi approvati wara l-Konċilju mill-Papiet San Pawlu VI u San Ġwanni Pawlu II. Il-Papa Ljun XIV ħeġġeġ li l-quddiesa tkun iċċelebrata skont il-kotba liturġiċi u r-regoli tal-Knisja, mingħajr tibdil arbitrarju jew inizjattivi personali. Dan ma jfissirx li huwa jrid liturġija xotta jew mekkanika. Għall-kuntrarju; ir-rispett lejn il-forma liturġika għandu jgħin biex il-misteru ta’ Kristu jiġi ċċelebrat b’aktar qima, sbuħija u profondità.

Għalhekk, f’din l-ittra nilmħu żewġ aspetti importanti; fedeltà għal dak li l-Knisja tordna u spirtu ta’ qima vera.

Il-formazzjoni liturġika hija għal kulħadd

Tema oħra ċentrali hija l-formazzjoni liturġika li mhijiex riservata għal speċjalisti, liturġisti jew saċerdoti biss. Hija responsabbiltà tal-Poplu ta’ Alla kollu. Dan ifisser li l-lajċi wkoll għandhom bżonn jifhmu aktar x’qed jiġri fil-liturġija; xi jfissru l-kliem, il-ġesti, is-sinjali, is-skiet, il-qari tal-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija. Dan għaliex meta l-insara jifhmu aħjar il-liturġija, jkunu jistgħu jipparteċipaw fiha mhux biss esternament, iżda wkoll bil-qalb u b’fidi aktar profonda.

Il-Ħadd għandu post speċjali

L-ittra tagħti importanza partikolari lill-quddiesa tal-Ħadd li huwa Jum il-Mulej, għalhekk l-Ewkaristija, partikolarment tal-Ħadd, għandha tkun esperjenza li tifforma lill-komunità nisranija. Il-quddiesa trid tgħin lill-insara jgħixu l-fidi tagħhom matul il-ġimgħa kollha. Għalhekk, il-liturġija mhijiex maqtugħa mill-ħajja ta’ kuljum għaliex dak li niċċelebraw fil-knisja għandu jinbidel f’ħajja ta’ fidi, karità u qadi.

Parteċipazzjoni attiva ma tfissirx li aktar persuni jagħtu sehmhom fuq il-presbiterju. Il-qari, il-kant, is-servizz tal-altar u responsabbiltajiet oħra għandhom il-post tagħhom. Iżda l-għan aħħari hu li l-komunità kollha tipparteċipa fil-misteru li qed jkun iċċelebrat. Għalhekk, il-Papa jenfasizza parteċipazzjoni vera hija kemm esterna u kif ukoll interna. Il-ġesti u l-kliem għandhom jgħinu lill-qalb tal-bniedem biex tiltaqa’ ma’ Kristu.

Liturġija li tifforma lid-dixxipli

Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV jista’ jinġabar fi ħsieb wieħed; il-liturġija tifforma lill-Knisja. Jekk il-liturġija tiġi ċċelebrata b’fedeltà u qima, u jekk kull min ikun qed jieħu sehem jifhem aħjar dak li qedikun iċċelebrat, allura dik iċ-ċelebrazzjoni tgħin lill-insara jikbru fil-fidi. Il-formazzjoni liturġika mhijiex għan fiha nnifisha, iżda trid twassalna għal ħajja nisranija aktar awtentika. Il-Papa b’hekk qed jgħaqqad il-liturġija mal-evanġelizzazzjoni għaliex komunità li titgħallem tiċċelebra l-misteri ta’ Kristu b’mod profond tkun ukoll aktar kapaċi tgħix u xxandar l-Evanġelju.

Domandi li rridu nagħmlu lilna nfusna

Din l-ittra, il-Papa Ljun XIV kitibha lill-parteċipanti ta’ laqgħa fl-Istati Uniti, imma fil-parroċċi tagħna wkoll, il-messaġġ tiegħu jista’ jwassalna għal riflessjoni sempliċi iżda importanti;

  • Aħna kif qed niċċelebraw il-quddiesa?
  • X’qed nitgħallmu minnha?
  • X’effett qed tħalli fil-ħajja tagħna?

Dawn domandi importanti li rridu nagħmlu lilna nfusna, kemm personalment bħala individwi, u kif ukoll bħala kommunità għaliex il-liturġija mhijiex biss dak li qed nagħmlu fil-knisja. Hija skola ta’ fidi u ta’ ħajja li meta tkun ċċelebrata b’mod denju u mifhum mill-komunità, tista’ tassew tifforma lill-Poplu ta’ Alla biex jgħix u jxandar l-Evanġelju fid-dinja ta’ kuljum

15 ta’ Awwissu 2026

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading