SOLENNITÀ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TAL-BEATA VERĠNI MARIJA
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Piazza della Libertà (Castel Gandolfo)
Is-Sibt, 15 ta’ Awwissu, 2026
Għeżież ħuti,
illum niċċelebraw is-Solennità ta-Tlugħ fis-Sema tal-Beata Verġni Marija. Festa ta’ importanza kbira kemm għat-teoloġija kattolika, u wkoll għall-pjetà popolari: infatti hi okkażjoni li tinħass profondament f’bosta komunitajiet, speċjalment fejn il-katidral jew il-knisja parrokkjali huma dedikati lill-Marija Assunta.
Biex nikkuntemplaw dal-misteru tal-fidi nistgħu iħarsu lejn żewġ mudelli ikonografiċi li bihom tul is-sekli ħafna artisti esprimew dil-ġrajja.
L-ewwel waħda u l-aktar waħda antika, li kienet prattikament l-unika għal millennju sħiħ, hi dak “tad-dormizzjoni” ta’ Omm Alla: Hi tidher mimduda fuq katafalk fir-raqda tal-mewt; madwarha l-Appostli iqimuha, imqanqlin profondament huma u jitolbu; fin-nofs hemm Ġesù Rxoxt li qed iġorr fuq dirgħajh ir-ruħ ta’ Marija, qiesha tarbija tat-twelid. Ġie biex jeħodha miegħu u jtellagħha miegħu fil-glorja ta’Alla, kif ngħidu simbolikament. Infatti, għal Ommu l-Mulej wettaq dak li kien wiegħed lill-ħbieb tiegħu kollha: “U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Ġw 14,3).
Dan l-ewwel mudell jenfasizza verità ċentrali: huwa Kristu, li miet u qam mill-ġdid, li jwassalna lejn il-għan li għalih dejjem konna destinati – il-ħajja ta’ dejjem. Hu dak li ġenerazzjoni wara oħra ta’ fidili kkumtemplaw huma u jitolbu quddiem ix-xbieħat tad-Dormizzjoni, li f’Ruma nistgħu nammiraw fil-mużajk grandjuż fli hemm fl-abside tal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.
L-ikonografija aktar reċenti, li żviluppat aktar tard fil-punent, ittina l-figura sħiħa ta’ Marija, fis-sema, bid-dawl madwarha u spiss fil-preżenza ta’ anġli u qaddisin. F’dal-każ, fiċ-ċentru hemm il-ġisem glorjuż tal-Madonna, bi qbil ma’ dak li naqraw fil-Ktieb tal-Apokalissi: “Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha” (Apok 12,1).
Xi artisti laqqgħu flimkien dawn iż-żewġ skemi u rrappreżentaw lill-Verġni glorjuża fil-għoli u n-naħa t’isfel il-qabar vojt, ħafna drabi mimli fjuri mlewna, bl-Appostli jħarsu ’l fuq, lejha, lejn is-sema.
Dan it-tieni mudell jenfasizza l-verità li Marija ttellgħet fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem, jiġifieri, fl-integrità tal-persuna tagħha. Dik il-mara li fuq l-art tat ġisem u demm lill-Verb inkarnat u mxiet warajh sal-għaqda perfetta fis-sagrifiċċju tal-imħabba, minnu stess ittellgħet fil-glorja ta’ dejjem
Hekk, din l-ikonografija tgħinna wkoll nimmeditaw dwar id-destin aħħari tagħna. Il-milja tal-ħajja, li llum bil-ferħ qed nammiraw f’Marija, qed tistenna lilna wkoll meta jintemmu ż-żminijiet, meta, kif jgħid San Pawl, Kristu Rxoxt “għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu”, “meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità” (1Kor, 15,54). Imbagħad, bil-ġisem tagħna trasformat mill-imħabba tar-Redentur, ngħixu għal dejjem fil-festa ta’ bla tmiem.
Infaħħru lill-Mulej li għamel ħwejjeġ kbar mal-Omm tiegħu tagħna!
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Marija Santissma mtellgħa fil-glorja tas-sema hi sinjal ta’ tama u faraġ għall-poplu kollu t’Alla. Għaldaqstant, illum nixtieq ninvoka l-interċessjoni materna tagħha f’isem il-komunitajiet li għandhom bżonn kbir tal-faraġ u biex ikomplu jittamaw. Qed niftakar f’ħutna fl-Art Imqaddsa, li hija wkoll, per eċċellenza, l-Art ta’ Marija. Niftakar ukoll fil-poplu Ukren u fil-poplu Russu, it-tnejn marbutin b’devozzjoni filjali lejn l-Omm Qaddisa t’Alla. Niftakar ukoll sfl-insara li jsofru diskriminazzjoni jew saħansitra persekuzzjoni.
Dal-ġranet qed inkompli nitlob għall-poplazzjonijiet Kolombjani li qed isofru minħabba t-terremot. Ningħaqad ma’ dawn il-komunitajiet u ma’ dawk kollha li qed jgħixu f’sitwazzjonijiet diffiċli u flimkien magħhom nitlob bil-ħrara: “Santa Marija, itlob għalina!”
Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Castel Gandolfo u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra. Grazzi tal-preżenza tagħkom, grazzi tat-talb tagħkom!
Nawgura lil kulħadd żmien ta’ mistrieħ li jaħji lill-ġisem u l-ispirtu b’xi ftit qari tajjeb u f’kuntatt man-natura.
Il-festa t-tajba u arrivederci għal għada!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber