Ebda ħajja mhi għall-iskart. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi

Is-Sibt, 15 ta’ Awwissu 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija. Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija, Attard.

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Mindu kont żgħir, u kont niġi f’din il-knisja parrokkjali ma’ missieri li għamel snin joqgħod hawn, dejjem laqtitni l-vara għażiża ta’ Santa Marija ta’ din il-parroċċa ta’ Ħ’Attard. Naraha sabiħa wisq. U naraha toħroġ ħafna l-misteru li jinsab fil-qalba tal-identità ta’ din il-komunità: Marija mtellgħa s-sema.

F’din il-festa ta’ Santa Marija, hi tidher quddiemna bħala mara li waslet għall-milja tagħha. Il-ħajja tagħha ma spiċċatx fil-qabar. Il-ġisem tagħha, li Alla ħoloq, li Marija tat lill-Iben ta’ Alla, u li bih hija għexet il-fidi, ġie milqugħ fil-glorja.

Nixtieq li f’din il-ġurnata tal-festa ta’ Santa Marija nħarsu lejn din l-istatwa titulari, u aħna u napprezzaw is-sbuħija, naraw il-messaġġ li tagħtina għal ħajjitna.

L-għajnejn ta’ Marija: ħarsa lejn is-Sema

Jekk inħarsu lejn l-istatwa, l-ewwel ħaġa li tolqotna hija l-ħarsa ta’ Marija. Għajnejha huma merfugħa lejn is-Sema. Mal-ewwel Marija titfa’ ħarsitna lejn il-Mulej. Ma tgħidilniex: ħallu ħarsitkom tibqa’ fuqi, araw lili u ieqfu hemm; imma trid li nħarsu lejn il-Mulej.

Marija taf minn fejn ġejja u taf fejn sejra. F’dinja li ħafna drabi tħares biss lejn l-art – lejn dak li hu immedjat, lejn dak li jagħtini pjaċir, lejn dak li jġibli kumdità, lejn dak li jiswa skont il-flus, is-suċċess jew l-utilità – Marija tgħallimna nerfgħu għajnejna ’l fuq. Minn Alla jiġina l-veru ġid.

Il-valur tal-bniedem ma jibdiex minn dak li jista’ jagħmel.

Għax hu meta nħarsu lejn is-Sema li nagħrfu min hu tassew il-bniedem. Jekk il-bniedem ma jibqax jidher bħala kreatura maħluqa xbieha ta’ Alla, allura l-valur tiegħu jibda jitkejjel skont kemm hu b’saħħtu u għandu poter, kemm għand flus, kemm hu produttiv, kemm hu indipendenti, jew kemm jista’ jagħti lis-soċjetà. Imma quddiem Alla mhux hekk. Il-valur tal-bniedem ma jibdiex minn dak li jista’ jagħmel. Jibda mill-fatt li hu maħluq minn Alla u maħbub minnu. U għalhekk il-ħajja umana għandha dinjità li ma nistgħu qatt inneħħuha. Ukoll meta l-bniedem ikun għadu ma twelidx, imma jkun diġà jeżisti. Ukoll meta jkun marid, jew anzjan ħafna u dgħajjef, jew meta jkun qed ibati. Ukoll meta ma jkun jista’ jagħmel xejn.

Minn meta tibda l-ħajja fil-ġuf tal-omm sal-aħħar nifs tagħha, kull ħajja umana tibqa’ għażiża, tibqa’ maħbuba minn Alla, tibqa’ għandha dinjità li ħadd ma għandu d-dritt jisirqilha. Marija, bl-għajnejn tagħha lejn is-Sema, tagħtina dan il-messaġġ qawwi: itfgħu ħarsitkom lejn Alla, u hu jgħinkom tħarsu lejn kull bniedem kif iħares lejh Alla.

L-idejn miftuħa: ħajja li tilqa’

Imbagħad naraw l-idejn miftuħa ta’ Marija. Idejn miftuħa huma sinjal ta’ min jilqa’, ta’ min jafda, ta’ min jagħti.

Lill-arkanġlu Gabriel, meta ġie jagħtiha l-ikbar Aħbar, Marija qaltlu: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej; ikun minni skont kelmtek!” (Lq 1:38)  Hija laqgħet b’idejn miftuħa l-istedina tal-Mulej, ukoll jekk ma fehmitx kollox b’mod ċar. Kif qalet Eliżabetta: “Hienja dik  li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej” (Lq 1:45). L-idejn miftuħa juru qalb miftuħa. Hawnhekk għandna messaġġ importanti: li bħal Marija, idejna u qalbna jkunu miftuħa, lesti biex nilqgħu dak li Alla jitlob minna, bl-istess fiduċja ta’ Marija.

Għax il-ħajja tat-tarbija u d-dinjità tal-omm ma jikkompetux kontra xulxin.

L-idejn miftuħa ta’ Marija juruna wkoll kif hija laqgħet fil-ġuf tagħha lil Ġesù. Eliżabetta tgħidilha: “Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1:42). Il-ġuf għandu jkun l-ewwel dar tal-bniedem, fejn ikun milqugħ. Kemm hi sabiħa l-ħajja ġdida li Alla jafda f’idejn omm u missier! U kemm għandna bżonn bħala soċjetà noħolqu kundizzjonijiet fejn kull omm, speċjalment dik li tinsab f’sitwazzjoni diffiċli, tkun tista’ tħares lejn it-tarbija li qed iġġorr mhux bħala piż, imma bħala ħajja li jistħoqqilha mħabba, għajnuna u protezzjoni, li tkun milqugħa bil-qalb.

Għax il-ħajja tat-tarbija u d-dinjità tal-omm ma jikkompetux kontra xulxin. Irridu nkunu komunità bl-idejn miftuħa għat-tnejn li huma, komunità li tilqa’ bħal Marija – li tilqa’ lit-tarbija bħala ħajja umana ġdida, u li tilqa’ lill-omm, u li tgħid lill-omm li tkun tinsab f’diffikultà: M’intix waħdek. Aħna miegħek. Aħna idejna miftuħa biex nilqgħuk.

L-idejn miftuħa ta’ Marija jfakkruna kemm hu importanti li nkunu Knisja li tilqa’. Fi kliem il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni tiegħu fuq il-ferħ tal-Evanġelju: Il-Knisja għandha tkun post “fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-Evanġelju” (Evangelii gaudium, 114).

L-idejn miftuħa ta’ Marija jfakkruna wkoll fil-qalb miftuħa tagħha għal kulħadd, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli. Ifakkruna f’ħajjiet li jeħtieġu l-protezzjoni tagħna. L-idejn tal-anzjan jew anzjana li jirtogħdu, l-idejn ta’ morda li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom, l-idejn ta’ min jinsab waħdu, ta’ min għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali, ta’ min min jinsab fl-aħħar fażi ta’ ħajtu.

Il-messaġġ tal-Assunta b’idejha miftuħa hu ċar: kull ħajja hija għażiża. Ebda ħajja mhi għall-iskart. Ebda bniedem mhu żejjed. Ebda persuna ma titlef id-dinjità tagħha għax tinsab dgħajfa. Min qata’ qalbu mill-ħajja jrid isib fina l-idejn li jerfgħuh mhux l-idejn li jipperswaduh li aħjar jitlaq. Dan hu l-messaġġ li tagħtina Marija: li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

Is-saqajn ta’ Marija: mixja fi vjaġġ

Imbagħad inħarsu lejn is-saqajn ta’ Marija. Qegħdin f’moviment, b’sieq minnhom aktar ’il quddiem, qisu biex turina li l-fidi mhix biss ħarsa lejn is-Sema. Il-fidi timxi fit-toroq tad-dinja sa ma naslu fid-destinazzjoni – is-Sema.

U għalhekk għandna d-dmir li nimxu fit-triq tal-Mulej …Mhux nimbuttaw lil min hu dgħajjef lejn il-ġenb, jew neħilsu minnu…

F’ħajjitha Marija nsibuha spiss f’mixja. Ma baqgħetx wieqfa quddiem il-misteru tagħha. Marret għand Eliżabetta. Imxiet tul it-toroq tal-ħajja. Għaddiet minn ferħ u tbatija. Għaddiet minn Betlem u Nazaret, mill-kalma u mill-inkwiet, saħansitra sal-għolja tal-Kalvarju, u mal-komunità Nisranija fil-bidu tagħha. U llum dak il-vjaġġ tagħha spiċċa fil-glorja.

Dan ifakkarna li l-ħajja hija vjaġġ sagru. Minn meta l-bniedem jibda jeżisti, jibda vjaġġ li Alla jrid iwasslu sal-milja tiegħu. U għalhekk għandna d-dmir li nimxu fit-triq tal-Mulej, li nimxu ma’ xulxin f’dan il-vjaġġ. Mhux nimbuttaw lil min hu dgħajjef lejn il-ġenb, jew neħilsu minnu, mhux li nqisu lil xi ħadd bħala piż jew li ma għadux jiswa, imma li lkoll flimkien qegħdin f’din il-mixja lejn is-Sema pajjiżna. Marija hija dik li takkumpanjana f’din il-mixja.

Marija turina d-destin tal-ġisem tagħna

Il-festa tal-Assunta għandha wkoll messaġġ profond dwar il-ġisem. Il-ġisem ta’ Marija, li llum naraw igglorifikat, ifakkarna li l-ġisem mhuwiex oġġett li nistgħu niddisprezzaw jew nużaw kif irridu.

Il-ġisem tagħna għandu dinjità għax aħna maħluqin xbieha ta’ Alla. U għalhekk din id-dinjità ma tagħtihilux is-saħħa, is-sbuħija, l-intelliġenza jew is-suċċess. Din id-dinjità mhijiex riżultat tal-kunsens popolari. Hija rigal ta’ Alla li ma jintilifx.

Fil-Magnificat, Marija tgħid: “Minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja” (Lq 1:48) Għaliex? Mhux għax kellha ħajja faċli, jew kollox mexa ħarir. Mhux għax ma batietx. Mhux għax qatt ma kellha tibki. Imma għax Alla kien magħha u hi kienet miegħu.

U l-Assunta tagħtina t-tama vera. Tgħidilna li l-aħħar kelma fuq il-ħajja tagħna mhix il-mewt. L-aħħar kelma hija l-ħajja. Id-destin tagħna mhuwiex il-qabar. It-tbatija, il-mard, id-dgħufija mhumiex it-tmiem. Għal min jemmen fi Kristu, id-destin tagħna hu l-glorja.

Talba

Għalhekk, waqt li niċċelebraw lil Marija Assunta, ejjew nieħdu l-ispirazzjoni minn din il-vara sabiħa tal-parroċċa tagħkom, u nħalluha tkompli tkellimna. Il-ħarsa tagħha lejn is-Sema tgħidilna fejn hu d-destin tagħna. L-għajnejn tagħha jgħidulna: erfgħu għajnejkom lejn il-Mulej u “agħmlu kulma jgħilkom hu” (Ġw 2:5). L-idejn tagħha jgħidulna: iftħu qalbkom għal Alla u għal kull ħajja umana f’kull waqt tagħha. Is-saqajn tagħha jgħidulna: imxu l-vjaġġ tal-ħajja li jwassal għas-sema pajjiżna, u tinsew lil ħadd fit-triq.

Nixtieq nagħlaq b’din it-talba fil-Festa ta’ Santa Marija:

O Marija Assunta, Omm it-tama,
għolli għajnejna lejn is-Sema,
iftħilna idejna għall-ħajja biex dejjem inħarsuha u ngħożżuha
bħala don prezzjuż mingħand Alla,
mexxilna saqajna fit-triq tal-imħabba li ma teskludi lil ħadd,
li takkumpanja d-dgħajfa u l-vulnerabbli,
ibqa’ qrib tagħna u akkumpanjana
sal-mument meta l-Mulej isejħilna għandu
biex, bħalek, naslu wkoll għall-milja tal-ħajja,
u nistgħu ngħidu għal dejjem:
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46)

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju


Qari tal-Quddiesa
Qari I: Apok 11: 19a, 12: 1-6a. 10ab
Responsorju: 44: 10bc. 11-12ab. 16
Qari II: 1 Kor 15: 20-26
L-Evanġelju: Lq 1:39-56

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading