Lourdes: Il-post tat-talb u t-tama (8)

BDIET IT-TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻJARA TAL-PAPA

Michael Caruana

Kif diġà ħabbart esklussivament f’din is-sit tas-17 ta’ Mejju, bejn il-25 u s-27 ta’ Settembru l-Papa Ljun XIV se jżur Franza b’waħda mill-waqfiet tiegħu tkun f’Lourdes.

“Bħal Marija fil-Jum tal-Annunzjoni” – it-tema spiritwali ta’ din is-sena tas-Santwarju – l-Insara huma msejħa jgħidu ‘iva’ biex iż-żjara tal-Papa f’Lourdes tkun sors ta’ grazzja għad-dinja kollha.

Li tilqa’ lill-Papa u lil għexieren ta’ eluf ta’ pellegrini li mistennija jżuru Lourdes fil-ġranet li jkun hemm il-Papa, hu sfida loġistika u spiritwali bi ftit ta’ preċident għas-Santwarju, qal ir-Rettur tas-Santwarju. Hu qed isejjaħ għall-appoġġ tal-Insara kollha, liema appoġġ hu essenzjali għal raġunijiet ewlenin, fosthom għal finanzjament biex ikun jista’ jsir it-titjib essenzjali li hemm bżonn. Biex jiżgura li kulħadd jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet mingħajr kompromess, qal ir-Rettur, is-Santwarju jrid jadatta l-postijiet tiegħu billi jibni podju li fuqu jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet, jara li jkollu sistema ta’ sound ta’ kwalità għolja biex kliem il-Papa jinstema’ sew anki mill-postijiet ta’ wara u jrid itella’ screens kbar għax-xandir taċ-ċelebrazzjonijiet kif ukoll sinjali speċifiċi li, fost oħrajn, jagħtu direzzjoni lin-nies. Ir-Rettur qed jgħid li d-donazzjonijiet li qed jinġabru bħalissa se jiffinanzjaw direttament dan l-investiment essenzjali għal matul iż-żjara tal-Papa li matulha se jkun qed isir talb komunitarju.

Is-Santwarju, sostna r-Rettur, irid jassigura merħba sigura, aċċessibbli għal kulħadd u kemm jista’ jkun mingħajr problemi.

Lourdes hu d-dar għall-aktar vulnerabbli u għalhekk qed issaħħaħ l-miżuri tiegħu biex jiżgura aċċess sigur u aktar faċli għal dawk li huma morda, anzjani jew b’diżabbiltà. “Billi nagħmlu dan possibbli, is-Santwarju jkun qed jassigura li Lourdes dejjem jibqa’ il-post fejn il-morda jingħataw prijorità”, sostna r-Rettur.

Il-Gvern Lokali ta’ Lourdes diġà qed iinvesti f’titjib fit-toroq u fit-tagħmir ta’ komunikazzjoni. Investiment li se jibqa’ jgħin lill-pellegrini għal ħafna wara li l-Papa jtemm iż-żjara tiegħu.

L-isfida prinċipali mhix sempliċement li torganizza avveniment fuq skala eċċezzjonali jew li tikseb it-teknika meħtieġa. “Għandna nkomplu nilqgħu kull pellegrin qabel l-wasla tal-Papa, matul iż-żjara tiegħu f’Lourdes u mill-mument li jitlaq. Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ kuljum iridu jkomplu, il-morda għandhom jibqgħu jittieħdu jżuru il-postijiet ta’ attivitajiet organizzati għalihom bl-istess tenerezza, il-Chaplains għandhom jibqgħu disponibbli għall-qrar u għal servizzi oħra lill-pellegrini u l-ospitalieri u l-volontiera għandhom ikomplu bis-servizzi tagħhom lis-Santwarju u lill-eluf ta’ pellegrini. Din hi l-isfida vera ta’ din is-sena straordinarja: li niżguraw li l-qalb spiritwali ta’ Lourdes tħabbat bla waqfien mhux biss matul iż-żjara tal-Papa Ljun XIV li diġà qed tidher bħala waħda eċċezzjonali, iżda wkoll wara”, kompla r-Rettur.

“Li tieħu sehem fil-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi, tkun qed tingħaqad magħna fil-wiegħda tagħna għall-futur tas-Santwarju”, temm ir-Rettur.

Jitħabbru l-kuluri, il-logo u l-motto taż-żjara appostolika tal-Papa \

Fit-6 ta’ Lulju, il-Knisja fi Franza ħabbret uffiċjalment il-logo, il-motto u l-viżwal li se jintużaw għal matul iż-żjara tal-Papa Ljun XIV f’pajjiżha.  Dawn inħaddmu u ġew riveduti bir-reqqa u approvati mill-Papa nnifsu.
Il-programm taż-żjara kollha tal-Papa fi Franza se jdur madwar it-tema ċentrali li hi profondament ta’ tama u spirata mill-Vanġelu skont San Ġwann: “Biex id-dinja jkollha l-ħajja”.

Hi stedina biex inħarsu flimkien lejn is-sors tal-ħajja li jħoss ruħu b’mod partikolari u profond fil-qalba tal-missjoni tagħna ta’ talb u ospitalità partikolarment f’Lourdes.

Bidla moderna li għas-siġġijiet bir-roti
tradizzjonali blu li jġorru l-morda

Magħrufa sew mal-pellegrini regolari tal-belt Marjana, is-siġġijiet bir-roti tradizzjonali blu li huma parti essenzjali mill-merħba u l-kura mogħtija lill-morda fis-Santwarju, se jingħataw bidla moderna. Konxji mill-kumdità u d-dinjità li jibqgħu l-prijorità ta’ din il-missjoni, l-Ospitalieri ta’ Ommna ta’ Lourdes qed jimmodernizzaw l-flotta tas-siġġijiet bir-roti tradizzjonali blu. Il-bidla se tgħaqqad ir-rispett u t-tradizzjoni mal-adattament għall-bżonnijiet tal-lum. Il-mudelli ġodda, li huma aktar siguri u komdi, se jtejbu l-kura mogħtija lil dawk li għandhom bżonnha l-iktar u b’hekk jagħmlu iżjed faċli għalihom li jivvjaġġaw lejn postijiet ta’ qima.

Wirja li tħares lejn il-‘pellegrinaġġ ta’ ritorn’

Jekk se tkun Lourdes fil-ġranet li ġejjin żur wirja ddedikata għal wieħed mill-aktar avvenimenti sinifikanti fl-istorja ta’ din il-belt. Tmenin sena ilu, bejn 80,000 u 100,000 priġunier tal-gwerra nġabru fil-belt Marjana wara t-tmiem tal-iktar kunflitt fatali tas-seklu 20.

Biex jiċċelebra dan l-anniversarju, is-Santwarju qed jorganizza din il-wirja fl-inħawi tal-Bieb San Ġużepp. Din il-wirja unika terġa’ tpoġġi lura lil min iżurha fil-kuntest ta’ dak l-avveniment storiku u profondament emozzjonanti.

Il-Festival tas-Sajf ta’ ACAMPS

Is-Santwarju ta’ Lourdes ospita għall-ewwel darba l-Festival tas-Sajf ta’ ACAMPS, avveniment internazzjonali organizzat mill-Komunità Kattolika ta’ Shalom. Ibbażati fil-Villaġġ taż-Żgħażagħ, il-parteċipanti qattgħu ħamest ijiem f’Lourdes jaqsmu esperjenzi komuni ta’ fidi, ferħ u ħbiberija u għal darb’oħra wrew il-missjoni internazzjonali tas-Santwarju ta’ Lourdes li jilqa’ nies minn madwar id-dinja kollha kull sena.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading