Omelija Tal-Qdusija Tiegħu Ljuni XIV – “Parque París Londres” (Paysandú). Vjaġġ Appostoliku Tal-Qdusija Tiegħu Ljun XIV Fl-Urugwaj, L-Arġentina U L-Perù

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ

6-17 ta’ Novembru 2026

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

“Parque París Londres” (Paysandú)

Is-Sibt 7 ta’ Novembru 2026

Omelija tal-Papa

Għeżież ħuti,

Din hija l-ewwel Quddiesa taż-żjara tiegħi li qed niċċelebraw fl-art Urugwajana: grazzi li ġejtu hawn! Il-Qari li smajna jiddeskrivilna l-figura ta’ bniedem ġust, li l-Mulej jgħinu u jwieżnu biex jista’ jwettaq il-missjoni li ġiet fdata lilu. San Pawl, fl-Ittra lill-Filippin, jirringrazzja lill-komunità tas-sapport fl-opra missjunarja tiegħu, u jaf li, fil-faqar, Alla hu l-għana kollu tiegħu, u l-Providenza divina tidher fl-aħwa li għandhom ġie mibgħut.

Imbagħad, is-Salm isejjaħ hieni lil min iħobb il-liġi tal-Mulej u li l-opri tiegħu huma koerenti mal-fidi. Bl-istess mod, Ġesù fil-Vanġelu jindika min hu l-bniedem onest, li jaqdi lil Alla u jqiegħdu fiċ-ċentru ta’ ħajtu, u li hu fidil f’dak kollu li jiġi fdat lilu, kemm jekk hi ħaġa kbira jew żgħira.

Illum, miġburin hawn f’Paysandú biex niċċelebraw l-Ewkaristija, bil-ferħ li qegħdin niġbru madwar l-istess mejda waħda tant fidili tal-Knisja Urugwajana, kif ukoll pellegrini li ġew minn pajjiżi fil-qrib, il-Liturġija tal-Kelma twassalna biex niftakru fil-preżenza f’dawn l-artijiet tar-Río de la Plata ta’ tant persuni li, sa mill-bidu tal-evanġelizzazzjoni tal-kontinent, waslu f’isem il-Mulej biex ixandru l-ferħ kbir li huma stess kienu daqu meta ltaqgħu ma’ Kristu. Bħall-anġli lir-ragħajja (ara Lq 2:10), huma ttrasmettew bil-ferħ il-bxara t-tajba tal-Vanġelu, u esprimew il-fidi tagħhom permezz ta’ opri ta’ karità u ħniena.

F’din iċ-ċelebrazzjoni rridu wkoll infakkru u rroddu ħajr lil Alla għall-ħajja u l-ministeru ta’ iben ta’ dawn l-artijiet, il-Beatu Jacinto Vera, isqof ta’ Montevideo, li kien xhud koerenti tal-fidi li xandar, ġeneruż fil-karità u ddedikat kollu kemm hu għall-missjoni appostolika. Hu ħadem biż-żelu pastorali tiegħu fid-direzzjonijiet kollha u bla ma qagħad lura mis-sagrifiċċji. Ngħidu aħna, kien imur fuq iż-żiemel iżur il-morda, minkejja d-distanzi twal, il-perikli tal-mixi u l-maltemp. L-“isqof gaucho” qasam tliet darbiet it-territorju Urugwajan, iwassal il-fidi u t-tama lin-nies tiegħu. Matul id-difiża storika ta’ Paysandú, fl-1864, Monsinjur Vera mar qagħad fil-gżira tal-Karità, faċċata tal-belt assedjata, biex jgħin lir-rifuġjati u midruba taż-żewġ naħat. Baqa’ hemm sa tmiem l-assedju biex isieħeb lill-poplu tiegħu, u jitlob f’isem Alla li l-armati tal-aħwa jagħtu lil xulxin it-tgħanniqa tal-paċi.

Għeżież ħuti: illum imiss lilna nkomplu l-wirt li dawn li żergħu l-Vanġelu ħallewlna, u dan irridu nagħmluh aħna u nżommu f’moħħna dak li tgħidilna l-Kelma ta’ Alla: bil-ġustizzja, l-onestà u l-fedeltà, għax nafu li l-messaġġ li qed inxandru mhuwiex tagħna. Huwa teżor li aħna rċivejna mingħand il-Mulej, u aħna qed inġorruh f’ġarar tal-fuħħar (ara 2 Kor 4:7).

Hemm tliet simboli li jikkaratterizzaw dan ir-reġjun u li jistgħu jgħinuna nirriflettu fuq it-teżor tal-fidi li ġie mgħoddi lilna u fuq il-missjoni li llum qed tiġi fdata lilna. L-ewwel wieħed hu l-pont, it-tieni l-palm u t-tielet ix-xarba tal-mate.

F’din il-belt ta’ Paysandú hawn il-Pont internazzjonali Generale Artigas, li jaqsam ix-xmara Urugwaj, u jgħaqqad żewġ pajjiżi ġirien. Mhux diffiċli nimmaġinaw il-ġid li jġib miegħu dan il-pont: ftuħ, komunikazzjoni, qsim. Għalhekk, kemm hu importanti li nkunu bennejja ta’ pontijiet! Din hija l-vokazzjoni li għaliha lkoll aħna msejħin: li nibnu pontijiet, insaħħu rabtiet, ngħaqqdu, nikkomunikaw, nittrasmettu l-ferħ tal-fidi, kif għamel il-Beatu Jacinto “f’waqtu u barra minn waqtu” (2 Tim 4:2).

Barra minn hekk, hemm bżonn li l-pont ikollu pedamenti tajbin, biex ma jċedix għall-kurrenti l-aktar qawwija. Ċertament, hekk kif id-dar mibnija fuq il-blat tibqa’ soda qalb it-tempesta u d-dar mibnija fuq ir-ramel tirriskja li tiġġarraf (ara Mt 7:24-27), anki pont għandu bżonn tas-sapport adegwat biex ma jiġġarrafx taħt il-qawwa tar-riħ u tal-ilmijiet. Kull darba li tmorru fuq il-kosta u taraw il-pont, ftakru li dan is-simbolu jirrappreżenta u jurina l-importanza ta’ formazzjoni Nisranija soda. Jeħtieġ inkunu mħejjija tajjeb biex nagħtu raġunijiet għall-fidi tagħna lil kull min jitlobhomlna (ara 1 Piet 3:15) u ma nħallux li nitkaxkru minn “xorta oħra ta’ tagħlim barrani” (Lhud 13:9). Hekk biss inkunu strumenti ta’ għaqda u rabtiet ta’ karità.

Simbolu ieħor li jikkaratterizza u jsebbaħ din l-art hu l-palm. Il-ktieb tas-Salmi jgħidilna li “l-ġust bħal palma jħaddar” (Salm 92:13). Din is-siġra hi reżistenti għall-qawwa tar-riħ, għandha għeruq profondi, titla’ dritt lejn is-sema tfittex id-dawl u tipproduċi l-frott ħelu tal-yatay. Hija xbieha mill-isbaħ tal-oriġni u tad-destinazzjoni li għaliha aħna msejħa: bl-għeruq tagħna fi Kristu, Alfa u Omega, Bidu u Tmiem tal-ħajja tagħna, nibqgħu magħqudin miegħu, u hekk nipproduċu frott bnin (ara Ġw 15:5).

Fl-istess waqt, naraw kif f’dan ir-reġjun il-palm ma jikbirx waħdu, imma jifforma għelieqi veri u proprji tal-palm, jiġifieri hemm ħafna minnhom, mhumiex waħidhom u lanqas bogħod minn xulxin. Anki l-Knisja hi komunità ta’ aħwa li tniżżel l-għeruq tagħha u tixrob minn għajn komuni: il-Kelma ta’ Alla, is-Sagramenti, it-talb u l-azzjoni ta’ karità, u l-fidili tagħha jerfgħu ħarsithom biex jagħtu ġieħ flimkien lil Kristu, ix-xemx li tiġi mill-għoli, li d-dawl tagħha jmexxi l-passi tal-umanità fil-mixja tal-paċi (ara Lq 1:78-79).

Fl-aħħar nett ejjew naħsbu f’simbolu li hu preżenti f’kull dar ta’ dan il-pajjiż, f’kull post ta’ studju u ta’ xogħol, f’kull laqgħa bejn il-ħbieb. Qed nirreferi għall-mate, dik ix-xarba hekk tipika tal-Amerika Latina, li s-sinifikat profond tagħha intom tistgħu tispjegawh aħjar minni. Żgur li l-mate akkumpanjakom anki llum, fil-vjaġġ lejn din iċ-ċelebrazzjoni, u se jakkumpanjakom intom u sejrin lura. Anki Ruma wasal il-mate!

Il-mate hu sinjal ta’ familjarità, ta’ ħbiberija u ta’ laqgħa. Jgħallimna naqsmu flimkien u noqogħdu flimkien, biex insaħħu r-rabtiet li jgħaqqduna u jagħmluna aħwa. Hu sinjal ta’ akkoljenza, ta’ integrazzjoni u ta’ valuri komuni. “Tixrob il-mate” hu ritwal mimli simboliżmi, li fih niddjalogaw bla ma niktellmu u kull dettall għandu sinifikat tiegħu. Qed naħseb anki fix-xarbiet tal-mate li nieħdu meta nkunu waħidna u li jakkumpanjaw mument ta’ skiet u ta’ talb. F’dawk l-ispazji ta’ solitudni, kemm drabi ħafna minnkom fdaw lil Alla dak li jinkwetahom u dak li jeħtieġu, ix-xewqat u l-ħolm l-aktar profond tagħhom.

Għeżież ħuti: irridu nirriflettu fuq dawn is-simboli li huma komuni għalina, li jagħtuna identità u sens ta’ appartenenza, li jkellmuna fuq l-oriġni tagħna u jipproġettawna lejn il-futur. Anki l-fidi tagħmel parti mill-poplu Urugwajan sa mill-bidu tiegħu, u jeħtieġ li ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin b’kuraġġ kreattiv.

Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, ifakkarna fl-importanza tal-fedeltà għad-doni li rċivejna: “Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna” (Lq 16:10). Dan il-kelmiet tqiegħdu fil-prattika minn ħafna rġiel u nisa, bħall-isqof Jacinto Vera, li kienu fidili għall-vokazzjoni li rċivew u xerrdu ż-żerriegħa tal-Vanġelu fir-ruħ tal-poplu Urugwajan. Din iż-żerriegħa tibqa’ tgħix fil-komunità, imma hemm bżonn inkomplu nikkultivaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tista’ tikber u tesprimi l-potenzjal kollu tagħha. Hu meħtieġ li nkomplu niffurmaw it-tfal u ż-żgħażagħ fil-fidi, insieħbu l-familji, inwieżnu lill-anzjani u nipprattikaw l-opri ta’ karità.

Għeżież ħuti: nagħmlilkom il-qalb biex tkomplu bl-entużjażmu fil-missjoni evanġelizzatriċi tagħkom. Kunu pontijiet, biex ħafna jistgħu jiltaqgħu ma’ Ġesù. Kunu komunità fraterna, li tiltaqa’ u taqsam il-ħajja u l-proġetti, il-ħolm u t-tamiet, fuq kollox ma’ dawk l-aktar fil-bżonn. Kunu komunità ta’ talb, li żżomm id-djalogu mal-Mulej “bħalma ħabib ikellem ħabib ieħor” (ara Ġw 15:15). Kristu jafda fikom! Kristu jafda fik!

L-Omm tagħna tas-Sema, il-Madonna tat-Tlieta u Tletin, tipproteġikom fil-mixja tal-ħajja u tmexxikom dejjem għal-laqgħa ma’ Binha Ġesù.

___________________________

Tislima spontanja tal-Papa lill-fidili miġbura fil-pjazza quddiem il-Bażilika ta’ Sidtna Marija tar-Rużarju

Il-ġurnata t-tajba!

Grazzi ħafna tal-akkoljenza tagħkom u li ġejtu hawn.

Kif forsi smajtu fl-omelija tal-quddiesa, tkellimt fuq tliet simboli, tliet espressjonijiet li jirriflettu tajjeb ħafna parti mill-ħajja, parti mill-ħajja Nisranija tagħna: li nkunu bennejja ta’ pontijiet, bħal hawn, fejn għandkom dan il-pont li jgħaqqad il-pajjiżi. Jeħtieġ nibnu pontijiet li jgħaqqdu lill-popli kollha. Jgħaqqduhom fil-fidi, jgħaqqduhom għax nemmnu f’Alla wieħed u nemmnu li l-paċi hi possibbli u rridu nibnu l-paċi.

Imbagħad il-palm jirrappreżenta li rridu nkunu lkoll magħquda, irridu nibnu komunità ta’ fidi.

U l-mate, din l-espressjoni hekk importanti tal-kultura tagħkom, fejn żewġt iħbieb, żewġ familjari huma magħquda ħafna drabi billi jiddjalogaw, jew bla kliem, imma huma magħquda biex jaqsmu l-ħajja, id-diffikultajiet kif ukoll il-ferħ.

Jalla dawn is-simboli jgħinuna wkoll inkomplu ngħixu l-ħajja tagħna minkejja t-tbatija, id-diffikultajiet, l-isfidi, aħna u nfittxu l-preżenza ta’ Alla fostna u nirċievu mingħand il-Mulej il-qawwa u l-kuraġġ li ngħixu l-fidi tagħna, li nxandru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, li tana l-ħajja. U noffrilkom il-barka tiegħi bħala ġest ċkejken tax-xewqa tiegħi li nkun dejjem qrib tagħkom.

Il-Mulej ikun magħkom.

Il-barka ta’ Alla li jista’ kollox, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, tinżel fuqkom u tibqa’ magħkom għal dejjem. Amen.

Il-Mulej iberikkom! Awguri!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?