Is-Santwarju Nazzjonali Madonna ta’ Pinu

SIMBOLU DEJJIEMI TA’ FIDI, PERSEVERANZA U DEVOZZJONI MARJANA

Michael Caruana

Ta’ Pinu Publications, Għawdex, ippubblikat Il-Kalendarju 2027 tas-Santwarju Nazzjonali Madonna ta’ Pinu. Din id-darba l-kalendarju jinkludi tnax-il ritratt, wieħed għal kull xahar tas-Santwarju, miġbuda mill-fotografu professjonali Għawdxi Daniel Cilia. Dan il-fotografu jispeċjalizza fid-disinn fotografu editorjali u xogħol fotografiku tiegħu deher f’aktar minn 160 ktieb dwar l-istorja, is-sbuħija u l-kultura tal-gżejjer Maltin. Id-disinn hu ta’ Jennifer Cauchi.

F’messaġġ fl-ewwel paġni ta’ Il-Kalendarju 2027, Dun Karm Refalo, ir-Rettur, jagħti fil-qosor l-istorja tal-knisja Ta’ Pinu u d-dedikazzjoni tagħha. Jikteb li “hekk kif id-devozzjoni lejn il-Madonna żdiedet, il-kappella l-qadima saret wisq żgħira għan-numru dejjem jikber ta’ fidili. Ħafna nies xtaqu jibnu knisja akbar u aktar dinjituża. L-Isqof Giovanni M. Camilleri appoġġja l-idea, iżda l-ewwel żgura li l-proġett ikun ippjanat bir-reqqa.

Il-proġett ppreżenta diversi diffikultajiet serji speċjalment tilwima legali dwar min kellu dritt ta’ sid tal-kappella. Sid l-art talab drittijiet ibbażati fuq tradizzjoni antika. Wara każijiet twal fil-Qrati fl-1890 u fl-1891 dawn iddeċieda favur il-Knisja. Ir-relazzjonijiet mas-sid tjiebu u l-werrieta tal-Markiz de Piro offrew b’ġenerożità art għall-bini tal-knisja l-ġdida.

Dun Karm Refalo ssokta li fl-1916 ir-Rettur ta’ dak iż-żmien, Dun Ġużepp Portelli, talab uffiċjaliment il-bidu tal-kostruzzjoni. Il-knisja ġiet iddisinjata mill-Perit Andrè Vassallo, il-kostruzzjoni bdiet fl-1920 wara li l-Isqof Camilleri poġġa l-ġebla tal-pedament fil-preżenza ta’ folla kbira. Ix-xogħol tmexxa mill-bennej Vitor Vella li, b’dedikazzjoni u l-ħila tiegħu, irnexxielu jldesti l-knisja fl-1936.

Il-knisja l-ġdida fiha 46 metru tul u 30 metru wiesgħa filwaqt li l-kampnar hu 47 metru għoli.

Il-kostruzzjoni tagħha kienet possibbli grazzi għall-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, jsostnu Dun Karm.

L-Isqof Mikiel Gonzi kkonsagra l-knisja Ta’ Pinu fl-1931 u appella lin-nies għall-appoġġ finanzjarju. Ir-rispons kien kbir ħafna tant li fi żmien qasir ix-xogħlijiet li kien fadal tlestew. Ikompli jikteb li l-presenza tal-folla għall-konsagrazzjoni wriet fidi u devozzjoni profonda  lejn il-Madonna Ta’ Pinu.

Fl-1932 il-knisja saret bażilka minuri. Xi ħaġa li kompliet żiedet l-importanza spiritwali tas-Santwarju tant li llum Ta’ Pinu jibqa’ wieħed mill-aktar siti reliġjużi importanti f’Malta u simbolu dejjiemi ta’ fidi, perseveranza u devozzjoni Marjana.

Ir-Rettur tas-Santwaju jagħlaq il-messaġġ tiegħu billi jirreferi għar-ritratti magħżula ta’ Daniel Cilia u jikteb li dawn huma evidenza tal-kapaċità arkitettonika ta’ monument sagru li llum jitrasmetti oasi ta’ paċi u rikonċiljazzjoni. Isostni li Daniel Cilia hu mgħruf internazzjonalment għall-abbilità tiegħu li jaqbad is-sbuħija u s-sinifikat f’kull ritratt.

Il-kalendarju barra mill-informazzjoni li jagħti ta’ ċelebrazzjonijiet fi ġranert partikolari, jagħti wkoll il-ħinijiet tal-ftuħ tas-Sanwarju, tal-Quddies u tal-qrar. Dan il-kalendarju qed jinbiegħ mill-ħanut tas-Santwarju Nazzjonali Madonna ta’ Pinu stess.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?