Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II fl-inawgurazzjoni tal-Ġublew tal-Appostli tal-Islavi il-Qaddisin Ċirillu u Metodju

INAWGURAZZJONI TAL-«ĠUBLEW» TAL-APPOSTLI TAL-ISLAVI
IL-QADDISIN ĊIRILLU U METODJU

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’ San Klement
IL-Ġimgħa, 15 ta’ Frar 1985

Għeżież ħuti!

1. Illum, festa liturġika tal-qaddisin Ċirillu u Metodju, ninsabu miġbura hawn f’din il-bażilika qadima ddedikata lil San Klement, papa u martri, biex nitolbu u nimmeditaw qrib il-qabar li fih huma mgħassa ir-relikwi meqjuma ta’ San Ċirillu, li, flimkien ma’ ħuħ San Metodju u maġemb San Benedittu, jiena ħtart patrun tal-Ewropa kollha. Il-Knisja kollha,, fil-glorifikazzjoni taż-żewġ aħwa qaddisin, tesprimilhom l-ammirazzjoni grata propja għall-opra evanġelizzatriċi grandjuża minnhom imwettqa għat-tixrid tas-saltna ta’ Alla fost l-ġnus Slavi.

Kif fakkart fl-1° ta’ Jannar li għadda, għaddew ħdax-il seklu mill-waqt li fih il-missjoni kbira taż-żewġ aħwa ntemmet bil-mewt ta’ Metodju, fis-sena 885; ħuh Kostantinu-Ċirillu kien diġa miet sittax-il sena qabel hawn f’Ruma. Lil dawn iż-żewġ appostli kbar ir-Ragħaj etern afdalhom l-opra tal-Vanġelu fost is-Slavi. Huma saru l-ewwel evanġelizzaturi tal-popli li jabitaw il-parti orjentali u meridjonali tal-Ewropa. Saru l-missirijiet tal-fidi tagħhom u tal-kultura tagħhom.

Iċ-ċelebrazzjoni tallum għalhekk tinserixxi ruħha bħala waħda mill-manifestazzjonijiet li, f’tifkira u ad unur taż-żewġ aħwa, tul il-korsa ta’ din is-sena lilhom partikolarment iddedikata, li se jseħħu fil-Knisja kollha, u b’mod speċjali fl-Ewropa u b’mod speċjali fost in-nazzjonijiet li kienu oġġett tax-xogħolijiet apostoliċi tagħhom.

Il-wasla tagħhom f’Ruma kienet ġrajja kbira, li kienet qanqlet mhux biss lill-Papa Adrianu, imma wkoll liċ-ċittadini, li bix-xemgħat mixgħula lkienu marru jiltaqgħu ma’ Ċirillu u Metodju. Li mill-Orjent kienu ġabu r-relikwi prezzjużi ta’ San Klement. Kienu milqugħa l-kotba sagri bil-lingwa Slava u fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore tkantat b’dik l-istess lingwa il-quddiesa.

Imdgħajjef mix-xogħol, Kostatinu-Ċirillu ħalla din l-art ta’ tnejn u erbgħin sena , fl-14 ta’ Frar tas-sena 869, waqt li għolla lil Alla talba żelanti u mqanqla u waqt li ħalla lil ħuh Metodju twissija mpenjattiva: “Hekk hu, ħija, qsamna l-istess xorti, waqt li mexxejna (l-moħriet) fl-istess radda; jien issa se naqà fl-għalqa fl-għeluq tal-jum tiegħi. Int tħobb ħafna, il-muntanja tiegħek (jiġifieri l-muntanja tal-Olimpu fejn iż-żewġ aħwa kienu sperimentaw l-ħajja monastika tagħhom fis-solitudni); madankollu, għall-muntanja la tabbandunax l-azzjoni tat-tagħlim tiegħek. Fejn fis-sewwa tistà ssalva aħjar lilek innifsek?” (Vita di Metodio, VII, 2-33).

Is-sittax-il sena, li Metodju għex iktar minn ħuh, kienu mimlija attività apostolika, imma wkoll bit-tbatija. Huwa miet fis-6 ta’ April tas-sena 885. “Id-dixxipli tiegħu ħejjewh (għad-difna) u għamlulu unuri xierqa: iċċelebrawlu servizz ekkleżjastiku bil-Latin, il-Grieg u s-Slav u difnuh fil-katidral. U ngħaqad ma’ missirijieru, kemm patrijarki kif ukoll profeti, appostli, dutturi, martri” (Ivi, XVII, 11-12).

2. Il-XI-il- ċentinarju tat-transitu ta’ San Metodju jarana magħqudin f’Ruma llum maġemb il-qabar ta’ ħuh Kostantinu-Ċirillu u jixprunana biex nimmeditaw dwar l-attwalità ekkleżjali tal-opra grandjuża u ġenjali ta’ evanġelizzazzjoni minnhom imwettqa.

Lejn in-nofs tas-seklu IX u fil-perijodu immedjatament suċċessiv resaq il-waqt tal-maturazzjoni politika u kulturali tal-popli Slavi, id-daħla tagħhom bħala protagonisti fil-konvivenza internazzjonali, fis-sistema  li daħlet wara l-imperu Ruman. Kien, sfortunatament, ukoll il-waqt li fih iċ-ċiviltà antika inqasmet u tfarrket, u t-tensjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent imbidlu f’diviżjonijiet u, fis, f’separazzjonijiet. Is-Slavi daħlu fix-xena tad-dinja, billi ntasbu bejn iż-żewġ partijiet u, fiż-żmien suċċessiv, sperimentaw fuqhom infushom l-effetti traġiċi tax-xiżma;  kienu huma wkoll mifrudin, kif mifruda kienet ukoll dak iż-żmien id-dinja Ewropeja.

Ferm iktar, għalhekk, għandna nammiraw il-kjaroveġġenza spiritwali taż-żewġ aħwa, li ddeċidew b’mod qalbieni li jibnu pont ideali hemm fejn id-dinja għalihom kontemporanja ħaffret gandotti ta’ firda u ta’  tiċrit. “Ċirillu u Metodju – ktibt fl-ittra apostolika tal-31 ta’ Diċembru 1980, li biha xandarthom patruni ċelesti tal-Ewropa kollha – żvolġew  is-servizz missjunarju tagħhom f’għaqda kemm mal-Knisja ta’ Kostantinopli, li minnha kienu mibgħuta, kif ukoll mas-Sedja Rumana ta’ Pietru, li minnha kienu kkonfermati, billi wrew b’dan il-mod l-għaqda tal-Knisja, tul il-perijodu ta’ ħajjithom u tal-attività tagħhom, ma kinitx milquta mill-iżventura tal-firda bejn il-Lvant u l-Punent, minkejja t-tensjonijiet gravi li, f’’dak iż-żmien, immarkaw ir-relazzjonijiet bejn Ruma u Kostantinopli”” (Ġwanni Pawlu II, Egregiae virtutis, 1).

3. Din ix-xewqa qawwija tal-għaqda spiritwali bejn dawk kollha li jemmnu fi Kristu ispirat liż-żewġ aħwa qaddisin fil-missjoni tagħhom fl-iskop li jagħmlu miż-żewġ popli minnhom evanġelizzati, fl-Ewropa naxxenti, rabta ta’ għaqda bejn il-Lvant u l-Punent. Għal dan il-għan, Ċirillu u Metodju ddeċidew li jittraduċu l-kotba mqaddsa fil-lingwa Slava, “hekk tefgħu l-pedament tal-letteratura kollha fil-lingwi tal-istess popli” (Ġwanni Pawlu II, Egregiae virtutis, 1) u fl-istess waqt, intebħu li fil-Moravja l-Kbira kienet diġa tkun iċċelebrata l-quddiesa skont ir-rit Ruman introdott mill-missjunarji  Latini li ma tantx kien kellhom success fost il-popolazzjoni, huma ttraduċew fil-lingwa Slava mhux biss il-liturġija ta’ San Ġwann Krisostmu, (biżantina), imma wkoll dik ta’ San Pietru (Rumana).

Tfaħħar lil Alla fil-lingwa tiegħek, konxju tal-identità nazzjonali u kulturali tiegħek u, fl-istess ħin,  tipprovdi l-iktar għaqda profonda fost l-insara kollha, kemm tal-Lvant kif ukoll tal-Punent, mhux jewwilla dan il-programm missjunarju kkonfermat u rakkomandat ukoll riċentement mill-Konċilju Vatikan II?

Il-fatt li tali program diġa ħdax-il seklu ilu kien approvat u inkuraġġit mis-Sedja Rumana kien bla ebda dubju wieħed mis-“sinjali” kbar “taż-żminijiet”, li ppronunzjaw wiċċ ġdid għall-Ewropa naxxenti.

4. Minkejja it-tibdil fil-ħajja tal-bniedem u d-diffikultajiet kbar, li seħħew fl-istorja, nistgħu nagħrfu li l-liturġija Slava u l-kultura mibnija fuq il-pedament taż-żewġ qaddisin aħwa għadhom illum ukoll xhieda innegabli tal-ħajja kontinwata tal-wirt ċirillo-metodjano. Ukoll ix-xewqa tal-għaqda sħiħa tal-insara spiss inħass fost il-popli Slavi, speċjalment fiż-żminijiet tad-diżastri. Irridu niftakru l-Kungressi unjonistiċi bejn kattoliċi u ortodossi, li seħħew mill-bidu ta’ dan is-seklu propju ġo Vrlrhrad, qrib il-qabar ta’ San Metodju, taħt il-ptotezzjoni tal-Verġni Santissma, meqjuma u msejħa bit-titlu ta’ Omm l-Għaqda (Madre dell’Unità).

Biex insegwi l-eżempju tal-predeċessuri tiegħi Ġwanni  XXIII, li wara l-elevazzjoni tiegħu għall-pontifikat suprem ġie f’din il-bażilika biex iqim liż-żewġ qaddisin aħwa, u Pawlu VI, li ried iqiegħed fl-altar tal-kappella ta’ San Ċirillu ir-relikwi misjuba tal-qaddis, jien ukoll illum ninsab f’dan il-post, sagru u għażiż għal dawk kollha li jemmnu fi Kristu, imma b’mod speċjali għall-popli Slavi u nġedded it-tama li  “bl-opra tal-ħniena tat-Trinità Qaddisa, bl-interċessjoni ta’ Omm Alla u tal-qaddisin kollha, jgħib dak li li jifred il-Knejjes, kif ukoll il-popli u n-nazzjonijiet; u d-diversitajiet ta’ tradizzjoni u kultura, juru minflok l-integrazzjoni reċiproka ta’ rikkezza komuni. L-għarfien ta’ din ir-rikkezza spiritwali, li saret f’toroq differenti patrimonju tas-soċjetajiet individwali tal-kontinent Ewropew, jgħin lill-ġenerazzjonijiet kontemporanji biex jipperseveraw fin-nifs reċiproku tad-drittijiet ġusti ta’ kull nazzjon u fil-paċi, bla ma jaqta li jirrendi s-servizzi meħtieġa għall-ġid komuni tal-umanità kollha u għall-ġejjieni tal-bniedem fuq l-art kollha” (Ġwanni Pawlu II, Egregiae virtutis, 4).

5. Fil-liturġija tal-kelma tallum smajna ftit siltiet, li nistgħu napplikaw għall-apostolat imwettaq mill-qaddisin Ċirillu u Metodju: permezz tagħhom il-kelma ta’ Alla nfirxet mar-reġjuni tad-dinja (cf. At 13, 49); huma bħala suldati tajbin ta’ Ġesù Kristu, kellhom il-parti tagħhom ta’ tbatija: bħall-bdiewa, għejjew biex jaqtgħu l-frott tax-xogħol tagħhom; minħabba l-Vanġelu, kienu wkoll mhux mifhuma u mmaltrattati, imma issaportew kull ħaġa (cf. 2 Tm 2, 3-10); b’mod eżemplari, kienu fil-Knisja ta’ Alla rgħajja tajbin, kapaċi u disposti li joffru ħajjithom għan-nagħaġ afdati lilhom (cf. Ġw 10, 11-16).

Għal dawn l-eżempji ta’ dedikazzjoni hemm bżonn li nispiraw ruħna lkoll; tali mudelli nipproponi jien illum, b’mod partikolari, lill-istudenti tal-kulleġġi ekkleżjastiċi ta’ Ruma, hawn preżenti flimkien mas-superjuri u l-għalliema tagħhom.

Intom tinsabu hawn, għeżież ħuti, mhux biss biex tqimu u tikkommemoraw lill-qaddisin Ċirillu u Metodju, imma b’mod speċjali biex tieħdu mingħandhom xi tfisser u x’tirlob issegwi l-vokazzjoni saċerdotali u missjunarja tagħkom. Il-vokazzjoni tiġi mingħand Alla, li leħnu jinstema f’kull ħin. Il-bnedmin jridu jkun disponibli biex jilqgħu din is-sejħa u għandhom iħejju lilhom infushom b’impenn kbir għax-xogħlijiet li din tesiġi.

Ċirillu u Metodju ħejjew ruħhom għall-missjoni tagħhom bi studju serju u profond tal-kelma ta’ Alla u tad-duttrina sagra, u wkoll tal-kultura filosofika u letterarja tal-epoka; imma fuq kollox ippreparaw ruħhom bit-talb u bil-penitenza  .

Ħarsu lejn dawn l-eżempji, għeżież studenti, wettqu lilkom infuskom ma’ tali mudelli glorjużi għall-ministeru saċerdotali u missjunarju futur tagħkom!

Nixtieq nikkonkludi din l-omelija tiegħi bil-kliem tat-talba splendida li San Ċirillu, qrib is-siegħa tal-mistrieħ definittiv u tas-safar lejn l-għamajjar eterni, għolla lejn Alla: “Mulej Alla tiegħi  . . . li tismà dejjem lil dawk li jagħmlu r-rieda tiegħek u li jibżgħu minnek u li jgħassu l-preċetti tiegħek, isma t-talb tiegħi, u għasses għalik fidila il-merħla li lilha kont ipproponejt lili . . . Eħlishom mill-perfidja rriverenti u pagana . . . u kabbar mal-moltitudni l-Knisja tiegħek, u ilqa lil kulħadd fl-għaqda, u agħmel il-poplu qaddis jaqbel fil-fidi vera tiegħek u fl-istqarrija retta, u ispira fi qlubhom l-kelma tat-tagħlim tiegħek . . . Dawk li inti tajtni, nirrendihom lilek bħala tiegħek; iggwidahom bil-leminija possenti tiegħek u għattihom bil-protezzjoni ta’ ġwenħajk, sabiex ilkoll ifaħħru u jigglorifikaw lil ismek ta’ Missier, Iben u Spirtu Santu” (Vita di Cirillo, XVIII, 8-11).

Insibu fil-qosor, f’din it-talba trinitarja, l-idejali l-kbar, li animaw l-opra instankabli taż-żewġ qaddisin aħwa: ix-xandir tal-kelma; it-tixrid u l-konservazzjoni tal-fidi; l-għaqda ta’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu; il-fiduċja fl-opra tal-grazzja divina; l-impenn Pastorali, sad-don tagħhom infushom. Il-Knisja tal-lum, fiċ-ċelebeazzjoni tal-qaddisin Ċirillu u Metodju, titlob u timmedita f’qalbha l- messaġġ dejjem attwali tagħhom.

Amen!

© Copyright 1985 – Libreria Editrice Vaticana

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?