32 Ħadd Matul is-Sena – A

Min jaf kemm-il darba għedniha li ‘il-flus ma jagħmlukx kuntent’. Nafu li s-sinċerità, ir-rispett, il-fidi, l-imħabba… ma tixtrihomx bil-flus, anżi kultant il-flus u l-ġid tad-dinja, għal min ma joqgħodx attent kif jużahom, jistgħu aktar ibegħduh minn dawn, iżda kemm huwa l-ammont ta’ ħin minn ħajjitna li niddedikaw għal dak li huwa akkwist tal-flus u kemm huwa l-ammont ta’ ħin li niddedikaw għal dak, li suppost nemmnu, li huwa l-aktar importanti. Biex wieħed ikun prattiku ejjew nistaqsu lilna nfusna kemm nagħtu importanza lill-quddiesa tal-Ħadd u għal min vera japprezzaha anke fost il-ġimgħa meta jista’ u kemm nagħtu spazju għat-talb f’ħajjitna?

Aħna lkoll nafu u naqblu li d-dinja b’dak kollu li toffri tista’ timla bwietna iżda qalbna ma timlihiex, lanqas tagħti sens lil ħajjitna, anzi jekk inkunu sibna s-sens tal-ħajja d-dinja faċli ttellifhulna. Iżda ħafna drabi nħallu ruħna ninġarru minn dak li l-aktar jolqot l-għajn, minn dak li kulħadd jagħmel, u ninsew li l-akbar rigal li tana Alla mhux dak li għandna, iżda dak li aħna, mhux dak li jimla’ l-bwietna iżda dak li jimla’ qalbna. Kemm hu iblaħ il-bniedem li jfittex li jakkwista ħafna u mbagħad jispiċċa vojt minn ġewwa, jispiċċa jgħix ħajja bla sens. Tgħid għalhekk bosta fi żmienna qed jispiċċaw jarmu dan l-akbar rigal li jagħtina Alla li hu l-ħajja?

Il-qari tal-lum huwa ċar ħafna. L-Ewwel qari, mill-ktieb tal-Għerf, qiegħed jgħidilna li Alla mhux biss huwa għaref, iżda huwa l-Għerf innifsu. Hawn b’għerf ma aħniex nifhmu l-intelliġenza, iżda l-għerf ta’ dak il-bniedem li jsemmi s-salmi 90 vers 12,  ‘Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal.’ Il-veru għaref ma huwiex dak li huwa kapaċi jgeddes kemm jiflaħ teżor li jaf li llum jew għada jrid jinfired minnu, iżda l-veru għaref, skont il-Kelma t’Alla, huwa dak li jaf li għad irid iħalli dak kollu li hu ta din id-dinja warajh, u allura jaħseb għal teżor li la jitmermer bil-kamla u lanqas bis-sadid. Huma dawn li jakkwistaw l-Għerf veru. ‘L-għerf idur u jfittex lil dawk li jixirqulu, kollu ħlewwa jidhrilhom fit-triq, u jiltaqa’ magħhom f’kull ħsieb tagħhom.’

Is-Salm tal-lum kemm jesprimi sentimenti sbiħ ta’ dak li għandu verament lil Alla bħala t-teżor tiegħu: ‘Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex. Ruħi bil-għatx għalik, għalik imxennaq jiena, bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek… Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,…’. Kemm hu importanti li nistaqsu lilna nfusna: jien min hu Alla tiegħi? Taf kif insibuha t-tweġiba? Jagħtihielna s-salm ukoll: ‘Meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.’ Jien bil-lejl fuq xiex newden? Kemm jiġi Alla u l-ħwejjeġ tiegħu f’moħħi bil-lejl? Huwa fatt ikkonfermat mill-psikoloġi li dak li hu l-aktar importanti f’ħajjitna jiġi f’moħħna bil-lejl, qabel ma norqdu jew x’ħin nistembħu mal-lejl jew malli nqumu.

L-għaxar xebbiet fil-vanġelu jirrappreżentaw lilna, il-fjamma tixgħel tal-musbieħ hija d-don tal-Fidi li jagħtihielna Alla mingħajr mertu tagħna, iżda huwa dover tagħna li nibqgħu nżidu ż-żejt fil-musbieħ: dan ifisser dak kollu li nagħmlu biex nieħdu ħsieb tal-fidi tagħna. Dan nistgħu niġbruh f’4 affarijiet: il-Quddiesa, il-Qrar, it-Talb u l-Karità mal-Proxxmu. Dan huwa ż-żejt li rridu nibqgħu nżidu fil-musbieħ tagħna: mal-Quddiesa qiegħed nifhem ukoll s-Smigħ tal-Kelma li huwa tant importanti. Kemm minn ħutna li ma ħadux ħsieb tal-Fidi tagħhom ħallew il-musbieħ jintefa! Nistaqsu lilna nfusna: jien kemm qed nieħu bis-serjetà l-Fidi tiegħi? Alla kemm huwa tabilħaqq l-ewwel post f’ħajti? Il-quddiesa kemm nagħmel impenn serju biex ma nitlifhiex? Jien lil min nixbaħ lix-xebbiet għaqlin jew lix-xebbiet boloħ?

Mulej Ġesù, inti huwa l-Għerf ta’ Alla li deher fostna, inti biss huwa dak li tista’ tagħti veru sens lil ħajjitna: għinna llum biex ma ningannawx ruħna bis-sbuħija tad-dinja li tgħaddi, iżda biex norbtu qalbna ma dak biss li jibqa għal dejjem. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?