Ambaxxaturi tas-sigurtà fit-toroq. Omelija tal-Isqof Joseph Galea Curmi

Omelija 15 ta’ Novembru 2026, Sptar Mater Dei, Quddiesa għall-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku. Doctors For Road Safety – Respect Campaign – International Day of Remembrance

Illum qegħdin miġbura bħala komunità ta’ fidi, magħqudin fit-talb u fit-tifkira. Ġejna flimkien biex f’dan il-jum infakkru b’mod partikulari lil dawk kollha li kienu vittmi f’inċidenti tat-traffiku, u nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom.

F’din il-quddiesa, inġibu quddiem il-Mulej lil dawn il-familji. Nitolbuh biex, hu li hu l-għajn ta’ kull faraġ, jagħtihom il-qawwa, il-konsolazzjoni u t-tama. Nitolbu wkoll għal dawk kollha li sfaw midruba jew milquta minn inċidenti tat-traffiku, kif ukoll għal dawk li, b’xi mod jew ieħor, iġorru l-piż ta’ xi inċident li fih kienu involuti.

L-Evanġelju tal-lum jagħtina messaġġ qawwi ħafna hekk kif nirriflettu fuq il-valur tal-ħajja umana u r-responsabbiltà tagħna lejn xulxin.

Il-ħajja hija talent speċjali li Alla jafdalna

Fl-Evanġelju, Ġesù jirrakkonta l-parabbola tat-talenti (ara Mt 25:14-30). Raġel, qabel ma jitlaq għal vjaġġ, jafda ġidu f’idejn il-qaddejja tiegħu. Lil wieħed jagħtih ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor talent wieħed, skont il-ħila ta’ kull wieħed. Dawn it-talenti jirrappreżentaw id-doni li Alla jafdalna. Mhumiex biss il-kapaċitajiet tagħna, l-intelliġenza, jew il-ħiliet professjonali tagħna. Huma jirrappreżentaw ukoll l-akbar don – id-don tal-ħajja nnifisha.

Il-ħajja mhijiex xi ħaġa li ħloqna aħna. Hija don li rċevejna mingħand Alla. Ma nistgħux inqisuha bħala proprjetà tagħna li nistgħu nagħmlu biha li rridu. Alla jafdalna l-ħajja u jistenna minna li ngħożżuha, nieħdu ħsiebha u nużawha b’responsabbiltà.

Dan il-mod ta’ kif nifhmu l-ħajja għandu jinfluwenza l-imġiba tagħna ta’ kuljum, inkluż il-mod kif inġibu ruħna fit-toroq. Meta noqogħdu wara l-isteering ta’ karozza, ma nkunux sempliċement qed insuqu vettura. Inkunu qed nieħdu responsabbiltà għal ħajja: ħajjitna stess, il-ħajja ta’ dawk li jkunu magħna fil-vettura, u l-ħajja ta’ kull min ikun qed juża t-triq.

Il-persuna li tkun miexja fuq il-bankina, iċ-ċiklist li jkun maġenbna, is-sewwieq li jkun ġej fid-direzzjoni opposta, il-familja li tkun qed tivvjaġġa f’karozza oħra – kull wieħed u waħda minnhom huma prezzjużi f’għajnejn Alla. Ma nistgħux ngħidu li ngħożżu d-don tal-ħajja jekk imbagħad inġibu ruħna b’mod irresponsabbli u npoġġu l-ħajja ta’ ħaddieħor fil-periklu.

Ma għandniex nidfnu d-don tal-ħajja

Fil-parabbola, il-qaddej li rċieva talent wieħed difnu fl-art. Minflok għamel użu tajjeb minn dak li kien fdat f’idejh, ħalla l-biża’ u n-nuqqas ta’ responsabbiltà jżommuh milli jaqdi dmiru. Forsi nistgħu naraw xebh bejn din l-imġiba u l-mod kif kultant inħarsu lejn is-sigurtà fit-toroq.

Aħna nafu x’inhu mistenni minna. Nafu li għandna nirrispettaw il-limiti tal-veloċità, ma nużawx il-mowbajl waqt is-sewqan, nobdu s-sinjali tat-traffiku, nagħtu prijorità lill-persuni li jkunu qed jaqsmu t-triq. Nafu dawn l-affarijiet, u oħrajn, iżda kultant hemm min iġib ruħu bħallikieku ma japplikawx għalih jew għaliha. Kemm-il ħajja ntilfet għax xi ħadd ħaseb li kellu kollox taħt kontroll, li seta’ jieħu riskju, li inċident seta’ jiġri lil ħaddieħor imma mhux lilu?

It-triq mhijiex post fejn nistgħu nilagħbu bil-ħajja tal-bniedem. Mument wieħed ta’ azzjoni waħda irresponsabbli jistgħu jbiddlu għal dejjem il-ħajja ta’ familja sħiħa.

L-inċidenti tat-traffiku mhumiex sempliċement statistika. Wara kull numru hemm bniedem, familja mnikkta, tfal li jkollhom jikbru mingħajr ġenitur, ġenituri li jibku t-telfa ta’ wliedhom, u komunitajiet li jħossu n-nuqqas ta’ dawk li tilfu. Il-fidi tagħna tisfidana biex ma niqfux biss billi nħossu n-niket meta jseħħ inċident. Issejħilna biex nieħdu r-responsabbiltà tagħna ħalli traġedji li jistgħu jiġu evitati ma jerġgħux iseħħu.

Deċiżjonijiet sempliċi ta’ kuljum

L-għożża tal-ħajja narawha fid-deċiżjonijiet sempliċi li nieħdu kuljum, meta nirrispettaw ir-regoli tat-triq u l-persuni li qegħdin fit-triq. Nuru l-għożża tal-ħajja meta nagħżlu l-paċenzja flok l-aggressività, il-kortesija flok ir-rabja, u r-responsabbiltà flok l-imprudenza. Dawn jistgħu jidhru ġesti żgħar, iżda jistgħu jagħmlu d-differenza bejn il-ħajja u l-mewt.

F’dan is-sens, is-sigurtà fit-toroq mhijiex biss kwistjoni ta’ liġijiet, infurzar jew multi. Hija wkoll responsabbiltà morali u spiritwali. Kull darba li nsuqu b’attenzjoni u responsabbiltà, inkunu qed nagħmlu l-għażla favur il-ħajja. Sewqan sigur huwa espressjoni konkreta ta’ din l-għażla.

Inħarsu ’l quddiem

Illum, niftakru b’dispjaċir kbir f’dawk li mietu. Iżda l-fidi tagħna tfakkarna li l-mewt ma għandhiex l-aħħar kelma. Kristu, permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu, fetaħ għalina t-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk, nafdaw lil ħutna mejtin fil-ħniena bla qies ta’ Alla. Nitolbu biex igawdu l-paċi tas-Saltna eterna tiegħu.

Fl-istess waqt, it-tifkira tagħhom għandha tkun sfida għalina. Ma nistgħux nibdlu dak li ġara. Iżda nistgħu niddeċiedu x’se nagħmlu meta nħarsu ’l quddiem. Irridu nkomplu naħdmu bis-sħiħ f’din il-kampanja għal sewqan aktar responsabbli. Nedukaw dwar is-sigurtà fit-toroq. Niġbdu l-attenzjoni meta naraw imġiba perikoluża. Ninsistu għal infrastruttura aktar sigura u għall-infurzar responsabbli tar-regolamenti tat-traffiku. Quddiesa ta’ tifkira għandha tkun ukoll okkażjoni biex nimpenjaw ruħna ħalli nipproteġu lil dawk li għadhom ħajjin.

Kif użajna t-talenti li fdalna

Fl-aħħar tal-parabbola, is-sid jerġa’ lura u jitlob lill-qaddejja tiegħu jagħtuh kont ta’ dak li għamlu bit-talenti li kien fdalhom. Din tfakkarna li xi darba kull wieħed u waħda minna se nkunu quddiem Alla. Hu mhux se jistaqsina kemm qlajna flus, x’karozza kellna jew kemm kellna ġid. Se jistaqsina kif użajna d-doni li tana. Kemm ħadna ħsieb il-ħajja? Kif ittrattajna lill-oħrajn? Ħarisna lil dawk li kienu vulnerabbli? Ġibna ruħna b’responsabbiltà?

Il-Mulej ma jistenniex minna li nkunu perfetti, iżda jistenna li nkunu fidili u responsabbli fl-amministrazzjoni ta’ dak li fdalna f’idejna. U waħda mill-aktar affarijiet prezzjużi li fdalna hija l-ħajja tal-bniedem.

Ejjew ngħożżu l-ħajja

Nitolbu llum għal dawk li tilfu ħajjithom fit-toroq tagħna u l-familji tagħhom li għadhom jgħixu bin-nuqqas tagħhom. Niftakru wkoll fil-ħaddiema tas-servizzi ta’ emerġenza, fit-tobba, fl-infermiera, fil-pulizija u f’dawk kollha li jagħtu l-għajnuna lill-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku. Niftakru wkoll f’dawk li salvaw minn inċidenti iżda għadhom iġorru magħhom il-feriti fiżiċi u emozzjonali.

Jalla l-Mulej iħares lil dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna, u jnebbaħ lil kull wieħed u waħda minna biex insiru ambaxxaturi tas-sigurtà fit-toroq. Ejjew nużaw bil-għaqal it-talenti li ġew fdati f’idejna. Ejjew ngħożżu l-ħajja u nipproteġu l-ħajja.

✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?