Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Hieni kull min jibża’ mill-Mulej.
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.
Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.
Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.
Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”. Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien””. Mt 25, 14-30.
2. Riflessjoni/talba:
i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.
Alla ma jippreżentax ruħu
bħala xi ħadd wieqaf, staġnat,
li faċli jsir suspettuż.
Pjuttost bħala xi ħadd mimli fiduċja:
fiduċja ta’ min jitlaq fi vjaġġ biex jiskopri
fiduċja ta’ min jafda ġidu mingħajr ma jitolbu lura.
Irrifletti:
- Kif tħares lejn Alla?
ii. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.
Alla mhux indifferenti għal ħajti.
Jekk fil-ħolqien jieqaf biex jiggosta kull ħlejqa li ħalaq
issa jieqaf biex jiggosta l-frott tal-fiduċja li żera’:
x’ippruvajt, xi ssugrajt,
fejn żbaljajt, fejn tgħallimt,
kif intfajt, kif ħabbejt.
Ejja ngħidu kelma. Iggosta. Idħol fl-hena ta’ dak li ħalqek.
Irrifletti
- X’qed tiggosta f’ħajtek? Xi frott tinnota?
X’ħasra meta
lill-bidwi li jiżra’ npenġih bħala ħalliel li jisraq;
lil dak li fija jiżra fija fiduċja ngħid li qed jiżra’ fija l-biża’;
x’ħasra meta
flok nintefa, nissogra, ngħix, inħobb
nirtira u nidfen kull xewqa għall-ħajja, għall-ġid, għall-kreattività.
Irrifletti
- Fejn nesperjenza d-dlam, il-biża’, il-mistħija? Ieqaf mill-ġdid quddiem Alla li ħalqek.
3. Missierna