VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ
6-17 ta’ Novembru 2026
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Spjanat fil-“Pampas de Pimentel” (Chiclayo)
Il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru 2026
Omelija tal-Papa
Għeżież ħuti,
B’liema ferħ qed nerġa’ lura f’Chiclayo! X’barka għalija li nerġa’ nkun magħkom! Grazzi tal-imħabba tagħkom, tas-sostenn tagħkom u tat-talb tagħkom, b’mod partikulari għas-saħħa tiegħi f’dan il-mument ta’ prova li, bl-għajnuna ta’ Alla, qiegħed nissupera. Xħin nilmaħ l-uċuħ tagħkom, tiġini spontanja li nrodd ħajr lill-Mulej, għax intom kontu u intom barka għall-ħajja tiegħi u għall-ministeru episkopali tiegħi. Niftakar dejjem fikom fit-talb tiegħi; nitlobkom ukoll biex tkomplu titolbu għalija, biex Sidna Ġesù Kristu jagħtini l-grazzja li nkompli nwettaq lil ħuti fil-fidi.
Il-liturġija tal-lum tistedinna nixħtu ħarsitna fuq id-dmir urġenti u li minnu ebda mgħammed ma jista’ jaħrab: ix-xandir tal-Vanġelu. Fl-istess waqt, toffrilna l-opportunità li nikbru fl-għarfien li l-Insara kollha, ministri ordnati u fidili lajċi, aħna dixxipli missjunarji, hu x’inhu r-rwol tagħna fil-Knisja u l-għarfien tal-fidi li għandna. Fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, il-Papa San Pawlu VI fakkarna li ebda mgħammed ma jista’ jkun indifferenti għad-dmir tal-evanġelizzazzjoni, għax din hija l-missjoni essenzjali tal-Knisja, il-vokazzjoni l-aktar profonda tagħha u r-raġuni tal-eżistenza tagħha.
Alla, fl-għerf tiegħu, ried li l-Knisja tkun “sagrament universali ta’ salvazzjoni” (Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 48; ara ibid., 1). Imwieżna mill-Ispirtu s-Santu, hija tkompli tmexxi ’l quddiem il-missjoni tagħha li tħabbar lil Ġesù Kristu biex, f’ubbidjenza għall-mandat missjunarju li rċiviet mingħandu (ara Mt 28:19-20), l-opra tagħha tal-fidwa tilħaq it-trufijiet kollha tal-art u tibdel ir-realtajiet umani skont il-valuri tal-Vanġelu.
Li nxandru lil Ġesù Kristu hu dmir kruċjali; quddiemu, spiss inħossuna inadegwati. Bħala dixxipli missjunarji tas-seklu 21, kif nistgħu nħabbruh illum? Bħala familja, komunità parrokkjali jew komunità djoċesana, kif nistgħu mmexxu ’l quddiem il-missjoni li nevanġelizzaw? It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet hi: permezz tax-xhieda ta’ ħajja awtentikament Nisranija u koerenti. Qabelxejn, billi nqiegħdu lil Ġesù Kristu fiċ-ċentru tax-xandir u tal-ħajja. Imbagħad hemm il-koerenza, li ma nistgħux inħarsu lejha biss bħala frott tar-rieda tagħna, imma wkoll bħala grazzja li nitolbu mingħand il-Mulej, u li aħna msejħin niffavorixxu bl-impenn tagħna u bl-għotja tagħna nfusna. Fil-fatt, hu biss jista’ jibdel il-ħajjiet tagħna, biex nistgħu nerġgħu nsibu enerġija ġdida fix-xandir u fit-trażmissjoni tal-fidi; b’dan il-mod, nistgħu ngħinu lil ħutna li magħhom niltaqgħu fit-triq biex jgħixu relazzjoni personali ma’ Kristu u jiskopru l-ferħ tal-Vanġelu.
Il-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu – don li niġux imċaħħdin minnu – għandha l-qalba tagħha fl-Aħħar Ċena, fejn hu, waqt li joffri ġismu bħala ħobż tal-ħajja u demmu bħala xorb tas-salvazzjoni (ara Mt 26:26-28), jitlob lill-Missier li d-dixxipli kollha tiegħu jkunu ħaġa waħda, biex id-dinja temmen (ara Ġw 17:21). Il-Mulej qed jistenniena, qabelxejn, fl-Ewkaristija u fil-Kelma, iż-żewġt imwejjed li minnhom ngħixu u nitrejqu. Imma jiġi jiltaqa’ magħna wkoll fil-komunjoni ekkleżjali u fl-akkoljenza fraterna tal-proxxmu tagħna li fih isir preżenti u fil-bżonn. Għalhekk, li nevanġelizzaw mhix l-impożizzjoni ta’ duttrini, lanqas li nafdaw fi strutturi effiċjenti, imma li nagħtu xhieda tal-laqgħa vera ma’ Ġesù Kristu.
Fil-fatt, li nevanġelizzaw jikkonċentra fuq ix-xhieda tal-ħajja u fuq il-qrubija komunitarja. Mingħajr xhieda ma jkunx possibbli x-xandir espliċitu ta’ Ġesù Kristu. Kif fakkarna l-Papa Franġisku, l-evanġelizzazzjoni tissejjes fuq il-fidi u fuq il-“ġmiel tal-imħabba feddejja ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 36), u mhux fuq id-diskorsi persważivi tas-sempliċi għerf uman, lanqas fuq il-proselitiżmu (ara 1 Kor 2:1-5). Din hi fuq kollox ħidma magħġuna mill-ferħ, għax l-hena tal-Vanġelu jiġġedded u jitkattar meta naqsmuh.
It-trażmissjoni hienja u ħajja tal-messaġġ tas-salvazzjoni ġġib magħha, min-naħa tagħna, atteġġjament ta’ umiltà u għożża, rispett profond għall-kuxjenza u l-libertà ta’ kull persuna. F’din il-ħidma jista’ jiswielna ta’ għajnuna li nirkupraw it-“talb flimkien”, fuq kollox fid-djar, billi nfakkru li l-familji Nsara jsawru n-nukleu missjunarju; fil-fatt, huma bħal “knejjes ċkejkna tad-dar”, li jwasslu lill-membri tagħhom biex jieħdu sehem attiv fil-ħajja tal-komunitajiet lokali, tal-komunitajiet kbar tal-Knisja universali u tas-soċjetà kollha.
F’dan is-sens, it-Tieni Ittra ta’ Ġwanni li smajna, tgħinna wkoll biex inqisu b’liema mod id-dimensjoni tal-karità hi indispensabbli biex nevanġelizzaw: ix-xandir tal-fidi għandu jixxierek mal-karità u mal-għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn. F’dik l-Ittra, Ġwanni jagħmel sejħa urġenti għall-imħabba fraterna: għal min hu mgħammed, l-imħabba lejn il-proxxmu hija l-qalba tal-messaġġ Nisrani, il-kmandament li rċivejna “sa mill-bidu” (2 Ġw 1:5). Imħabba konkreta, impenjata u rispettuża, li turi, fuq kollox, ir-rabta li ma tinħallx bejn it-tħabbira tal-Vanġelu u t-tiftixa ta’ trasformazzjoni fl-istrutturi tal-konvivenza umana (ara Ittra enċiklika Magnifica humanitas, 30).
Fl-istess waqt, il-karità hi inseparabbli mill-verità, li ma tikkonsistix f’teorija, f’idea astratta jew f’utopija, imma f’persuna, Ġesù Kristu, li jistedinna nwaħħdu ħajjitna ma’ tiegħu, f’ubbidjenza fidila lejn il-kmandamenti tiegħu. Il-qbil bejn karità u verità jitlobna li nagħmlu konkreta l-fidi tagħna, u nxerrdu, b’ferħ imġedded, il-fwieħa tal-qdusija. Ejjew niftakru li, mingħajr verità, l-imħabba tiżloq f’sempliċiment sentimentaliżmu (ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate, 3) u l-verità mingħajr imħabba ssir riġida u kiesħa.
Għal din ir-raġuni, l-evanġelizzazzjoni għandha llum tikkonfronta ruħha mal-kundizzjonijiet u d-dinamiċi li jinbidlu fit-trażmissjoni tal-fidi. F’xi reġjuni tad-dinja, din it-trażmissjoni waqfet kważi għalkollox; din is-sitwazzjoni tesiġi minna lkoll il-kuraġġ li naffrontaw sfidi ġodda, bħalma huma l-indifferenza reliġjuża, il-materjaliżmu jew l-egoiżmu, li jiddettaw id-deċiżjonijiet ta’ kuljum. Dan l-impenn isejħilna biex inżommu l-armonija bejn qalb mimlija mħabba għal Alla u għall-proxxmu u ħsieb ankrat fil-verità tal-Vanġelu.
Għeżież ħbieb, il-missjoni mhix xi ħaġa li nimprovizzaw. Anzi, aħna nxandru dak li miegħu ltqajna, is-salvazzjoni li doqna, il-maħfra tad-dnubiet li ngħatatilna u l-iskoperta tas-sens awtentiku tal-ħajja, għax “kull Nisrani hu missjunarju skont kemm iltaqa’ mal-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesù” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 120).
Nitlob lill-Mulej li din l-imħabba tkebbes il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, biex, bħala mgħammdin, bħala komunità Nisranija, noħorġu fid-dinja biex indakkru lill-oħrajn bil-ferħ li jinbet mil-laqgħa mal-Mulej irxoxt u nagħmluh preżenti fi ħdan il-familji tagħna, l-ambjenti tax-xogħol tagħna, bl-iżvolġiment tajjeb tal-attività professjonali tagħna, fil-qasam pubbliku, aħna u nisfidaw it-tentazzjoni li nirrelegaw il-fidi għall-isfera individwali. F’dan l-impenn appostoliku, il-Knisja tgħinna nagħrfu li, bħala ġebel ħaj, għandna responsabbiltà komuni fil-bini tat-tempju ta’ Alla (ara 1 Piet 2:5).
Għeżież ħuti, id-dinja qed tistenniena u l-missjoni għadha fil-bidu. Għalhekk nistedinkom – diġà sa minn din l-ewwel ċelebrazzjoni tal-laqgħa tagħna mill-ġdid quddiem l-altar tal-Mulej – hawn f’Chiclayo u fil-Perù kollu, biex tieħdu l-impenn li taqsmu t-tama ħajja, li hu Ġesù Kristu, u “tfawru” bil-Vanġelu lill-irħula u l-bliet tagħna, biex ixxandru lil kulħadd il-“glorja tal-Mulej”. L-interċessjoni ta’ Sidtna Marija tal-Evanġelizzazzjoni tgħinna fil-ħidma li nxandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu (ara Mk 16:15). Hekk ikun.
