L-Irġulija: Kwistjoni ta’ karattru, mhux ta’ ġeneru

Monsinjur Karm Borg (borgdunkarm@gmail.com)

Xi tfisser tassew li tkun raġel? Xi tfisser l-irġulija?

Li tkun b’saħħtek, kuraġġjuż, dominanti, u li qatt ma turi d-dgħufija tiegħek? Jew li tkun persuna onesta, rispettuża u kapaċi turi l-emozzjonijiet tagħha?

Din hija mistqosija li jistħoqqilha riflessjoni, speċjalment f’soċjetà li qiegħda tinbidel kontinwament, bħalma hi  dik Maltija.

X’inhi tassew l-irġulija? Hija kelma li ħafna drabi nassoċjawha mal-bniedem raġel; iżda forsi wasal iż-żmien, biex ma ngħidx li ilu li wasal iż-żmien, li nħarsu lejha minn perspettiva aktar profonda. L-irġulija vera mhix kwistjoni ta’ maskulintà jew femminilità; iżda hija kwistjoni ta’ karattru, ta’ prinċipju, ta’ valuri li jagħmlu lill-bniedem  ̶  raġel jew mara  ̶  persuna ta’ integrità.

L-irġulija tibda mill-onestà. Li tkun onest ifisser li tgħid il-verità anke jekk din ma tkunx taqbel mal-interessi tiegħek. Ifisser li l-abjad tgħidlu abjad u l-iswed tgħidlu iswed, mingħajr ma tipprova tibdel il-verità skont min għandek quddiemek.

Persuna integra hija dik li żżomm kelmitha. Meta tagħti kelma, tagħraf li dik il-kelma ġġib magħha responsabbiltà. Taf li l-fiduċja tintrebah bil-mod, iżda li tista’ intilef f’tebqa t’għajn. U għalhekk persuna integra tagħti valur lill-kelmitha daqskmm tagħti valur lill-firma tagħha.

L-irġulija tidher ukoll fil-mod kif wieħed jaqdi dmiru. Jaqdi dmiru mhux biss meta jkun hemm min josservah, meta jkun hemm min se jfaħħru, jew meta jkun hemm xi ħadd li jista’ jippremjah. Dmiru jagħmlu sew, anke meta ma jkun qed jarah ħadd. Li tagħmel is-sewwa, anke meta ma jkun hemm ħadd li qed jarak, dan huwa sinjal ta’ integrità.

Valur ieħor fundamentali li fuqu tinbena l-irġulija huwa r-rispett. Persuna ta’ veru ma tkejjilx lill-oħrajn skont il-pożizzjoni tagħhom, il-ġid li għandhom, l-edukazzjoni, il-kariga jew l-influwenza li għandhom. Tirrispetta lil kulħadd bid- dinjità. Kemm saħaq fuqha din id-dinjità, il-Papa Ljun XIV fl-enċiklika tiegħu ‘Magnifica Humanitas’! Kull bniedem, hu min hu, jistħoqqlu dinjità, dinjità li tah Alla meta ħalqu fuq ix-xbieha tiegħu.

L-irġulija ma titkejjlix b’kemm għandek poter, kemm inti magħruf jew kemm taf timponi ruħek fuq ħaddieħor. Titkejjel mill-kapaċità li tibqa’ leali lejn il-prinċipji tiegħek anke meta dan jiswielek sagrifiċċju: li tkun kapaċi tammetti żball, u mela li tagħraf il-verità, li żżomm kelmtek, u li ma tbigħx il-kuxjenza tiegħek għall-konvenjenza tal-mument.

Forsi għandna bżonn nerġgħu nagħtu tifsira lill-kelma “irġulija”. Mhux bħala xi ħaġa li tappartjeni biss lill-irġiel, imma bħala ideal ta’ mġiba li għandu jgħodd għal kull bniedem. Il-kwistjoni mhix intix raġel jew mara, imma jekk intix bniedem ta’ kelmtek, ta’ prinċipju, u ta’ kuxjenza.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?