Illum il-Vanġelu ma jridx ipoġġi quddiemna lezzjoni tal-ekonomija. It-talent (Mt 25, 14-30) imsemmi llum kien jiswa 6,000 dinar, fejn dinar kienet il-paga ta’ ġurnata fi żmien Ġesu’. Għalhekk meta s-Sinjur jafda lil wieħed mill-qaddejja b’ħames talenti, ifisser li kien fdah b’somma ekwivalenti għal 30,000 ġurnata xogħol! Imma mhux kulħadd l-istess. Lil wieħed jagħtih tnejn, u lil ieħor wieħed. Alla mhux se jagħtina iktar milli nifilħu għax Alla jafna! Imma aħna nafu lil Alla? Lil dawk li ħadmu t-talenti tagħhom, is-Sinjur jippremjahom. Imma dak li tah talent wieħed, ma kienx jafu tajjeb lis-Sinjur u kellu ideja żbaljata tiegħu, u għalhekk jaħrab mir-responsabilta’ li fdalu f’idejh u ma jagħmel xejn! Il-biża’ u l-fatt li ma kienx jaf tajjeb lis-Sinjur xekkel lil dak il-qaddej milli jilħaq il-milja tiegħu. Alla jridna ferħanin u jridna nużaw id-doni uniċi li tana biex nagħmlu l-ġid u nkunu ferħanin. Id-‘doni’ huma sinjali kemm Alla jafdana. Imma mportanti li b’responsabilta’ nagħrfuhom u nużawhom.