Il-fiduċja li afdana Alla. Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Jum il-Foqra

Il-Ħadd, 15 ta’ Novembru 2026: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fit-33 Ħadd ta’ Matul is-Sena u f’Jum il-Foqra. Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija, Imġarr.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan is-sinjur tal-parabbola li jagħtina Ġesù llum isiefer, imma jerġa’ lura u jibda jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. F’dan il-Ħadd, li huwa qrib tal-aħħar mumenti tas-sena liturġika – sena li terġa’ tibda bl-Avvent, minn hawn għal ħmistax-il ġurnata oħra – ifakkarna ftit fil-kelma ‘responsabbiltà’. L-għerq tagħha huwa li għandek id-dover tirrispondi għall-fiduċja li tpoġġiet fik.

It-talenti li afdalna l-Mulej

Il-Mulej, fil-misteru kbir tal-imħabba tiegħu, li huwa l-ħolqien ta’ kull wieħed u waħda minna, tana talenti li huma tagħna biss: “kull wieħed skont il-ħila tiegħu” (Mt 25:15). Issa intom tafu li t-talent li jsemmi Ġesù fil-parabbola huwa somma kbira ta’ flus. Illum, meta nisimgħu l-kelma ‘talent’, minħabba anke l-influss ta’ din il-parabbola fil-kultura tagħna, naħsbu fil-kapaċitajiet: kemm għandu talenti sbieħ dan, mingħajr ma nkunu qed naħsbu fil-flus. Imma t-talent huwa dak kollu li l-Mulej iżejnek bih, kważi b’mod naturali, u li jsir vokazzjoni li int trid tiżviluppa, ikun xi jkun. Din il-kelma ‘talent’ saret tfisser: dak kollu li għandi, imma li huwa fdat f’idejja. L-Mulej afdani bih, bħalma għamel dan is-sinjur tal-parabbola ta’ Ġesù: “lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed” (Mt 25:15).

Il-biża’ li jipparalizza u l-biża’ tal-Mulej

It-tieni ħsieb li xtaqt naqsam magħkom huwa dan: it-traġedja ta’ dak li rċieva talent wieħed, li jipparalizza ruħu mill-biża’: “Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek” (Mt 25:25): ħudu lura, ma għamilt xejn bih, ma ħaddimtux għax bżajt. Hemm biża’ li jipparalizzak; hemm idea ta’ Alla: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax” (Mt 25:24). Idea li, minflok tgħinna fil-ħajja, tfixkilna u tipparalizzana. Tistgħu tgħiduli, imma fis-Salm aħna għedna: “Hieni kull min jibża’ mill-Mulej” (Salm 127:1).

X’differenza hemm bejn il-biża’ tal-Mulej li huwa san, u l-biża’ tal-Mulej li jipparalizza lil dan il-qaddej? Meta tibża’ mill-Mulej b’mod san, tirrispetta lil Alla għal dak li huwa. Il-Kelma tiegħu mhix kelma bħal dik tal-oħrajn. Għalhekk il-bidu tal-għerf huwa l-biża’ tal-Mulej meta tirrealizza li Alla huwa Alla, u li wara kollox iħobbok, u li dak li qed jgħidlek huwa għall-ġid tiegħek: agħti kasu – dak huwa l-biża’ tal-Mulej. Anke Sidtna Marija fil-Magnificat tgħid: “xerred il-ħniena tiegħu fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50). Mhumiex terrorizzati minn Alla. Ħafna drabi, jista’ jkun li drajna nifhmu l-biża’ ta’ Alla bħala t-terrur ta’ xi ħadd li jsus warajk biex jikkundannak u jakkużak. Dak huwa biża’ li jipparalizzana. Minħabba dak il-biża’, it-talenti tagħna nagħmluhom ġo maktur, nidfnuhom u ma nħaddmuhomx. Imma l-Mulej jgħallimna l-biża’ ta’ min jaf li jrid jagħti kont.

Il-fedeltà fil-ftit: “Idħol fil-hena ta’ sidek”

Lejn l-aħħar tas-sena liturġika, l-Evanġelji jispjegawlna li aħna rridu nagħtu kont ta’ ħajjitna. U ħafna drabi t-talenti li nirċievu jistgħu jkunu wkoll: il-familja, l-ulied, il-ġenituri, dak kollu li jsir responsabbiltà tiegħek. Wara kollox, aħna nikbru fl-imħabba, meta nkunu responsabbli ta’ xulxin u għal xulxin. Din mhix ħaġa faċli! Għandna bżonn l-għajnuna ta’ Alla, biex il-fiduċja li ħadna minn għandu, u li biha afdana, nħalluha tikber u titkattar.

“Qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fil-hena ta’ sidek” (Mt 25:21). Jalla dawn il-kliem ikunu l-kliem li nisimgħu fil-ġudizzju tagħna. Il-ġudizzju mhux se jkun xi ħadd li jrid jpattihielek jew jikkundannak bil-fors; imma hu l-mument fejn inroddu l-kontijiet. U ngħidulu: Mulej, għamilt li stajt, bi sforz u b’sagrifiċċju, biex dak li afdajtli f’idejja jagħmel il-frott. Il-Mulej jifhem li mhux meħtieġ li nagħmlu affarijiet kbar, imma li l-ftit li għandna ngħożżuh u nħaddmuh tajjeb għall-ġid. Min għandu ħafna, l-Mulej jbierkulu, imma jistenna li jużhom għall-ġid. Jistgħu jkunu r-responsabbiltajiet tiegħek, li mhumiex talenti tal-flus, imma talenti oħrajn. Qed tħaddimhom għall-ġid, qed tieħu ħsieb lil min għandek tieħu ħsiebu. Għax dik il-fedeltà fil-ftit, il-Mulej japprezzaha.

Jalla lkoll kemm aħna, nisimgħu l-vuċi tiegħu tgħidilna: “Idħol fil-hena ta’ sidek” (Mt 25:21).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa

Qari I: Prov 31, 10-13.19-20.30-31
Responsorju: Salm 127 (128), 1-2.3.4-5
Qari II: 1 Tess 5, 1-6
L-Evanġelju: Mt 25, 14-30

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?