Messaġġ waqt l-Angelus fil-Pjazza tal-Bażilika Katidrali tat-Tlugħ fis-Sema tal-Beata Verġni Marija (Cusco)

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ
6-17 ta’ Novembru, 2026

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS

Pjazza tal-Bażilika Katidrali tat-Tlugħ fis-Sema tal-Beata Verġni Marija (Cusco)
Il-Ħadd, 15 ta’ Novembru, 2026

Messaġġ tal-Papa

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Jien ferħan ħafna li ninsab hawn illum, imdawwar bl-għożża tagħkom u mill-fidi ħajja li tħabbat fil-qalb ta’ dil-komunità mill-isbaħ, flimkien ma’ ħutna morda u anzjani, saċerdoti u persuni konsagrati, aħna u nfakkru b’għożża kbira u gratitudni lil Mons Richard Alarcón li nafdaw fl-interċessjoni mimlija mħabba ta’ Marija. Fl-istess ħin għandi pjaċir insellem l-arċisqof il-ġdid ta’ Cusco, Mons Lizardo Estrada, li ilu hawn biss mit-30 ta’ Ottubru li għadda.

F’din l-għodwa, nistgħu nikkuntemplaw din ix-xbieha sabiħa tal-Mulej tat-Terremoti, it-Tayacha, patrun tal-belt ta’ Cusco, li tinsab fostna.

Il-Liturġija tal-lum toffrilna paġna mill-isbaħ, u fl-istess ħin impenjattiva ħafna, mill-Evanġelju skont San Mattew: il-parabbola tat-talenti (cfr Mt 25,14-30). Dawn il-muniti antiki jirrappreżentaw kulma l-Mulej tana bi gratwità: ħajjitna, il-fidi tagħna, il-vokazzjoni tagħna. Imma jekk irridu niġbru l-ħsieb kollu f’kelma waħda huma jissimbolizzaw l-imħabba tiegħu, imħabba li Hu jtina biex inseddquha f’ħajjitna u naqsmuha mal-oħrajn.

Naħseb fikom, għeżież ħuti li qed tbatu fil-ġisem u fl-ispirtu minħabba xi marda. F’għajnejn id-dinja, ikkundizzjonata mill-iskart u l-produttività materjali, il-mard hu meqjus bħala żvintura li tnaqqas il-valur tal-persuna. X’gidba dik! Fid-dawl tal-Evanġelju, meta l-mard ngħejxuh bil-fidi u marbut mal-Passjoni ta’ Kristu, isir mixja biex nisseddqu f’imħabbtu u din l-imħabba naqsmuha ma’ ħaddieħor. Intom tinsabu fil-qalb li tħabbat tal-Knisja: is-sofferenza tagħkom issir qawwa spiritwali meta b’imħabba toffruha għas-salvazzjoni tal-erwieħ, għall-vokazzjonijiet u għall-paċi; id-dgħufija tagħkom tinbidel f’qawwa divina li tkattar it-talenti tal-imħabba u tar-redenzjoni. Intom kontu xhieda tal-offerta li għamel l-E.T. Monsinjur Richard meta ta lilu nnifsu biex jagħti l-ħajja, magħqud mas-Salib tal-Mulej.

Issa ndur lejkom, għeżież uliedi konsagrati lill-Mulej: saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, li ħallejtu kollox biex timxu fuq il-passi tal-Imgħallem. It-talenti li ġew fdati lilna huma l-Kelma t’Alla, is-Sagramenti, il-gwida pastorali tal-Poplu t’Alla u s-sbuħija tal-prinċipji evanġeliċi tal-faqar, tal-kastità u l-ubbidjenza. X’responsabbiltà kbira għandna fl-idejn tat-tafal tagħna! M’għandniex nibżgħu nagħtu ħajjitna, neżawrixxu ruħna għal Kristu; b’hekk insiru sinjali li jidhru tal-ħniena t’Alla. Din hi l-aħjar triq biex nippromwovu l-vokazzjonijiet.

Għeżież ħuti: għajnejna issa jduru lejn ix-xbieha mbierka tal-Mulej tat-Terremoti. Fl-1650 meta l-art theżżet u ġabet qerda u paniku fost l-antenati tagħkom, kien biżżejjed li din l-immaġni sagra tinġarr fit-toroq biex waqaf it-theżżiż u terġa’ tibda ssaltan il-paċi. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-poplu ta’ Cusco u l-Perù kollu, jafu li fit-Tayacha għandhom rifuġju sigur fi żmien kull tempesta, ankra soda fost it-taqlib tal-istorja.

Bħala sinjal tanġibbli tal-għaqda tiegħi mal-komunità tagħkom, illum xtaqt nagħmel att ta’ devozzjoni speċjali: b’imħabba filjali qed noffri Sudarju biex jitqiegħed fuq din ix-xbieha tal-Mulej Ġesù bl-intenzjoni li tkun it-tgħannieqa tal-Papa lil poplu li jaf isofri bid-dinjità u t-tama nisranija. Intom u tħarsu lejn il-Mulej tat-Terremoti mlibbes b’dan is-Sudarju ftakru li l-Knisja universali tinsab magħkom.

Issa nduru b’fiduċja filjali lejn il-Verġni Marija. Hi tgħallimna biex ma nibżgħux, biex ma nidfnux il-grazzja li rċevejna. B’qalb mimlija gratitudni, nirreċitaw it-talba tal-Angelus aħna u nqiegħdu fl-interċessjni tagħha s-saħħa tal-morda u l-qdusija tas-saċerdoti u tal-persuni konsagrati. Il-Mulej iberikkom u jalla l-Mulej tat-Terremoti jħares dejjem il-ħajja tagħkom fil-paċi!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?