Laqgħa għall-Katekisti mill-Isqof Joseph Galea Curmi.

18 ta’ Novembru 2026,

Lil min qegħdin infittxu? Is-sejħa tal-katekist illum

Nixtieq nibda din ir-riflessjoni billi nagħmlilkom l-istess stedina li għamel il-Papa Ljun XIV fl-Assemblea Djoċesana ta’ Ruma, ftit ġimgħat ilu. Nidħlu fil-ġrajja rrakkunata fl-Evanġelju skont San Ġwann: fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kmieni filgħodu, meta kien għadu d-dlam, fil-ġnien fejn jinsab il-qabar ta’ Ġesù. Hemmhekk insibu lil Marija ta’ Magdala. Hija waslet kmieni ħafna, meta d-dawl kien għadu ma feġġx għal kollox. Ġiet tfittex lil Ġesù, iżda ma sabitux. Il-qabar kien vojt. U Marija tibda tibki.

Fil-ġnien, mas-sebħ tal-Għid

Id-dlam li kienet tinsab fih Marija ma kienx biss id-dlam tal-lejl li kien għadu ma spiċċax. Kien id-dlam ta’ persuna li tilfet lil xi ħadd li kienet tħobb, ta’ persuna li qed tfittex u ma ssibx, ta’ persuna li ma tafx aktar x’se tagħmel jew fejn se tmur. Ġesù kien dak li kien bidlilha ħajjitha, kien dak li kien taha tama ġdida, u issa kien jidher li kollox spiċċa.

Imma l-Evanġelju jurina li ma baqgħetx waħedha fid-dwejjaq tagħha. Jersaq lejha Ġesù Rxoxt, għalkemm hi ma tagħrfux. Taħseb li huwa l-ġardinar. U Ġesù jagħmlilha żewġ mistoqsijiet: “Għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?” (Ġw 20:15).

Dawn huma żewġ mistoqsijiet sempliċi, iżda mimlijin tifsira. U nixtieq li llum inħalluhom jidħlu fil-qalb tagħna bħala katekisti, u nikkonċentraw speċjalment fuq it-tieni waħda: “Lil min qegħdin infittxu?”

Għax din hija mistoqsija li tmur direttament fil-qalba tal-vokazzjoni tagħna. Meta naħsbu fil-ministeru tagħna bħala katekisti, faċilment moħħna jmur lejn dak kollu li nagħmlu. Naħsbu fil-preparazzjoni tal-lezzjonijiet, fil-programmi, fil-laqgħat, fil-kotba, fl-attivitajiet, fil-komunikazzjoni mat-tfal kif ukoll mal-ġenituri u fil-ħafna responsabbiltajiet li għandna. U dawn kollha huma affarijiet importanti. Iżda llum Ġesù mhux qed jistaqsina kemm għamilna affarijiet, kemm-il lezzjoni tajna jew kemm-il tifel u tifla għaddew minn idejna. Qed jagħmlilna mistoqsija ħafna aktar fundamentali: Lil min qegħdin infittxu?

Illum nieqfu ftit u nagħrfu li, qabel ma aħna katekisti, aħna dixxipli. Qabel ma ngħallmu dwar Ġesù, aħna msejħin biex niltaqgħu miegħu. Qabel ma nwasslu lit-tfal għand Ġesù, irridu nkunu aħna stess nies li nfittxuh, li nisimgħu leħnu u li nħalluh imexxina.

Jista’ jiġri li, mingħajr ma nintebħu, insiru tant impenjati nagħmlu l-affarijiet għal Ġesù li ma jibqgħalniex ħin biex inkunu ma’ Ġesù – bħal Marta u Marija, waħda kienet qed taħdem u tirsisti għal Ġesù, u l-oħra qagħdet f’riġlejh miegħu. Nistgħu nkunu qed nitkellmu dwaru, iżda ma nkunux qed nisimgħuh. Nistgħu nkunu qed ngħallmu lit-tfal jitolbu, iżda forsi t-talb tagħna stess ikun sar biss drawwa. Nistgħu nkunu qed nispjegaw l-Evanġelju, iżda forsi l-Evanġelju ma jibqax imissilna qalbna u ma jibqax jisfidana.

Għalhekk, din il-mistoqsija għandha tkun il-punt tat-tluq tar-riflessjoni tagħna: Lil min qed infittxu fil-ministeru tagħna? Qed infittxu lil Ġesù jew forsi qed infittxu l-aktar li nwettqu l-ħidma għalih b’dak kollu li huwa mistenni minna?

 “Għalfejn qiegħda tibki?” – Il-verità dwar il-qalb tal-katekista

L-ewwel mistoqsija li Ġesù jagħmel lil Marija hija: “Għalfejn qiegħda tibki?” Hija mistoqsija li turina kemm Ġesù jinteressah mill-qalb tal-bniedem. Qabel ma jagħtiha spjegazzjoni dwar dak li ġara, qabel ma jgħidilha li qam mill-imwiet, Ġesù jersaq lejha u jagħtiha l-opportunità tesprimi dak li qed tħoss.

Ġesù ma jinjorax it-tbatija tagħha. Ma jgħidilhiex “ieqaf ibki”, ma jgħidilhiex biex ma tibqax imdejqa. Huwa jiltaqa’ magħha proprju fil-mument tad-dwejjaq tagħha.  ll-mistoqsija ta’ Ġesù lil Marija nistgħu ndawruha wkoll lejna nfusna. X’qed iġġorr qalbi? Forsi hemm għeja li ilha tinġema’. Forsi hemm diżappunt għax wara tant snin ta’ servizz ma narax il-frott li kont nistenna. Forsi nħoss li t-tfal tal-lum huma differenti ħafna minn dawk ta’ qabel, li l-ġenituri mhux dejjem jappoġġjawna, u li l-fidi m’għadhiex tingħata l-istess importanza fil-familji.

Forsi hemm ukoll xi dwejjaq li ma nitkellmux dwarhom. Niftakru fi tfal li għaddew mill-klassijiet tagħna, li rċevew is-sagramenti, iżda llum tbiegħdu mill-Knisja. Nistaqsu lilna nfusna jekk dak kollu li għamilna kellux tassew sens. Kultant nistgħu nħossuna li qed naħdmu ħafna, iżda ftit li xejn qed naraw riżultati.

Ġesù ma jitlobniex naħbu dawn is-sentimenti. Ma jitlobniex nippretendu li kollox miexi tajjeb. Huwa jistedinna nkunu onesti quddiemu, għax il-kateketista li jagħraf id-dgħufija tiegħu jista’ jsir persuna aktar umana, aktar sensittiva u aktar kapaċi tifhem lil dawk li għandha quddiemha.

“Lil min qiegħda tfittex?” – Qabel ma ngħallmu, irridu niltaqgħu ma’ Ġesù

Nerġgħu lura għall-mistoqsija ewlenija: “Lil min qiegħda tfittex?” Huwa interessanti li Ġesù jagħmel din il-mistoqsija lil Marija proprju meta hija tkun qed tfittxu. Marija mhijiex persuna indifferenti. Mhijiex persuna li nsiet lil Ġesù. Għall-kuntrarju, hija marret ħdejn il-qabar għax kienet tħobbu. Iżda kienet għadha ma fehmitx li r-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù trid tinbidel. Ma tistax tibqa’ tfittex lil Ġesù bħala persuna li tilfet, iżda trid tiltaqa’ miegħu bħala l-Ħaj, dak li rebaħ il-mewt.

Din hija stedina importanti għalina wkoll. Forsi aħna qed infittxu lil Ġesù, iżda kultant infittxuh f’affarijiet li, għalkemm huma tajbin, mhumiex iċ-ċentru tal-vokazzjoni tagħna.

Forsi nfittxuh fis-suċċess tal-klassi, fil-fatt li t-tfal iġibu ruħhom tajjeb, fil-lezzjoni li tkun ħarġet perfetta jew fl-apprezzament tal-ġenituri. Forsi nħossuna sodisfatti meta xi ħadd jirrikonoxxi x-xogħol tagħna jew meta l-attività li organizzajna tkun irnexxiet. Dawn huma affarijiet sbieħ u għandhom il-valur tagħhom, iżda ma jistgħux jieħdu post Ġesù.

Il-Papa jfakkarna li kull inizjattiva pastorali għandha tibda mhux tant mill-mistoqsija “X’se nagħmlu?”, iżda mill-mistoqsija “Ma’ min irridu niltaqgħu? Kif se ngħinu lill-oħrajn jiltaqgħu miegħu?”

Din hija bidla importanti fil-mod kif nifhmu l-katekeżi. Il-katekeżi mhijiex sempliċement it-twassil ta’ tagħrif reliġjuż. Mhijiex biss li t-tfal jitgħallmu t-talb, il-kmandamenti, l-istorja tas-salvazzjoni jew it-tagħlim tal-Knisja. Dawn kollha huma importanti u meħtieġa – u nafu kemm hi kbira l-injoranza reliġjuża anke fost il-kbar, biżżejjed tara l-kummenti fuq il-media soċjali. Iżda l-għan aħħari huwa li t-tfal jiltaqgħu ma’ persuna: Ġesù Kristu.

Mhux biżżejjed li t-tifel jew tifla jkunu jafu min kien Ġesù. Irridu ngħinuhom jiskopru li Ġesù huwa ħaj, li jħobbhom, li jaf isimhom u li jixtieq ikun parti mill-ħajja tagħhom. Mhux biżżejjed li jitgħallmu dwar it-talb. Irridu ngħinuhom jiskopru li jistgħu jitkellmu ma’ Alla bħala ma’ Missier li jħobbhom. Mhux biżżejjed li t-tfal ikunu jafu x’inhi l-quddiesa. Irridu ngħinuhom jiskopru li fl-Ewkaristija niltaqgħu ma’ Ġesù li jagħti ħajtu għalina. Iżda dan kollu ma jistax iseħħ jekk aħna stess ma nkunux qed ngħixu din ir-relazzjoni.

Għalhekk, kull wieħed u waħda minna rridu nistaqsu lilna nfusna jekk  aħniex nagħtu spazju lil Ġesù fil-ħajja tagħna. Li nieqfu fis-skiet, li naqraw l-Evanġelju mhux biss biex nippreparaw lezzjoni imma biex nisimgħu x’qed jgħidilna, li noqogħdu quddiem Ġesù Ewkaristija u ngħidulu sempliċement, fi kliem San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, inti hawn u jiena fik” (Is-Sakrarju tal-Ispirtu ta’ Kristu).

Forsi għandna bżonn nerġgħu niskopru l-ferħ li nkunu quddiem Alla mingħajr ma jkollna għalfejn nitolbuh xi ħaġa, mingħajr ma nkunu qed nippreparaw xi ħaġa għall-oħrajn. Sempliċement inkunu miegħu. Għax ma nistgħux nagħtu dak li aħna stess ma nkunux qed nirċievu. Ma nistgħux ngħinu lit-tfal jiskopru l-ferħ tal-Evanġelju jekk aħna stess ma nkunux qed inħallu l-Evanġelju jimla lil ħajjitna.

 “Marjam!” – Il-ferħ li nkunu magħrufin u msejħin b’isimna

Fil-ġrajja tal-Għid hemm mument tassew sabiħ u sinifikanti. Marija ma tagħrafx lil Ġesù. Tarah, titkellem miegħu, iżda għadha ma tagħrafx min hu. Imbagħad Ġesù jgħid kelma waħda biss: “Marjam!” (Ġw 20:16)

U f’dak il-mument kollox jinbidel. Ma kienx hemm diskors twil jew spjegazzjoni kumplikata. Ġesù sempliċement isejħilha b’isimha, u Marija tagħrfu.

Hawnhekk niltaqgħu ma’ verità sabiħa dwar il-fidi tagħna. Aħna ma aħniex sempliċement nies li jemmnu f’Alla li jafna b’mod ġenerali. Aħna nies li Alla jafna personalment, li jħobbna u li jsejħilna b’isimna. Alla ma jarax biss folla ta’ nies jew grupp ta’ fidili. Huwa jara lil kull wieħed u waħda minna bl-istorja tagħna, bil-ferħ tagħna, bil-ġrieħi tagħna u bit-tamiet tagħna.

Din hija esperjenza li aħna katekisti għandna bżonn ngħixu. Forsi ħafna minna ilna snin naqdu fil-katekeżi. Għandna esperjenza, nafu l-programmi, nafu l-klassijiet u nafu kif nippreparaw il-lezzjonijiet. Iżda qatt ma rridu ninsew li l-vokazzjoni tagħna mhijiex sempliċement riżultat tad-deċiżjoni tagħna li nagħmlu xi ħaġa tajba għall-oħrajn. Hija tweġiba għal sejħa.

Alla sejjaħ lil kull wieħed u waħda minna b’isimna. U forsi llum għandna bżonn nerġgħu niftakru għaliex għedna iva. Jista’ jkun li xi ħadd ħajjarna nkunu katekisti. Forsi ħassejna li kellna xi ħaġa x’nagħtu. Jista’ jkun li konna għaddejjin minn esperjenza spiritwali li qanqlitna. Jew sempliċement ridna nagħtu kontribut lill-komunità tagħna. Iżda lil hinn minn dawn ir-raġunijiet kollha, kien hemm Alla li sejħilna.

U jekk illum għadna hawn, minkejja l-għeja li kultant inħossu u d-diffikultajiet, huwa importanti li niftakru li Alla għadu jsejħilna. Huwa ma sejħilniex għax aħna perfetti. Altru. Huwa sejjaħ lil Pietru minkejja d-dgħufija tiegħu, lil Tumas minkejja d-dubji tiegħu, u lil Mattew minkejja l-passat tiegħu. Hu ma sejħilniex.għax nafu kollox jew għax dejjem għandna t-tweġibiet. Sejħilna għax jafna, iħobbna u jaf li, bl-għajnuna tal-grazzja tiegħu, nistgħu nkunu strumenti f’idejh. Dak li jrid minna mhuwiex il-perfezzjoni, imma qalb miftuħa u rieda li nfittxu dejjem lilu u nibqgħu mexjin warajh.

Nixtieq niftakru hawn fi ġrajja verament sabiħa fil-ħajja ta’ Ġesù meta xi ħadd fittex bil-ħerqa lil Ġesù u sab li Ġesù kien qiegħed ifittex lilu – il-ġrajja ta’ Żakkew. Ried jara lil Ġesù, għeleb l-ostaklu tal-folla, tela ma’ siġra tat-tin selvaġġ, u hemm sab li għajnejn Ġesù kienu qed iħarsu lejh, u hemm sema’ l-istedina: “Żakkew, isa, inżel minn hemm għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (Lq 19:5). Lilu wkoll sejjaħlu b’ismu, u l-laqgħa tagħhom kienet laqgħa li ġabet trasformazzjoni sħiħa.

Minn persuni li jiltaqgħu ma’ Kristu għal persuni li joħolqu komunità

Meta Marija ta’ Magdala tagħraf lil Ġesù, ma tibqax wieqfa ħdejn il-qabar. Hija tmur għand id-dixxipli u tħabbrilhom: “Rajt lill-Mulej!” (Ġw 20:18).

Il-laqgħa tagħha ma’ Ġesù ma tibqax esperjenza privata. Issir missjoni, issir xhieda u ssir aħbar tajba għall-oħrajn. Marija tifhem li dak li għexet ma tistax iżżommu għaliha biss. Trid taqsam il-ferħ tagħha.

Dan jgħidilna xi ħaġa fundamentali dwar il-katekeżi. Aħna ma nistgħux inkunu kuntenti biss li nwasslu l-lezzjoni tagħna, nagħlqu l-ktieb u nibagħtu lit-tfal id-dar. Il-mistoqsija mhijiex biss jekk it-tfal tgħallmux xi ħaġa llum, iżda jekk humiex qed jikbru bħala membri ħajjin tal-komunità Nisranija.

Il-katekeżi għandha twassal għal esperjenza ta’ Knisja, ta’ komunità li fiha kull persuna tħossha milqugħa, akkumpanjata, apprezzata u responsabbli.

Il-Papa jfakkarna fil-ħtieġa li noħolqu komunitajiet li ma jkunux sempliċement gruppi ta’ nies li jiltaqgħu biex iwettqu xi attività, iżda postijiet fejn jinbnew relazzjonijiet veri. Dan jgħodd ukoll għall-klassijiet tagħna tal- katekeżi. Klassi tal- katekeżi m’għandhiex tkun biss grupp ta’ tfal li jiltaqgħu regolarment. Għandha tkun komunità żgħira li fiha jitgħallmu jisimgħu lil xulxin, jaħfru, jaqsmu, jitolbu u jieħdu ħsieb xulxin. Għandha tkun esperjenza fejn kull tifel u tifla jħossu li għandhom post, li huma importanti u li jistgħu jikkontribwixxu.

Dan jitlob minna li kultant nibdlu l-perspettiva tagħna. Minflok niffukaw biss fuq kif se nżommu l-kontroll tal-klassi, nibdew naħsbu kif nistgħu noħolqu ambjent fejn it-tfal iħossuhom parti minn komunità. Minflok ninkwetaw biss jekk għamilniex dak li ppjanajna, nistaqsu jekk għenniex lit-tfal jikbru fil-fidi. Minflok naraw lit-tfal li ma jipparteċipawx bħala problema, nippruvaw nifhmu kif nistgħu ngħinuhom isibu posthom.

U rridu niftakru wkoll li l-katekeżi ma tistax tibqa’ limitata għall-ħitan tal-kamra fejn niltaqgħu. It-tfal jgħixu f’familji, f’ambjent soċjali u f’dinja li qed tinbidel kontinwament. Xi wħud minnhom jgħixu f’familji fejn il-fidi hija parti mill-ħajja ta’ kuljum, filwaqt li oħrajn ġejjin minn familji fejn il-ġenituri għandhom relazzjoni aktar imbiegħda mal-Knisja. Xi tfal iġorru magħhom diffikultajiet familjari, solitudni, nuqqas ta’ attenzjoni jew nuqqas ta’ sigurtà.

Ma nistgħux ninjoraw din ir-realtà. Irridu nitgħallmu nisimgħu, nifhmu u nakkumpanjaw. Il-katekista mhuwiex persuna li għandha t-tweġibiet kollha, iżda persuna li timxi mat-tfal u tgħinhom jiskopru kif l-Evanġelju jista’ jdawwal il-ħajja tagħhom.

U din il-missjoni ma tistax tkun tagħna biss. Għandna bżonn il-familji, il-komunità parrokkjali, il-qassisin, il-katekisti l-oħra u dawk kollha li għandhom responsabbiltà fit-trobbija Nisranija tat-tfal. Il-fidi ma tistax tingħex bħala esperjenza iżolata. Għandha bżonn komunità li tagħtiha l-ħajja u tgħinha tikber.

Hu fi ħdan komunità li nistgħu nifhmu aktar it-tfal infushom. Nistgħu naraw tifel li ma jagħtix kas, tifla li ma tipparteċipax, żagħżugħ li jidher indifferenti jew ġenituri li ma jikkoperawx, u malajr naslu għal konklużjonijiet dwarhom. Iżda kemm-il darba nieqfu u nistaqsu x’jista’ jkun hemm wara l-imġiba tagħhom? X’qed iġorru magħhom? X’qed iweġġagħhom? X’qed ifittxu? X’qed jonqoshom?

Huwa possibbli li tifel li jidher bla interess ikun qed jgħix sitwazzjoni diffiċli fil-familja. Forsi tifla li ma titkellimx għandha bżonn biss li xi ħadd jagħtiha ftit attenzjoni. Forsi żagħżugħ li juri indifferenza jkun qed jistaqsi mistoqsijiet profondi dwar il-ħajja, iżda ma jafx ma’ min jista’ jaqsamhom. Il-katekista huwa msejjaħ biex jara aktar minn dak li jidher minn barra. Huwa msejjaħ biex ikollu qalb li taf tisma’, li ma tiġġudikax malajr u li tipprova tifhem.

Iżda hemm ħaġa oħra li rridu nitgħallmu fil-bini tal-komunità. Bħalma Ġesù sejjaħ lil Marija b’isimha, hekk aħna wkoll għandna nkunu kapaċi nagħrfu u nsejħu lit-tfal b’isimhom.

Aħsbu ftit fit-tfal li jiġu għandkom. Kemm hu importanti li fil-katekisti jiltaqgħu ma’ persuni li jarawhom, jagħrfuhom u jagħtuhom l-importanza li jistħoqqilhom. Tifel li jħossu magħruf jibda jħossu li għandu post. Tifla li tħoss li xi ħadd qed jismagħha tista’ tibda tiftaħ qalbha. Żagħżugħ li jħoss li xi ħadd jemmen fih jista’ jerġa’ jibda jemmen fih innifsu u forsi anki f’Alla.

L-ewwel katekeżi li nagħtu mhijiex fil-kontenut ta’ dak li ngħidu, iżda fil-mod kif niltaqgħu mat-tfal bil-preżenza tagħna – fejn il-mod kif aħna nilqgħuhom, nisimgħuhom u nagħtuhom importanza jkun għalihom esperjenza tal-imħabba ta’ Alla.

Il-mistoqsija “Għaliex?” – Nagħmlu valutazzjoni tal-katekeżi tagħna

Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa li l-Knisja titgħallem tagħmel valutazzjoni ta’ dak li qed tagħmel. Mhux biex tikkritika lilha nnifisha bla bżonn, mhux biex iżżid aktar xogħol u mhux biex toħloq inizjattivi oħra. Iżda biex tieqaf, tħares lejn ir-realtà u tistaqsi x’qed jagħti l-frott, x’għandu jinbidel u x’jista’ jgħin aktar lill-missjoni tagħha.

Naħseb li din hija stedina importanti ħafna għalina l-katekisti. Kultant tant inkunu mdorrijin nagħmlu l-istess affarijiet li lanqas biss nieqfu nistaqsu għaliex qed nagħmluhom. Inżommu ċerti metodi għax hekk konna tgħallimna. Nirrepetu attivitajiet għax dejjem għamilniehom. Inkomplu bl-istess mod ta’ kif naħdmu għax hekk sirna mdorrijin, dejjem hekk sar. Iżda l-mistoqsija hija jekk dawn l-affarijiet għadhomx jgħinu lit-tfal tagħna jiltaqgħu ma’ Ġesù llum.

Il-Papa jistedinna nistaqsu “Għaliex?”. Għaliex qed nagħmlu din l-attività? Għaliex qed nagħżlu dan il-metodu? Għaliex xi tfal qed iħossuhom qrib il-Knisja filwaqt li oħrajn qed jitbiegħdu? Għaliex xi tfal jistennew bil-ħerqa l-laqgħa tal-katekeżi filwaqt li oħrajn jiġu biss għax iridu l-ġenituri? Għaliex hemm tfal li wara li jirċievu s-sagramenti jibqgħu jipparteċipaw fil-ħajja tal-parroċċa, filwaqt li ħafna oħrajn ma jerġgħux lura?

Dawn mhumiex mistoqsijiet li għandhom iġegħluna nħossuna ħatja. Huma mistoqsijiet li juruna aktar ir-realtà u jistgħu jgħinuna nikbru u nsiru aktar konxji tal-missjoni tagħna.

F’din il-valutazzjoni, l-ewwel ħaġa li għandna nirriflettu fuqha hija jekk il-katekeżi tagħna hix tassew qed tgħin lit-tfal jiltaqgħu ma’ Ġesù. Forsi xi drabi nkunu tant iffukati fuq il-kontenut li rridu nwasslu li ninsew il-qalba tal-messaġġ. It-tieni ħaġa hija jekk aħniex qed nibnu relazzjonijiet u komunitajiet, jekk it-tfal iħossuhomx milqugħa u jekk jistgħux jesprimu d-dubji tagħhom mingħajr ma jibżgħu li jiġu ġġudikati. It-tielet ħaġa hija jekk il-katekeżi hix tgħinhom jgħixu l-fidi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum, fil-mod kif jittrattaw lil xulxin, fil-familja, fl-iskola u fis-soċjetà. U naturalment, irridu nistaqsu dejjem jekk aħna stess għadniex nikbru bħala dixxipli u xhieda.

Għax il-frott veru tal-katekeżi huwa l-fidi li tikber, il-qalb li tinbidel, ir-relazzjoni ma’ Ġesù li tissaħħaħ u l-ħajja li ssir aktar evanġelika.

Madankollu, irridu niftakru li dan il-frott mhux dejjem narawh mill-ewwel. Xi drabi nkunu aħna li naraw ir-riżultat tax-xogħol tagħna, iżda drabi oħra jkun hemm min jiġi warajna u jaħsad dak li nkunu żrajna. Meta nfittxu verament lil Ġesù, minnu nitgħallmu li l-ħidma tagħna fil-katekeżi hi bħal min jiżra’ ż-żerriegħa. Mhux dejjem taqa’ f’art tajba – ġieli fil-mogħdija, fuq il-blat, jew qalb ix-xewk (ara Mt 13:4-8).  Aħna niżirgħu, iżda huwa Alla li jkabbar. Għalhekk ma għandniex naqtgħu qalbna jekk ma narawx immedjatament il-frott li nixtiequ. Il-missjoni tagħna hija li nkunu fidili, li naħdmu b’imħabba u li nħallu lil Alla jagħmel il-ħidma tiegħu.

Ma nfittxux sempliċiment li nagħmlu aktar, imma nagħmlu aħjar

Hemm punt ieħor mill-messaġġ tal-Papa Ljun XIV li nixtieq nenfasizza. Huwa jfakkarna li l-valutazzjoni pastorali m’għandhiex issir piż ieħor fuq spallejn dawk li diġà qed jaħdmu. Għall-kuntrarju, għandha tgħinna, fejn hu l-każ, li nagħmlu inqas, iżda nagħmluh aħjar.

Din hija kelma li għandna bżonn nisimgħuha bħala katekisti. Għax nafu kemm il-ministeru tagħna jista’ jkun impenjattiv. Il-preparazzjoni tal-lezzjonijiet, il-laqgħat, l-attivitajiet, il-komunikazzjoni mal-ġenituri, il-formazzjoni u l-ħtiġijiet differenti tat-tfal. Kultant inħossu li qatt mhu biżżejjed u li dejjem hemm xi ħaġa oħra x’nagħmlu.

Iżda Ġesù mhux qed jitlobna nkunu supereroj. Mhux qed jitlobna nagħmlu kollox u dejjem infittxu li nagħmlu aktar. Qed jitlobna nkunu xhieda fidili tal-imħabba tiegħu. Ma rridux ninsew li mhux kollox jiddependi minna. Ma rridux inħossuna li rridu nsolvu kull problema, inwieġbu kull mistoqsija u nikkontrollaw kull sitwazzjoni. Irridu nitgħallmu nafdaw f’Alla, naħdmu flimkien u naqsmu r-responsabbiltajiet.

Kateketista waħdu jista’ jagħmel ħafna ġid, iżda komunità ta’ katekisti li jitolbu flimkien, jitgħallmu flimkien u jappoġġjaw lil xulxin tista’ ssir xhieda ferm aktar qawwija.

Għalhekk ma għandniex nibżgħu nitolbu l-għajnuna, nammettu li hemm affarijiet li ma nafux jew nibdlu metodi li m’għadhomx qed jagħtu l-frott. Lanqas ma għandna ninsew li l-katekisti għandhom bżonn jiġu akkumpanjati, imħeġġa u ffurmati. Min jgħallem għandu bżonn jibqa’ jitgħallem. Min jagħti għandu bżonn ukoll jirċievi.

“Rajt lill-Mulej!” – Il-katekisti bħala xhieda

Nerġgħu lura għal Marija ta’ Magdala. Wara li Ġesù jsejħilha b’isimha, hi tagħrfu u tmur tħabbar lid-dixxipli: “Rajt lill-Mulej!” Din il-frażi hija qasira, iżda fiha l-qalba tal-missjoni Nisranija. Marija ma tgħidx sempliċement li semgħet dwar Ġesù jew li tgħallmet xi ħaġa ġdida dwaru. Tgħid li ltaqgħet miegħu. Hija esperjenzat il-preżenza tiegħu. U din l-esperjenza tant imlitilha qalbha li ma setgħetx tibqa’ siekta.

Hawnhekk tinsab id-differenza bejn persuna li sempliċement twassal tagħlim u persuna li tagħti xhieda. Il-katekista mhuwiex mistenni jkun perfett. Lanqas li jkollu ħajja mingħajr problemi. Iżda għandu jkun persuna li tista’ tgħid, bl-onestà kollha, li ltaqgħet mal-Mulej, li huwa fiċ-ċentru ta’ ħajjitha u li għadha qed titgħallem timxi warajh.

It-tfal tagħna għandhom bżonn jaraw dan. Għandhom bżonn jaraw katekisti li jitolbu mhux biss biex jibdew lezzjoni, iżda għax jemmnu fit-talb. Katekisti li jaħfru u jitolbu maħfra, li juru rispett u li jħobbu. Katekisti li ma jitkellmux biss dwar il-kompassjoni ta’ Alla, iżda juruha fil-mod kif jittrattaw lill-oħrajn. Katekisti li ma jitkellmux biss dwar il-ferħ tal-Għid, iżda juru dan il-ferħ u jippruvaw ikunu sinjali ta’ tama wkoll fil-mumenti diffiċli.

Dan ma jfissirx li għandna naħbu d-dgħufijiet tagħna jew nippretendu li għandna s-soluzzjonijiet kollha. Għall-kuntrarju, xi drabi x-xhieda tagħna ssir aktar awtentika meta t-tfal jaraw li aħna wkoll qed nitħabtu, li li kultant niżbaljaw, iżda li dejjem nerġgħu nduru lejn Ġesù li jilqagħna għax iħobbna. Għax fl-aħħar mill-aħħar, it-tfal jistgħu jinsew ħafna mill-kliem tagħna, iżda diffiċli jinsew persuna li b’imħabbitha għenithom iħossu li Alla jħobbhom.

Il-katekisti huma msejħa biex bix-xhieda ta’ ħajjithom jgħidu: “Rajt lill-Mulej!” U permezz ta’ din ix-xhieda jgħinu lil oħrajn jiskopru li Ġesù huwa ħaj, li jinsab qrib tagħhom u li qiegħed isejħilhom ukoll.

Impenn personali: Lil min qegħdin infittxu?

Nixtieq nagħlaq din ir-riflessjoni billi nerġgħu lura lejn il-ġnien fejn hemm Marija ta’ Magdala. Nistedinkom nimmaġinaw lil Ġesù Rxoxt quddiemna. Huwa ma ġiex biex jiġġudikana. Ma ġiex biex jistaqsina kemm-l attività organizzajna jew kemm konna effiċjenti fil-ħidma tagħna. Huwa ġie biex jiltaqa’ magħna, biex jisma’ qalbna u biex jerġa’ jsejħilna b’isimna. U jistaqsi wkoll lilna: “Lil min qegħdin tfittxu?”

Illum irridu nweġbuh bl-onestà kollha li kultant infittxu aktar li nirnexxu fil-ħidma tagħna milli nfittxu lilu. Kultant infittxu l-apprezzament tal-oħrajn aktar milli l-preżenza tiegħu. Kultant nitħabtu biex ngħallmu lit-tfal, iżda ninsew li aħna wkoll għandna bżonn nitgħallmu mingħandu. Kultant tant inkunu mħassba dwar dak li rridu nagħmlu li ninsew għaliex oriġinarjament sejħilna.

Iżda llum għandna l-opportunità nerġgħu lura lejn l-għajn tal-vokazzjoni tagħna. Nistgħu ngħidulu li rridu nibqgħu nfittxuh, li rridu niltaqgħu miegħu mill-ġdid, li rridu nisimgħu leħnu u li rridu nħalluh isejħilna b’isimna. Irridu nkunu katekisti li jgħinu lil dawk li afdalna f’idejna jiskopru li Ġesù wkoll qed isejħilhom.

Nixtieq li noħorġu minn din ir-riflessjoni mhux bl-ideja li għandna ħafna aktar affarijiet x’nagħmlu, imma b’qalb aktar miftuħa għal Ġesù u b’xewqa mġedda li nimxu warajh.

Il-missjoni tagħna hija li ngħinu lill-oħrajn isibu lil Ġesù, jagħrfu li hu jħobbhom u jitgħallmu jimxu warajh. Iżda dan jista’ jseħħ biss jekk aħna stess nibqgħu nfittxuh kuljum. Għax qabel ma nkunu katekisti, irridu nibqgħu nkunu dixxipli. Qabel ma nwasslu lil ħaddieħor għand Kristu, irridu nkunu aħna stess nies li niltaqgħu miegħu.

✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?