Ippubblikat it-Tieni Volum ta’ ‘L-Għanja tat-Tifkira’                            

Michael Caruana

Dan hu l-isem tat-tieni volum tal-ktieb ta’ poeżiji li Joe M. Attard għadu kemm ippubblika wara li għaxar snin ilu kien ippubblika l-ewwel volum. Bħall-ktieb ta’ qablu dan qed jiġbor fih għadd ta’ poeżiji li, kif jindika l-isem, iridu jfakkru xi ġrajja fil-ħajja tal-Għawdxin.

F’Għawdex, b’mod speċjali lil Joe Attard, ħafna jfittxuh biex jiktbilhom xi poeżija għal funeral, xi anniversarju ta’ tieġ, xi magħmudija, xi Preċett, Griżma tal-Isqof, xi birthday, inkella xi ġrajja oħra fil-familja. Ma jonqsux ukoll xi poeżiji dwar xi okkażjoni speċjali li tkun ġrat f’Għawdex, xi kxif ta’ monument u ġrajjiet oħra. 

Il-poeta mbagħad iżomm xi appuntamenti fissi wkoll matul is-sena bħal ngħidu aħna, il-Father’s Day, il-Mother’s Day, il-festa ta’ San Valentinu, il-Kunċizzjoni, San Ġorġ, Santa Marija, il-Milied, il-Karnival u bosta mill-festi titulari tal-Għawdxin meta mhux ukoll xi wħud f’Malta li jiġi mitlub jikteb. L-awtur għandu għal qalbu l-vers tat-tmienja, li hu vers popolari ħafna u fil-fatt fost il-poeżiji nsibu wkoll xi innijiet bħal ngħidu aħna wieħed lil Santa Rita li ta’ kull sena jindaqq mill-banda Ta’ Sannat fil-purċissjoni tal-qaddisa, San Bartilmew f’Ħal Għargħur u xi kanzunetti oħra.

Fil-poeżija tiegħu Joe M. Attard għandu ħabta jirrima t-tieni vers mar-raba’ wieħed. 

Il-ktieb għandu Daħla minn Dr Joe Zammit Ciantar, studjuż, eks lettur tal-Malti u awtur ta’ bosta kotba u produzzjoni ta’ Francesco Pio Attard.

It-tnedija tal-ktieb se ssir fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard nhaer it-Tlieta, 17 ta’ Novembru taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Miriam Spiteri Debono.

Il-ktieb jista’ jinkiseb f’forma ta’ hardbound għall-prezz ta’ €15 inkella paperback għall-prezz ta’ €10. 

Tiskantax jekk xi poeżija li xi darba tlabt lill-awtur issibha mperrċa f’din il-pubblikazzjoni! Dan il-volum hu stampat b’mod tassew pulit għand A&M Printing tal-Qala Għawdex b’disinn tal-qoxra ta’ Stefan Attard. Kulmin hu interessat jista’ jikteb lill–awturfl-indirizz elettroniku emarjos@hotmail.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?