Salib

Is-salib, li darba kien l-għodda tal-mewt l-aktar ħarxa u tal-biża’, sar l-eqdes u l-għeżeż oġġett għan-nisrani. Għax fuqu miet Ġesù Kristu u bih salvana mill-kundanna ta’ dnubietna. “Bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art” (Kol 1,20). Din hi r-rivelazzjoni tal-valur tal-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib, kif inhi mogħtija fil-paġni tat-Testment il-Ġdid. Ġesù tana l-ħajja b’mewtu, u b’mewtu fuq is-salib. Fid-dinja Rumana ta’ dak iż-żmien il-mewt tas-salib kienet il-kundanna tal-mewt tal-ilsiera u tal-agħar nies. Kienet il-mewt tal-eħrex tbatija u tal-akbar mistħija. “Skandu għal-Lhud u bluha għall-Griegi” (1 Kor 1,23). Għal-Lhud kienet sinjal ta’ saħta ta’ Alla, għax hekk hemm miktub: “Misħut min ikun imdendel mal-għuda” (Dt 21,23; Gal 3,13). Għalhekk il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib kienet skandlu, tfixkil, għalihom. Ma setgħux jifhmuha kif mis-saħta setgħet toħroġ il-barka. Imma hekk sar. “Kristu fdiena mis-saħta tal-liġi billi sar hu nnifsu saħta għalina” (Gal 3,13). Dan kien il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tad-dinja permezz tas-salib ta’ Ibnu Ġesù Kristu. Dan kien ukoll bluha għall-għorrief Griegi. Il-pagani kienu jidħku bl-insara għax dawn kienu jemmnu f’Salvatur imsallab. Iżda “l-bluha ta’ Alla hija għarfa aktar mill-bnedmin” (1 Kor 1,25). Dan hu l-għerf tas-salib skont il-pjan ta’ Alla kif inhu rrivelat fit-Testment il-Ġdid.

L-awturi tat-Testment il-Ġdid jippreżentaw bi kliem ċar u qawwi l-valur salvifiku tal-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib. Il-mewt ta’ Ġesù hi sagrifiċċju veru u sagrifiċċju ta’ tpattija għall-maħfra tad-dnubiet. (Mk 14,24; Mt 26,28; Lq 22,19-20; 1 Kor 11,24; eċċ). Hu ħsieb dominanti fit-teoloġija ta ’ San Pawl, li s-salvazzjoni hi l-effett tal-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib. Għalhekk “il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina hi l-qawwa ta’ Alla” (1 Kor 1,18). Ġesù miet fuq is-salib bħala “vittma ta’ espjazzjoni” (Rum 3,25), vittma ta’ tpattija għall-maħfra tad-dnubiet tad-dinja. Hu “l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1,29.36). Għalhekk miet fuq is-salib bħall-ħaruf tal-Għid għall-ħelsien tal-poplu mill-jasar tad-dnub (Ġw 19,36). Hi din ir-rivelazzjoni li tagħti valur u importanza lis-salib ta’ Ġesù Kristu. Mewtu fuq is-salib fiha nfisha ma kellha xejn speċjali. Kienu ħafna oħrajn li fi żmien Ġesù ġew ikkundannati għall-mewt kiefra tas-salib. Imma l-mewt ta’ Ġesù biss kellha l-valur uniku ta’ tpattija għall-maħfra tad-dnubiet. Dan hu li ta importanza lill-mewt ta’ Ġesù u li sebbaħ is-salib tiegħu. Is-salib ta’ Ġesù hu rebbieħ u glorjuż.

Għalhekk is-salib, l-għodda orribli u mistmerra tal-mewt l-aktar kiefra, sar l-egħżeż oġġett għad-dixxipli tal-imsallab Ġesù ta’ Nażaret. Is-salib sar u hu s-sinjal tan-nisrani u l-ideal ta’ ħajtu. U dan mhux biss fis-sens materjali u letterali, billi jwaqqaf kullimkien ix-xbieha tas-salib, iżda wkoll u l-aktar fis-sens simboliku u spiritwali, billi jgħix imsallab ma’ Kristu. “Issallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu ” (Gal 2,19-20). Dan hu l-ideal tan-nisrani, din għandha tkun ħajtu. Is-salib bħala xbieha hu biss simbolu tal-vokazzjoni nisranija tiegħu. F’sens metaforiku jfisser kif għandu jgħix biex ikun dixxiplu veru tal-Imgħallem tiegħu. “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mk 8,34; Mt 16,24; Lq 9,23). L-Imgħallem jimxi quddiem mgħobbi bis-salib, id-dixxiplu jimxi warajh mgħobbi wkoll bis-salib tiegħu. L-Imgħallem imut imsallab, id-dixxiplu jissallab u jmut miegħu. Fis-sens metaforiku u mistiku dan iseħħ billi n-nisrani jiċħad lilu nnifsu f’dak kollu li ma jaqbilx mar-rieda ta’ Alla, billi joqgħod għas-sagrifiċċji meħtieġa biex jgħix il-ħajja tajba kull jum, billi jgħakkes lilu nnifsu kull meta jkun jeħtieġ. “Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu ” (Gal 5,24). In-nisrani jissallab ma’ Kristu. Imma jemmen li bħalu u miegħu mill-mewt jgħaddi għall-ħajja, u bis-salib jirbaħ il-glorja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?