Meta nitkellmu dwar l-Arċisqof Fulton J. Sheen, jiġu f’moħħna r-radju u t-televiżjoni fejn kien preżentatur b’talent mhux komuni, b’ħila li jiġbed l-attenzjoni u jġiegħel lin-nies jisimgħu. Bi spiritwalità profonda, għaraf juża l-ħila tiegħu b’mod kreattiv biex iwassal lil oħrajn għand Kristu. It-tagħlim tiegħu u l-mod kif jikkomunika, il-ħidma pastorali u l-impatt tiegħu fuq udjenz hekk wiesgħa kienu sostnuti mit-talb u bid-dedikati għall-Evanġelju. Il-ġrajja ta’ ħajtu, kif ippreżentata mill-Knisja, turih bħala evanġelizzatur u ragħaj, u mhux sempliċement bħala xandar magħruf.
Ħajja mibnija fuq it-talb
Fulton Sheen twieled fl-Illinois fl-1895. Studja fl-università u fis-seminarju, ġie ordnat saċerdot fl-1919, u kompla jistudja t-teoloġija, il-liġi kanonika u l-filosofija. Għal ħafna snin għallem fl-Università Kattolika tal-Amerika. Madankollu, ħajtu ma kinitx biss storja ta’ kisbiet akkademiċi jew professjonali. Il-ġrajja uffiċjali tal-kawża tiegħu tgħid li l-ħidma tiegħu kienet sostnuta minn ħajja interjuri profonda, kien devot kbir tal-Ewkaristija kuljum u kellu devozzjoni lejn il-Verġni Marija.
L-Arċisqof Fulton J. Sheen jgħallimna li l-ħidma tagħna trid tkun ġejja mir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Il-ministeru pubbliku tal-Isqof Fulton Sheen wasal għand udjenzi kbar, imma l-pedament tiegħu ma kienx il-mikrofonu jew il-kamera. Kienet il-ħajja ta’ saċerdot fit-talb. L-eżempju tiegħu jfakkarna li nitkellmu dwar Alla mhuwiex l-istess bħal ngħixu qrib Alla. Għan-Nisrani, it-talb mhuwiex ħarba mis-servizz, huwa hu l-ispazju fejn il-qadi jsib direzzjoni, ikun immexxi bil-paċenzja u l-għan tal-ħidma ikun il-glorja t’Alla.
Din it-tagħlima mhijiex biss għas-saċerdoti jew għal dawk li jitkellmu quddiem udjenza. Ikun xi jkun l-istat tal-ħajja tagħna, fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-parroċċa jew fil-ħbiberiji, neħtieġu għajn aktar profonda mill-enerġija tagħna stess. L-eżempju ta’ Sheen jissuġġerixxi li aktar ma jkollna responsabbiltajiet li jidhru, aktar importanti jsir li nsibu ħin għal Alla fil-prattiki kwieti u ordinarji tal-fidi.
Nużaw id-doni tagħna għall-Evanġelju
L-Arċisqof Sheen għaqqad studju serju ma’ ħila straordinarja li jikkomunika. Mill-1930 ’il quddiem, ippreżenta l-programm tar-radju The Catholic Hour għal madwar għoxrin sena. Iktar tard, il-programm televiżiv tiegħu Life Is Worth Living kien jarawh miljuni ta’ telespettaturi kull ġimgħa. Huwa kien jitkellem dwar mistoqsijiet serji tal-fidi b’mod ċar u li jintlaħaq minn kulħadd, u x-xandir tiegħu għen lil ħafna nies jersqu lejn il-Knisja Kattolika.
Hawn naraw bilanċ importanti. L-Arċisqof Sheen ma kienx juża l-għerf tiegħu biex jimpressjona, u lanqas ma kien jaħseb li biex wieħed jispjega l-fidi b’mod sempliċi jrid jagħmilha superfiċjali. Huwa ħadem biex jesprimi veritajiet ta’ sfida b’mod ċar. Għal min jgħallem, jitkellem, jikteb jew jaqsam il-fidi, dan huwa eżempju siewi, li nieħdu l-verità bis-serjetà, u nieħdu bis-serjetà wkoll lil dawk li qed jisimgħuna. Komunikazzjoni tajba ma tnaqqasx il-valur tal-Evanġelju, anzi tgħin lin-nies biex jisimgħu b’attenzjoni.
L-eżempju tal-Arċisqof Sheen jistedinna wkoll naħsbu kif nużaw l-opportunitajiet ta’ żmienna. Sheen laqa’ r-radju u t-televiżjoni bħala mezzi ġodda u qawwija ta’ komunikazzjoni. Ill-Papa Ljun XIV semma l-ħidma evanġelizzatriċi tiegħu permezz tal-mezzi tax-xandir bħala eżempju li jista’ jispira oħrajn biex isibu modi ġodda kif ixerrdu l-Evanġelju. L-aqwa hu mhux li kulħadd irid isir xandar imma li nistaqsu kif id-doni tagħna, bħal kliemna mal-oħrajn, it-tagħlim, il-kitba, il-mużika, l-ospitalità u l-komunikazzjoni diġitali jistgħu jaqdu għall-verità u l-ġid tal-proxxmu tagħna.
Is-suċċess mingħajr il-vanaglorja
Meta jkun hemm udjenza kbira, rikonoxximent pubbliku u riżultati li jidhru jistgħu jagħmlulna kuraġġ, jistgħu jħajruna naħsbu li l-ġid qed isir bis-saħħa tagħna. Din hi tentazzjoni komuni. L-attitudni ta’ Sheen lejn il-ħidma tiegħu turi direzzjoni oħra. F’udjenza, il-Papa Piju XII staqsieh kemm seta’ jgħodd konverżjonijiet bħala frott tiegħu. Sheen wieġeb: “Fil-verità ma għoddejthomx, biex ma nitħajjarx nemmen li kienu tiegħi.” Huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala “sempliċement wieħed li juri l-bieb, li kultant jirnexxilu jwassal lin-nies sal-bieb miftuħ tad-dar ta’ Alla.”
Din ix-xbieha ta’ min juri l-bieb tolqotna. Min juri l-bieb ma jippossjedix id-dar u ma jistax iġiegħel lil ħadd jidħol. Jista’ jgħin lil xi ħadd isib id-daħla, iżda l-istedina u l-laqgħa ma’ Alla huma tiegħu. Sheen seta’ jħejji ruħu, jitkellem u jaqdi; ma setax jippretendi li l-fidi ta’ persuna oħra kienet kisba personali tiegħu.
Din hija lezzjoni ta’ umiltà, speċjalment għal min ġie fdat biex iwassal il-verità. Nistgħu naħdmu b’serjetà u nittamaw li l-ħidma tagħna tagħmel il-frott mingħajr ma nistennew il-prosit. L-għan tal-qadi Nisrani mhuwiex li oħrajn jammirawna, iżda li ngħinuhom jiltaqgħu ma’ Kristu.
L-evanġelizzatur huwa wkoll ragħaj
L-Arċisqof Sheen ma kienx biss komunikatur. Huwa ta servizz bħala mexxej ta’ djoċesi u ħa responsabbiltajiet għall-ħidma missjunarja tal-Knisja. Bħala Isqof ta’ Rochester, ħadem biex iġedded l-istrutturi tad-djoċesi, jappoġġja l-formazzjoni tas-seminaristi u tal-kleru, u jipprovdi għajnuna lill-foqra u lill-morda. Il-ħidma pubblika u dik pastorali tiegħu kienu marbutin flimkien, hekk li hu ħabbar l-Evanġelju u ħadem ukoll biex jieħu ħsieb b’mod straordinarju n-nies fdati f’idejh.
L-evanġelizzazzjoni mhijiex biss li titkellem tajjeb jew tilħaq udjenza kbira. L-Evanġelju jrid jidher ukoll fl-imħabba konkreta. Ix-xhieda Nisranija ma tkunx sħiħa jekk titkellem dwar id-dinjità tal-bniedem iżda tinjora t-tbatija ta’ min hu qrib tagħna. L-eżempju ta’ Sheen isejħilna ngħaqqdu l-kelma li nxandru mal-kura li nagħtu.
Dan jfisser fost ħwejjeġ oħra li ninnutaw lil min jitħalla barra, ngħinu lil xi ħadd marid jew waħdu, nappoġġjaw il-formazzjoni taż-żgħażagħ u naħdmu biex il-ħajja parrokkjali tkun aktar tilqa’ lil kulħadd. Forsi mhumiex azzjonijiet li bihom nidhru quddiem folla, iżda huma parti mill-istess missjoni tal-predikazzjoni, li nagħmlu l-imħabba ta’ Kristu preżenti.
Il-fedeltà quddiem id-diffikultajiet
Il-ministeru tal-Arċisqof Fulton J. Sheen ma kienx ħieles mill-ostakli, mid-diffikultajiet jew min-nuqqas ta’ ftehim. Il-bijografija uffiċjali ssemmi li huwa ltaqa’ ma’ sfidi bħal dawn waqt li kien iwettaq il-ħidma tiegħu. Għalhekk, il-ġrajja tiegħu ma tgħallimniex li l-fedeltà tiggarantixxi triq faċli jew l-approvazzjoni ta’ kulħadd. Tgħallimna l-importanza li nkomplu naqdu kemm fi żminijiet ta’ frott kif ukoll f’dawk diffiċli.
Dan huwa importanti meta nippruvaw ngħixu jew naqsmu l-fidi f’ambjent fejn xi wħud jistgħu ma jaqblux magħna, ma jifhmuhiex, jew sempliċement ma jkunux interessati. L-eżempju tal-Arċisqof Sheen ijħeġġiġna biex inkunu ta’ qalb li tħoss għal min hu fil-bżonn. Inkunu paċenzjużi l-ħin kollu u nkunu fidili għal dak li Alla jkun jixtieq minna f’kull mument. Ir-responsabbiltà tagħna mhix li nikkontrollaw lill-oħrajn dwar kif jirreaġixxu għall-Evanġelju imma li noffru l-Evanġelju b’mod ċar u bi mħabba.
Nistaqsu lilna nfusna
Biex naslu għal dan, nistaqsu spiss lilna nfusna: Qed inħalli spazju għat-talb u għas-sehem fis-Sagramenti, jew qed noqgħod biss fuq il-ħila tiegħi? Kif nista’ nikkomunika l-fidi b’mod aktar ċar u b’aktar karità? Lest nitgħallem, nisma’ u nitkellem b’mod li ħaddieħor jista’ jifhem? Qed infittex li naqdi, jew li nkun innutat? Kapaċi nirringrazzja għal riżultati tajbin mingħajr ma nippretendihom bħala tiegħi? Ix-xhieda tiegħi tinkludi kura konkreta? Min madwari jeħtieġ inkuraġġiment, għajnuna prattika jew min jisimgħu bil-paċenzja? Nista’ nibqa’ fidil meta r-rispons ikun diffiċli? Lest nagħmel dak li hu tajjeb anki jekk ma nfaħħarnix għalih?
Il-ħajja tal-Arċisqof Fulton J. Sheen tiġbor fiha dawn il-mistoqsijiet. It-tagħlim tiegħu tqiegħed għas-servizz tal-Evanġelju, il-komunikazzjoni tiegħu laħqet nies ’il bogħod mill-ambjent immedjat tiegħu, il-ministeru tiegħu kien sostnut mit-talb u t-tmexxija tiegħu kienet tinkludi kura pastorali. L-eżempju tiegħu ma jsejħilniex biex nimitaw il-personalità jew il-karriera tiegħu, iżda nimxu fuq il-mudell aktar profond li kien hemm fl-appostolat tiegħu. Nibqgħu qrib Kristu, nużaw id-doni tagħna b’ġenerożità, naqdu lill-oħrajn b’mod konkret, u nħallu l-frott tal-ħidma tagħna f’idejn Alla.
(L-Arċisqof Fulton J. Sheen ġie dikjarat beatu mill-Kardinal Luis Antonio Tagle, rappreżentant tal-Papa Ljun XIV, fl-24 ta’ Settembru 2026.)
Joe Galea
