Ħsibijiet dwar il-Qari tal-Quddiesa mill-Apokalissi

F’dawn il-jiem, kif resqin lejn l-aħħar tas-sena Liturġika, l-ewwel qari tal-Quddiesa jkun mill-ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann. Qari twil u tqil, imma tassew interessanti.

L-Apokalissi, ktieb mimli simboliżmu ta’ rivelazzjoni.

Fih jissemma’ n-numru famuż: 144,000. Dan hu numru simboliku, magħmul minn 12 x 12 x 1000, mibni fuq it-tnax-il tribu’ ta’ Israel u jfisser il-poplu t’Alla fit-totalita’ tiegħu. Israel ma jirrappreżentax biss nazzjon imma l-poplu t’Alla kollu, dawk li jemmnu, Lhud tat-Testment il-Qadim u Lhud u Nsara tat-Testment il-Ġdid. In-numru 144,000 hu identiku għall-“kotra kbira, li ħadd ma jista’ jgħoddha”, minn kull ġens u lsien. Filwaqt li l-Bibbja tgħid li hemm min jibqa’ barra mis-saltna għax irid, tafferma b’mod ċar li s-salvatuħa għal kulħadd.

L-Apokalissi jġagħlna nistaqsu: “Jien x’nidħol f’dan,… illum? X’inhuma l-“ktieb issiġillat”, l-“erba’ Ħajjin” u l-“erbgħa u għoxrin xiħ”? Xi jfisser dan u aktar fis-simboli tal-Apokalissi? Hu lingwaġġ tqil, imma nistgħu nieħdu l-ġid minnu. L-erba’ “Ħajjin” u l-“erbgħa u għoxrin xiħ” jużaw is-sensi kollha tagħhom bex iqimu l-“Ħaruf”. Il-kant tagħhom, li jinstema’ mad-daqq tal-kitarra, it-tazzi tagħhom tad-deheb ileqqu u l-inċens ifuh huma offerta lill-“Ħaruf” rebbieh. Kull wieħed minna, skont it-talenti tiegħu, waħdu jew f’sinfonija ma’ oħrajn, jista’ juża s-sensi tiegħu biex ifaħħar lill-Mulej, bil-kant, bil-kitba, bil-pittura, bl-iskultura jew bl-arkitettura. Il-persuna kollha tagħna tista’ tfaħħar lil Alla.

L-Apokalissi jisemmi l-‘ktieb iż-żgħir”. San Ġwann, li lilu nattribwixxu l-Apokalissi, jgħid li dehrlu anġlu u stiednu biex jiekol il-ktieb biex ikun jista’ jħabbar x’se jsir fil-ġlieda li se jkun hemm kontra Kristu. Dan hu eku tal-kmand li ġie mogħti lill-profeta Eżekjel bex jiekol il-parċmina ħalli jkellem lil dar Israel; parċmina “ħelwa daqs il-għasel”. Fl-Apokalissi, l-awtur isemmi l-“ktieb iż-żgħir” li hu ħelu biex tieklu imma jġib imrar f’min jieklu. Dan il-ktieb fih dwar il-ġlidiet terribbli kontra l-forzi tal-qirda imma jħabbar ukolli l-miġja ta’ dinja ġdida u l-belt li fiha aħna lkoll se nkantaw il-glorja ta’ Alla.

Iktar ma ssir midħla tal-ktieb tal-Apokalissi, tarah mill-iktar interessanti. Fil-mixja ta’ dawn il-jiem, l-Apokalissi jlaqqagħna ma’ 7 angli. In-numru seba’ hu numru bla tarf, b’differenza min-numru 666, li jissemma’ wkoll fl-Apokalissi, li hu n-numru tal-Bhima (il-forza tal-ħażen) u li hu numru limitat. Il-ħażen jisfigura l-umanità tagħna u tad-dinja tagħna bil-vjolenza, il-firdiet u l-oppressjoni. Il-ħażin jitfixkel fih innifsu u ma jilħaqx il-milja tiegħu. It-tajjeb, simbolizzat min-numru 7, jasal għall-milja tiegħu. Għalhekk li llum qed nirċievu dan il-messaġġ ta’ tama.

L-Apokalissi jlaqqagħna ma ħaġa serja: il-ġudizzju, meta kull wieħed u waħda minna se nidhru quddiem Alla. L-awtur tal-Apokalissi jġib it-tixbiha tal-minġel ta’ żmien il-ħsad. Dan m’għandux ibeżżagħna, għax il-ġudizzju tagħna għandu jkun il-maturità tal-fidi, tal-imħabba u tat-tama tagħna. Hawn m’aħniex ‘il bogħod mill-parabbola taz-żerriegħ fejn hemm stedina biex inwasslu l-frott tagħna fid-dinja tal-lum. Il-ġudizzju jibda mill-preżent, fl-għażliet konkreti li nagħmlu għall-ġustizzja, għall-ħniena u għad-djalogu fil-ħajja ta’ kuljum. 

San Ġwann jara “sema ġdida u art ġdida”; lil hemm milli tara l-midja llum bl-aħbarijiet li ġġibilna. Aħna għandna t-tama fil-grazzja tal-Qawmien li tirbaħ fuq dak li hu ikrah u qadim. Il-ħsieb tad-“d-dinja ġdida” jgħinna nesperimentaw it-tajjeb, l-aktar meta nagħtu sehmna fir-rebħa tiegħu.

Fl-Apokalissi naraw li s-saltna t’Alla u tal-Ħaruf twassal li jfawwar l-ilma tal-ħajja. Il-Magħmudija tagħna għaddsitna f’din l-għajn tal-ilma fejn is-siġra tal-ħajja xejnet is-saħta li ngħatat mill-Ħażin. Il-gidba oriġinali li firdet lill-bniedem minn Alla tiegħu issa nkixfet. Aħna ħielsa. Nistgħu nżommu weqfin, fil-verità. Il-wiċċ ta’ Alla jdawwalna, l-isem tiegħu ireġġagħna għat-tajjeb. Imbierka l-Knisja li tisma’ l-kelma tal-Iben t’Alla u tħarisha.

Kuntrarju għal kif ġiet interpretata din is-silta tal-Apokalissi għal żmien twi – hekk li raw il-perjodu ta’ elf sena bħala renju glorjuż ta’ Kristu fuq l-art bi preparazzjoni għall-battalja finali qabel tasal is-saltna t’Alla – illum il-biblisti jippreferu li jmorru għall-ħsieb ta’ San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin. Ir-renju ta’ Kristu beda bil-qawmien tiegħu mill-mewt u llum aħna qegħdin ngħixu fi żmien il-gwerra kontra l-forzi tal-Ħażin – skont l-Apokalissi ix-Xitan, Satana, li hu mirbuħ u (simbolikament) marbut bil-ktajjen. Dan sakemm l-imħabba t’Alla tiġbor f’ċelebrazzjoni waħda il-ħajjin u l-mejtin. Id-dettal sabiħ f’din is-silta tistieden lil dawk li jemmnu biex jittamaw xorta waħda, ukoll jekk il-vjolenza tidher li qed taħkem fuq l-art.

L-Apokalissi jagħtina viżjoni tal-“fidwa tagħna li hi riesqa”. L-Iben t’Alla, il-Ħaruf li ġie offrut b’sagrifiċċju, hu Ġesù Kristu, rebbieħ fuq il-mewt: Ġesù ġej. Lil hemm min-neguzjanti tad-dinja li jġennu lill-popli, folla mmensa fis-sema qed tipproklama s-saħħa, il-glorja u l-qawwa ta’ Kristu. Dan il-kantiku huwa r-ritmu tat-tifħir tagħna. Imbierka l-Knisja li hi mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?