L-Assemblea tagħmel valutazzjoni pastorali. Diskors tal-Isqof Joseph Galea Curmi

19 ta’ Novembru 2026 – Introduzzjoni għall-Assemblea Djoċesana 2026
Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni, B’kara

Nilqagħkom ilkoll għal din l-Assemblea Djoċesana tagħna. Kif tafu, l-Assemblea hi esperjenza ta’ sinodalità, u hi marbuta mal-Pjan Pastorali tal-Arċidjoċesi bit-tema “Il-Knisja f’Malta: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni”, u mal-implimentazzjoni tiegħu.

Ħa nibda bi kwotazzjoni: “Irridu nisimgħu dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knisja llum (Apok 2 u 3). Nagħmlu eżami tal-ħajja u tal-ħidma bħala Knisja, u nistaqsu lilna nfusna: Fiex mexjin skont dak li jrid Alla? X’jeħtieġ li jiġġedded? X’irid Alla minna f’dan il-mument tal-istorja? U kif se nwieġbu għal dan bl-akbar impenn? X’jeħtieġ jinbidel biex inkunu aktar Knisja skont il-qalb ta’ Alla? Ilkoll – bħala Knisja waħda – nagħmlu eżami tal-kuxjenza… Fejn naraw li hu tajjeb, insaħħuh. Fejn nindunaw li hemm x’jirranġa ruħu, ikollna l-kuraġġ nirranġawh u ma nħalluhx itaqqlilna l-pass”.

Din hi silta mill-Ittra Pastorali tal-Bidu tas-Sinodu Djoċesan ta’ Malta (21/09/1999). Ftakart fiha meta qrajt id-diskors sabiħ li l-Papa Ljun XIV għamel fl-Assemblea Djoċesana ta’ Ruma, fejn għamel enfasi partikulari fuq il-“verifica pastorale” li tfisser il-valutazzjoni pastorali.

Il-Papa qal hekk fl-Assemblea Djoċesana ta’ Ruma: “Li nagħmlu valutazzjoni fid-dawl tal-Ispirtu s-Santu jfisser li nieqfu ftit, nerġgħu nħarsu lejn dak li seħħ, nagħrfu dak li ta l-frott, nifhmu dak li ma ħadimx, u flimkien infittxu r-raġunijiet għal dan. Fi ftit kliem, ifisser li nfittxu l-verità”. Hu jagħmel stedina biex f’din il-valutazzjoni ninvolvu l-komunità kollha u, sa fejn ikun possibbli, billi nisimgħu wkoll lil dawk li jaraw l-affarijiet, biex ngħidu hekk, “minn barra”. Hu preċisament dan li l-Assemblea Djoċesana, minn meta ġiet introdotta wara s-Sinodu, kellha u għandha bħala għan: li kull sena ssir valutazzjoni pastorali.

Il-Papa jsemmi erba’ punti ta’ għajnuna f’din il-valutazzjoni pastorali, li hu jiddistingwihom minn xulxin imma jfisser li fil-fatt jiffurmaw dinamika waħda. Nixtieq li nirriflettu fuqhom aħna u nagħtu bidu għall-Assemblea Djoċesana.

1. Niltaqgħu ma’ Kristu u ngħinu lill-oħrajn jiltaqgħu miegħu

Il-Knisja ma teżistix għaliha nnifisha, iżda biex twassal lil kull persuna għal laqgħa mal-Mulej. Għalhekk, mhux biżżejjed nistaqsu jekk attività hijiex organizzata tajjeb, jekk tattirax ħafna parteċipanti, jew jekk ilha ssir għal ħafna snin (dak li kemm-il darba nisimgħu: “dejjem kien isir hekk, dejjem hekk għamilna”). Jeħtieġ nistaqsu jekk tassew twassalx għand Kristu, jekk iġġibx l-Evanġelju f’kuntatt mal-ħajja reali tan-nies.

2. Nibnu komunitajiet

Mill-Għid ta’ Kristu jitwieldu komunitajiet ġodda, ħielsa u rikonċiljati. Il-Papa jsejħilna biex ikollna l-kuraġġ niffukaw fuq dak li hu essenzjali, biex nagħmlu spazju għal relazzjonijiet ġenwini, li fihom in-nies iħossuhom parti minn komunità: iħossuhom milqugħa, akkumpanjati, apprezzati u responsabbli flimkien. Nimpenjaw ruħna biex noffru liż-żgħażagħ il-ħin tagħna u widna li tisma’, kemm fl-inizjattivi tagħna kif ukoll lil hinn minnhom.

3. Ngħixu fil-belt u naqduha

Il-Papa jitkellem dwar il-belt ta’ Ruma, u aħna nitkellmu dwar Malta, li mhijiex sempliċement l-isfond indifferenti tal-komunitajiet tagħna: hija l-post fejn titwettaq il-missjoni tagħna. Il-komunità li titwieled mill-Irxoxt ma tistax tibqa’ magħluqa fiha nfisha, iżda għandha taqsam it-tamiet, il-vulnerabbiltajiet u l-mistoqsijiet tan-nies; u għandha titgħallem tagħraf, f’dak li jiġri, il-mistoqsijiet li għalihom l-Evanġelju jista’ jagħti tweġiba, jekk jerġa’ jiġi milqugħ.

4. Il-formazzjoni tal-Poplu ta’ Alla

Il-Papa jsemmi dan il-punt bħal punt li jolqot lill-oħrajn li jsemmi: il-formazzjoni tal-Poplu ta’ Alla. L-attivitajiet tagħna jinkoraġġixxu t-tkabbir fil-fidi? Jiffurmaw dixxipli missjunarji? Jgħinu fl-iżvilupp tas-sens ta’ responsabbiltà ekkleżjali? Irawmu fidi matura, li kapaċi tinbidel f’għażliet konkreti ta’ ħajja u ta’ servizz?

Kif nistgħu nintebħu, dawn il-punti qegħdin inklużi fil-Pjan Pastorali tal-Arċidjoċesi tagħna, u għalhekk hu ta’ sodisfazzjon li hu proprju l-Papa li qed jenfasizzahom. Fl-istess waqt, iservu biex ifakkruna fuqiex għandna niffokaw.

Il-Papa jgħid li l-qalba tal-metodu propost hija mistoqsija sempliċi ħafna: “għaliex?”. Hija kwistjoni li nieqfu flimkien u nistaqsu lilna nfusna dwar dak kollu li nagħmlu: għaliex qed nagħmluh? Liema intenzjoni, imnebbħa mill-Evanġelju, qed tmexxina? Liema ħtieġa reali qed infittxu li nilħqu? B’liema mod din l-għażla taqbel mal-missjoni tal-Knisja?

Imbagħad jiġi t-tieni pass: għaliex qed niksbu dawn ir-riżultati u mhux oħrajn? Għaliex xi inizjattivi jrawmu mixjiet ta’ fidi, filwaqt li oħrajn jibqgħu iżolati? Għaliex xi nies jieħdu sehem, filwaqt li oħrajn jibqgħu fil-ġenb? Ħaġa li tolqotni hi kif il-Papa jsemmi wkoll dak li sejjer tajjeb, dak li hu pożittiv; kultant jiġrilna li ninjorawh, imma hu importanti ħafna li aħna nagħrfu napprezzaw il-ħafna tajjeb li jsir.

Għaliex? Din hi mistoqsija li għandha tkun dejjem preżenti, u li nagħmluha f’ambjent ta’ talb u dixxerniment. Il-Papa jgħid li meta naraw ir-raġunijiet li hemm wara l-għażliet tagħna u r-raġunijiet li jispjegaw l-effetti tagħhom, hemmhekk nistgħu naslu għal dixxerniment awtentiku, li jgħinna nagħrfu x’għandu jinżamm, x’għandu jiġi apprezzat, x’għandu jiġi kkoreġut, x’għandu jieqaf isir, u x’għandu jinbeda.

Kif nafu, is-servizz pastorali huwa impenjattiv ħafna, forsi aktar milli kien fil-passat. Imma l-Papa jgħidilna xi ħaġa importanti ħafna: “Ngħidilkom b’mod ċar li l-arti tal-valutazzjoni pastorali ma titlobkomx tagħmlu aktar: għall-kuntrarju, tagħtikom il-permess tagħmlu inqas, iżda tagħmluh aħjar. Jekk il-valutazzjoni pastorali kellha ssir piż ieħor fuq spallejkom, inkunu ttradejna l-istess skop tagħha”. Ħa nżommu dil-kelma tal-Papa Ljun XIV bħala ispirazzjoni u gwida li tgħinna fil-laqgħa tagħna għall-Assemblea Djoċesana f’dawn il-jumejn.

Nixtieq nuri l-apprezzament lejn il-Vigarjat għall-Koordinament Pastorali, li qed jieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ din l-Assemblea, u dawk kollha li b’xi mod qed jagħtu sehem fiha. Fil-mixja lejn din l-Assemblea Djoċesana, għall-ewwel darba saret ukoll Assemblea għaż-Żgħażagħ u Assemblea għat-Tfal u l-ġenituri tagħhom – inizjattivi tassew pożittivi, li fuqhom nisimgħu aktar tard.

Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina d-dawl u jgħinna nkunu dejjem f’attitudni ta’ dixxerniment ħa nagħrfu dak li hu qed jgħidilna fi żmienna u dak li qed jistedinna għalih. Grazzi ħafna.

✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?