L-400 ANNIVERSARJU TAD-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKA PAPALI TA’ SAN PIETRU
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
L-Erbgħa 18 ta’ Novembru 2026
Omelija tal-Papa
Għeżież ħuti,
Il-festa li llum qed tiġborna hawn fil-ferħ tqiegħed mistoqsija quddiem kull wieħed u waħda minna: x’ħassejna aħna u deħlin fil-Bażilika ta’ San Pietru? Meta wieħed iżur dan it-tempju maestuż dejjem iħoss emozzjoni: ninħakmu minn sens ta’ stagħġib, imqanqal mis-sagralità tal-fidi, mill-qawwa tal-istorja, mill-ġmiel tal-arti. Imma dan kollu jistrieħ fuq qabar fqajjar: dak tas-Sajjied tal-Galilija, Xmun bin Ġona. Għaliex dan il-post ta’ dfin sar wieħed mill-aktar monumenti ċelebri tad-dinja kollha, fil-qalba tal-Kattoliċiżmu? Iweġibna l-Vanġelu li smajna (Mt 16:13-19), meta jirrakkonta l-fidi ta’ bniedem li jsir ħlejqa ġdida, bir-rieda ta’ Ġesù, l-Imgħallem u Sid tiegħu. Dan ir-rakkont ikebbes illum il-qalb tagħna fl-Ewkaristija solenni li qed niċċelebraw għar-raba’ ċentinarju mid-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Vatikan, li seħħet fit-18 ta’ Novembru 1626 mill-Papa Urbanu VIII, li l-fdalijiet tiegħu jistrieħu proprju hawn, biswit il-katedra tal-Appostlu.
Dik it-talba tibqa’ ħajja sekli sħaħ, u turina b’mod ċar is-sens u l-valur tal-kapulavur li qed jilqagħna fih, u li s-Santa Sede ħarset b’għożża partikulari, anki permezz tal-opri tal-Fabbrika ta’ San Pietru. Bi pjaċir nieħu l-okkażjoni li rrodd ħajr minn qalbi lill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Mauro Gambetti, għas-servizz li wettaq bħala Arċipriet u President tal-Fabbrika, u li nagħti merħba lill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Vittorio Viola.
Fil-verità, din il-binja kollha, f’kull element tagħha, isservi lil realtà waħda: il-fidi. Il-fidi ta’ Pietru, il-fidi Kattolika, il-fidi tagħna. Għalhekk, fil-Bażilika kollha tidwi l-mistoqsija li Kristu għamel lid-dixxipli tiegħu: “Intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15). Meta nisimgħu kliem Ġesù, aħna li ġejjin minn tant nazzjonijiet differenti nsibu lil San Pietru jaqbdilna jdejna, biex hekk nistqarru flimkien il-verità li ssalva: Mulej, “int il-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). Din hi l-confessio Petri, jiġifieri l-verità li hu ta xhieda tagħha flimkien mal-martri Rumani: stqarrija li saqqiet l-art tal-għolja Vatikana biex mal-medda tas-sekli għamlet frott ta’ qdusija.
Illum, għeżież, dan il-frott huwa aħna, ġebel ħaj, tempju tal-Ispirtu s-Santu mibni fuq il-fundament li huwa Kristu; filwaqt li, matul is-sekli, huwa s-suċċessjoni appostolika kontinwa, it-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja li għandha lil Ġesù nnifsu bħala prinċipju u kriterju. Għalhekk kliem il-Mulej hu minqux, bil-Latin u l-Grieg, fuq l-ogħla friż tal-Bażilika: “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18). Huwa u jimmeditahom, San Ljun il-Kbir stqarr: “Kif jibqa’ dak li Pietru emmen fi Kristu, hek jibqa’ dak li Kristu waqqaf fil-persuna ta’ Pietru” (De Natale ipsius, III), jiġifieri ministeru għas-servizz tal-Knisja kollha, għas-salvazzjoni tad-dinja. Mela hawn m’għandniex biss ġrajja tal-imgħoddi: bħal Xmun tal-Galilija, hekk kull wieħed u waħda minna jiġi msejjaħ jiskopri l-missjoni tiegħu fid-djalogu ma’ Ġesù.
Il-Mulej ikompli dan l-istess djalogu u jistaqsi lill-Appostlu tiegħu: “Tħobbni int?” (Ġw 21:17). Tħobbni? Mistoqsija li tħabbat fil-qalb ta’ kull Papa, kif irrikonoxxew il-Predeċessuri tiegħi, għaliex “il-missjoni li Pietru jirċievi biex jirgħa n-nagħaġ u l-ħrief tiegħu dejjem sa tkun f’relazzjoni ma’ din l-imħabba mogħtija b’xejn, ma’ din l-imħabba tal-ħbiberija” (Franġisku, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit, 250). Għal Xmun Pietru, u hekk għal kull dixxiplu ta’ Ġesù, l-esperjenza tal-fidi ma tistax tinfired mill-ħbiberija miegħu, magħruf bħala veru Alla proprju mill-umanità tiegħu. L-isem ġdid, li Xmun jirċievi, jagħti xhieda ta’ kif “il-ħajja fit-tifsira vera tagħha hi ħaġa li aħna ma jkollniex minna nfusna jew fina nfusna: hija relazzjoni. U l-ħajja fis-sħuħija kollha tagħha hija relazzjoni ma’ dak li hu l-għajn tal-ħajja” (Benedittu XVI, Ittra enċiklika Spe salvi, 27).
F’din ir-relazzjoni ma’ Ġesù, magħmula minn smigħ u fiduċja, waqgħa u fidwa, Pietru jistaqsi: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68). Din hija l-fidi, li minnha aħna għandna sehem: li nagħrfu lil Ġesù bħala l-Mulej u l-Imgħallem ifisser li nsibu l-verità tagħna nfusna, għaliex “Kristu jaf ‘x’hemm fil-bniedem’: Hu biss jafu dan!” (San Ġwanni Pawlu II, Omelija fil-bidu solenni tal-ministeru Petrin, 22 ta’ Ottubru 1978). Fil-bniedem, fit-tempju interjuri tagħna, Ġesù jlissen il-kelma tas-salvazzjoni flimkien ma’ isimna. U l-Bażilika li llum qed tilqagħna fiha hi b’xi mod sinjal tal-ispazju sagru tal-kuxjenza, fejn tgħix il-fidi, u timmatura fil-ħbiberija mal-Mulej u fil-qadi tal-Knisja, sal-punt tal-martirju.
Għal din ir-raġuni l-qabar ta’ San Pietru hu għalina lkoll post ta’ fidi u memorja ta’ fidwa, sa miż-żminijiet tan-nekropoli antika Rumana u f’kull epoka li ġiet wara. Fil-fatt, l-imperatur Kostantinu ried li tinbena l-ewwel Bażilika fuq il-qabar tal-Appostlu; f’dak it-tempju l-Papa Klement VIII ikkonsagra l-altar li fuqu sal-lum niċċelebraw il-misteri divini. Fil-bidu tas-seklu 16, il-binja Kostantinjana kellha bżonn ta’ tiġdid ġenerali. Għalhekk beda proġett li involva fih l-aħjar imħuħ ta’ dak iż-żmien, irġiel ta’ moħħ inġenjuż u artisti fosthom Bramante, Raffaello, Michelangelo. Flimkien magħhom illum niftakru fil-persuni kollha li taw sehemhom biex bnew dan it-tempju, u taw glorja lil Alla bit-talenti tagħhom, it-taħbit tagħhom, il-ġid tagħhom: id-dar li qegħdin fiha hi opra tassew ekkleżjali! Hekk il-binja ġdida tal-Bażilika telgħet fuq l-istess pedamenti: l-istorja arkitettonika ta’ San Pietru tirrifletti dik tal-fidi li hi ċċelebrata fih, jiġifieri l-istorja tal-Knisja bħala organiżmu ħaj, ġisem ta’ Kristu. Sinjal speċjali ta’ dan huma l-konċilji ekumeniċi li saru hawn: Vatikan II u Vatikan II, li flimkien jagħtuna l-kliem tal-fidi, biex inħabbruhom f’kull rokna tad-dinja.
Fiċ-ċentru u fil-bażi ta’ din il-missjoni dejjem hemm il-ġebla waħda tax-xewka: Kristu msallab u rxuxtat. Huwa l-pedament imwarrab mis-setgħana ta’ din id-dinja, li jibqa’ għall-popli ġebla “magħżula u għażiża; min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad” (1 Piet 2:6; ara Iż 28:16). F’dan is-sens, l-isem ġdid ta’ Pietru juri l-assimiljazzjoni tal-Appostlu ma’ Kristu, il-komunjoni ta’ ħajja miegħu sas-salib. Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika, li llum qed infakkru, tissiġilla din il-korrispondenza: hija att solenni li jolqotna lkoll, għax il-ħajja ta’ Ġesù tgħammar dejjem f’dan it-tempju proprju fil-ġrajja l-aktar importanti li sseħħ fiha, jiġifieri ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Dan is-Sagrament huwa l-ogħla kapulavur li wieħed jista’ jikkontempla, f’San Pietru kif ukoll fl-iċken knisja tad-dinja. Fl-Ewkaristija, Ġesù jsir wieħed minna, dejjem: tassew hu l-Għimmanu-El, Sid l-istorja li jgħammar fid-“dar it-talb għall-popli kollha” (Iż 56:7). Minn hawn u ftit ieħor, fil-mument tal-konsagrazzjoni tal-ħobż u l-inbid, ħarsitna u qlubna jikkonċentraw fuq il-Ħaruf maqtul u rxuxtat: il-Knisja kollha tinġabar flimkien f’dan il-ġest. Huwa b’xhieda tiegħu, Bin Alla l-ħaj, li telgħet din il-Bażilika mill-isbaħ. Huwa għall-qadi tiegħu u ta’ kull bniedem li l-Knisja teżisti u timxi fl-istorja. “Is-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” (Mt 16:18): mhix se tirbaħ il-gwerra, jekk aħna nxandru l-paċi; mhix se tirbaħ il-miżerja, jekk aħna nagħtu xhieda tal-karità; mhux se jirbaħ l-iżball, jekk aħna ngħallmu l-verità; mhux se tirbaħ id-disperazzjoni, jekk aħna nxandru lil kulħadd is-salvazzjoni f’isem Ġesù.
Din hi l-missjoni tagħna, l-istess waħda li San Pietru rċieva fuq ix-xatt tal-għadira tal-Galilija u li tiġi mgħoddija lis-suċċessuri tiegħu, sal-aħħar taż-żmien, skont ordni preċiż ta’ mħabba: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21:17). Biex iwettaq dan il-ministeru, min ġie qabilna fil-fidi naqqax il-Vanġelu fl-istorja, qabel ma naqqxu fl-irħam: il-ġmiel ta’ din l-opra appostolika ssejjaħ lilna lkoll għall-qdusija tal-ħajja, biex inkompluha bil-ħeġġa.
Għeżież, inħarsu lejn il-bibien wesgħin, l-arkati, il-gallariji u t-twieqi tal-Bażilika, li jinfetħu beraħ fuq il-Pjazza u fuq id-dinja bi stedina universali: “Ejjew, idħlu, duqu!”. F’kelma waħda: “Emmnu!”. Emmnu mhux bil-ġebel sabiħ (ara Lq 21:5), li ż-żmien bla dubju ta’ xejn itemm, imma bil-fidi li tgħaddi minnhom, rifless u memorja tal-binja spiritwali li hija l-ġisem ta’ Kristu. Il-kobor tal-Bażilika Vatikana b’dan il-mod jirrifletti vokazzjoni dejjiema għall-akkoljenza, biex l-ikbar numru ta’ persuni jsibu wisa’ fil-Knisja. F’dan is-sens nistgħu ninterpretaw ir-riga tal-kejl tal-knejjes kbar li hemm għaddejja fl-art tal-korsija: hi prova u memorja tal-ospitalità Kattolika, li hawn f’Ruma ssib is-sinteżi tagħha, bħala sinjal ta’ tama għad-dinja kollha.
