Il-Ħadd, 22 ta’ Novembru 2026: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-34 Ħadd ta’ Matul is-Sena u fis-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu. Parroċċa ta’ Santa Luċija, Imtarfa.
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Jekk Alla jrid, il-Ħadd li ġej, fl-Ewwel Ħadd tal-Avvent, nibdew sensiela ġdida ta’ qari mill-Evanġelju fil-quddies tal-Ħadd. Wara San Mattew, imiss l-Evanġelju ta’ San Mark. U f’dan l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika, li huwa wkoll il-festa ta’ Kristu Re, Ġesù Sultan tad-dinja, għandna din is-silta mill-kapitlu 25 tal-Evanġelju ta’ San Mattew.
Fil-parabbola tal-lum minn San Mattew, Ġesù jitkellem dwar Bin il-bniedem. Dan kien it-titlu li kien juża biex jitkellem fuqu nnifsu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu” (Mt 25:31).
B’dan il-kliem, Ġesù qiegħed jgħidilna li għad jiġi fil-glorja, akkumpanjat mill-anġli tiegħu, u joqgħod fuq tron glorjuż. It-tron huwa simbolu tar-rejiet, u Ġesù qiegħed jgħidilna: Jiena Sultan.
Tiftakru li, fil-Ġimgħa Mqaddsa, naqraw ukoll is-silta mill-Evanġelju fejn Pilatu jistaqsih: “Inti s-sultan tal-Lhud?” (Ġw 18:33). Anke l-kitba li tqiegħdet fuq is-salib tiegħu kienet tgħid: “Ġesù ta’ Nazaret, is-Sultan tal-Lhud” (Ġw 19:19).
Imma dan is-Sultan, u Ġesù jagħtina din il-parabbola biex jispjegalna l-laqgħa tagħna miegħu fl-aħħar taż-żmien, huwa wkoll imħallef. U fil-ħniena tiegħu, jurina fuq xiex se jkun ibbażat il-ġudizzju tagħna. Jassigurana li se jkun ġudizzju ġust, mhux bħal dawk li spiss naraw f’din id-dinja. Id-dinja mhux dejjem tagħti ġudizzji ġusti, imma l-ġudizzju ta’ Ġesù se jkun ġust.
Jgħidilna wkoll li l-kundanna, bħalma wkoll il-ġudizzju tajjeb, tiddependi mill-għażliet li nagħmlu aħna kuljum. Għax jgħidilna ċar fuq xiex se niġu ġġudikati: fuq kif nittrattaw lil xulxin, b’mod speċjali lil dawk fostna li għandhom l-aktar bżonn l-għajnuna.
“Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36).
Għalhekk nafu fuq xiex se jkun il-ġudizzju tagħna. Dan jiddependi mill-għażliet li nagħmlu ta’ kuljum, kemm bħala individwi kif ukoll bħala soċjetà. Imma ma ninsewx li l-ġudizzju li qiegħed jitkellem fuqu Ġesù jolqot lil kull wieħed u waħda minna personalment.
Għandna għalhekk l-opportunità li, permezz ta’ ħajjitna, ninsġu destin sabiħ, billi nżommu quddiem għajnejna l-kliem li Ġesù jisħaq fuqu għal darbtejn: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
Jekk hemm xi kategorija ta’ nies fostna li aħna nagħżlu li nittrattawha ħażin, dan ikollu wkoll konsegwenzi fil-ġudizzju tiegħi u tiegħek. Għax dak kollu li nagħmlu ma’ ħutna, huma min huma, il-Mulej iqisu magħmul miegħu nnifsu.
Ejjew nitolbu biex il-Mulej jiftħilna għajnejna ħalli naraw min fostna għandu bżonn l-għajnuna tagħna. Din tista’ tkun kelma ta’ ġid, messaġġ ta’ kuraġġ, ħarsa ta’ ħniena jew is-silenzju quddiem sitwazzjoni iebsa. Imma tista’ tkun ukoll l-ilma għal min għandu l-għatx, l-ikel għal min hu bil-ġuħ u d-dinjità għal min qiegħed jiġi ttrattat b’inġustizzja.
Jekk nagħmlu l-għażliet it-tajba, il-Mulej jassigurana li, għax Hu ġust u veru, id-destin tagħna jkun sabiħ. Araw x’jgħidilhom: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja” (Mt 25:34).
Għax dan huwa d-destin tagħna. U l-post sabiħ li hemm imħejji għalina fis-Saltna tal-Mulej huwa bbukjat! Is-Sultan li qegħdin niċċelebraw illum mhuwiex sultan ta’ din id-dinja. Is-Saltna tiegħu tmur lil hinn minn din id-dinja, u Hu qiegħed iwiegħed lilna wkoll li nsaltnu miegħu.
Innutaw x’jgħidilna: “Ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja” (Mt 25:34). Qiegħed jgħidilna: Jiena Sultan, imma qiegħed inwiegħed lilek ukoll saltna. Hemm saltna mħejjija għalik!
Taf x’għandek tagħmel biex tiret dan il-wirt sabiħ? Ħu ħsieb il-proxxmu tiegħek, ittratta lil min hu fil-bżonn b’imħabba kbira, aħfer meta jkollok bżonn taħfer, u żomm ilsienek meta tkun ittentat tweġġa’ lil xi ħadd. Għax dak kollu li tagħmel mal-iżgħar fost ħut Ġesù, Ġesù jqisu magħmul miegħu.
Nitolbu lill-Mulej biex qatt ma nkunu kompliċi f’sistemi li jittrattaw lil xi ħadd minn ħutna b’mod inġust. Għax il-ġudizzju ta’ Ġesù mhux se jkun bħal dak ta’ din id-dinja: se jkun ġust u veru, u jasal għal kull wieħed u waħda minna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Eżek 34, 11-12.15-17
Responsorju: Salm 22 (23), 1-2a.2b-3.5-6
Qari II: 1 Kor 15, 20-26.28
L-Evanġelju: Mt 25, 31-46