Il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru 2026: Diskors mill-Arċisqof Charles J. Scicluna waqt l-Assemblea Djoċesana 2026. Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK), Birkirkara.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fir-riflessjoni li offrilna Dun Stefan Attard fuq is-silta li għażel – silta li għażel il-Papa Ljun meta kellem lid-djoċesi tiegħu – hemm dawn iż-żewġ kelmiet li jiġbru l-esperjenza ta’ Marija ta’ Magdala: hija l-appostla tal-appostli, kif semmieha wkoll il-Papa Franġisku meta ħareġ liturġija ġdida għall-festa tagħha. “Rajt lill-Mulej” (Ġw 20:18). Kelli esperjenza, iltqajt miegħu. Jiena naħseb li n-nukleu tal-programm tagħna, u ta’ kull slogan li nagħżlu, irid jibda minn hemmhekk.
Il-verifika fundamentali ta’ kull wieħed minna u tal-Knisja f’Malta trid tkun l-esperjenza tagħna ta’ Ġesù. Għax dak huwa l-pedament veru, u dik hija l-blata samma – l-esperjenza tagħna ta’ Ġesù. Nistieden lill-Knisja f’Malta, nibda minni u minn kull wieħed u waħda minna, biex nagħmlu din il-verifika fundamentali qabel xejn: ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù. Mhux biss lir-ragħajja, imma nħoss li Ġesù jagħmel din il-mistoqsija lil kull wieħed u waħda minna, hu li jafdana b’din ir-responsabbiltà li nieħdu ħsieb xulxin. “Tħobbni inti?” U minn din ir-risposta mbagħad, tiġi l-missjoni: “Irgħa, ħu ħsieb; jiena nafdak.” Imma l-ewwel mistoqsija fundamentali hija waħda relazzjonali u mibnija fuq l-imħabba: “Ma nsejjaħkomx aktar qaddejja … imma sejjaħtkom ħbieb” (Ġw 15:15). Aħna għandna din il-grazzja li fil-lingwa tagħna l-kelma ‘ħabib’ għandha l-istess għerq ta’ ‘imħabba’ u ta’ ‘maħbub’.
Il-Knisja u l-periklu tal-aljenazzjoni
Jiena naħseb li l-Knisja f’Malta tiġġenera lilha nnifisha meta tinnamra mal-Mulej Ġesù. U dak kollu li jfixkilna milli niltaqgħu ma’ Ġesù għandu jħassibna. Aħna għandna ħafna affarijiet sbieħ, għandna affarijiet li għandhom tradizzjoni qawwija, imma l-mistoqsija li nistaqsi lili nnifsi u li ħafna drabi tumiljani hija: “dawn l-affarijiet kollha qed iwassluna għal-laqgħa ma’ Ġesù jew qed ibegħduna minnu? Saru aljenazzjoni? Saru distrazzjoni?”
Sirna aħna l-konferma tat-teżi ta’ Feuerbach, Hegel u Marx, jiġifieri li aħna aġenti tal-aljenazzjoni? Filwaqt li jiena nħobb li nħaddan il-fidi tiegħi bħala fidi li tagħmilni tassew realista, u li tagħtini l-qawwa biex nidħol f’relazzjoni mar-realtà tal-istorja tal-bniedem u nħalli d-dinja aħjar milli sibtha. Imma jekk jien aġent tal-aljenazzjoni, minflok niffaċilita l-laqgħa mar-realtà, qed inbiegħed lill-bniedem, u lill-komunità tiegħi minn din il-laqgħa reali.
Mhux se nagħmel lista, għax tafuha intom: nafuha lkoll, il-lista tal-affarijiet li saru aljenazzjoni u li qed jeħdulna ħafna enerġija vitali. Din hija verifika li, jekk ma nagħmluhiex aħna, il-Mulej, fil-ħniena tiegħu, jagħmilhielna hu. Bħalma għamel mal-Papat fl-1870, meta l-Istati Pontifiċji, ġurnata kienu hemm u l-għada ma kinux iżjed. Imma l-Papat baqa’ għaddej, u sar iżjed b’saħħtu.
Tajjeb li nagħmlu din l-analiżi tal-istrutturi u tat-tradizzjonijiet, u nistaqsu kontinwament lilna nfusna, forsi b’umiltà kbira: “dawn l-affarijiet kollha qed iressquna lejn Ġesù u lejn xulxin jew le?” Qed isiru strumenti, pjattaformi ta’ pika, ta’ għira, u ta’ mibegħda.
Dawn kollha frott tax-xitan, ħuti, nafuh lkoll; mhumiex frott tal-Ispirtu ta’ Alla. U forsi iżjed mill-pjani pastorali, din tibqa’ l-mistoqsija fundamentali: Irridu nkunu ta’ Ġesù u mhux ta’ Satana. U allura rridu jkollna l-kuraġġ li nqaċċtu dak kollu li qed jifixkilna. Wieħed jgħid li faċli tgħidha, imma diffiċli ħafna li tapplikaha. Jiena nħoss magħkom id-diffikultà kbira biex nieħdu deċiżjonijiet ta’ kuraġġ u forsi kontroversjali. Deċiżjonijiet li jistgħu jqanqlu wkoll reazzjoni vjolenta.
Imma ejjew nagħrfu kemm aħna kultant ostaġġi ta’ poteri li mhumiex interessati f’Ġesù, imma huma interessati fil-mondanità u fil-prestiġju soċjali, u jinqdew bina u b’Ġesù. Din hija xi ħaġa li nistieden lill-Knisja f’Malta niddixxernuha, għax nħoss li hija fundamentali. Aħna rridu nkunu l-familja ta’ Ġesù, u Ġesù jrid ikun fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna. Hemm bżonn li nibdew insejħu dak kollu li hu aljenazzjoni b’ismu u b’kunjomu, anke jekk hu patrimonju tal-umanità u għandu l-protezzjoni tal-UNESCO, u jattira ħafna flus.
Imma l-mistoqsija fundamentali hija: kif jista’ jkun patrimonju tal-umanità jiġġenera l-għira, il-firda u l-mibegħda? Jiena ma nsejjaħx umanità lil dik. Dak mhux patrimonju tal-umanità. Huwa velenu tal-umanità. Tajjeb li aħna nirrifjutaw li nkunu kompliċi ta’ sistemi ta’ aljenazzjoni.
Il-Knisja ma tistax tkun kompliċi ta’ apartheid ekonomiku
Bl-istess mod nħoss li aħna l-Knisja ma nistgħux inkunu kompliċi ta’ sistemi ta’ apartheid ekonomiku, li saru l-moda l-ġdida, meta nħarsu lejn dak li nsejħulhom TCNs (third country nationals). Qed nitkellem fuq l-aħħar deċiżjonijiet sfortunati tal-awtoritajiet, li jagħmlu distinzjoni bejn iċ-ċittadin Malti u dawk li qed jaqdu lill-poplu tagħna fis-servizzi essenzjali – u dawn, wara kollox, huma ħutna.
Qed nittrattawhom b’apartheid, b’mod differenti. Nagħmlulhom tikketta, u jekk għandhom l-ulied, iridu jħallsu biex ikun hemm min jieħu ħsiebhom; jekk jirkbu karrozza tal-linja, jridu jħallsu. Dan mhux apartheid? Apartheid ekonomiku. Fuq l-istess karrozza hemm min iħallas u hemm min ma jħallasx, u l-kriterju hu: għax inti m’intix ċittadin Malti ta’ razza pura.
Aħna ulied, aħwa u neputijiet ta’ ġenerazzjonijiet li fl-emigrazzjoni sabu l-kenn, u saru nies. Jiena wieħed minnhom, li twelidt fil-Kanada għax missieri u ommi kienu emigrati hemmhekk. Trabbejt hawnhekk għax ommi ma setgħetx tissaporti l-kesħa ta’ Toronto. Araw ftit: kellna emigranti, u nispera li l-arkivju tal-emigrazzjoni Maltija ma ntilifx. Fi kliem ieħor, huwa kapitlu li hemm bżonn niftakru fih; għax il-Mulej, meta niġu nieħdu ħsieb il-barrani, jgħidilna: “Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek barrani, la taħqrux. Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed ta’ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu intom” (Lev 19:33-34).
L-istorja tal-emigrazzjoni ta’ ħafna eluf minn ħutna għandha tagħmilna nistħu meta nsejħu illegali lill-immigranti fostna, li ma għadhomx jiġu bid-dgħajsa. Dawn qed jiġu permezz ta’ skemi fejn dawk li għandhom il-poter qed jieħdu wkoll sehemhom; u jieħdulhom l-eluf ta’ liri, biex imbagħad jiġu hawn, u jagħmlu xogħol essenzjali li aħna ma rridux nagħmluh.
Morru fl-isptarijiet u taraw, bħalma jien din is-sena kelli mmur darba jew darbtejn, u tara min qed jieħu ħsiebna; tara min filgħodu jnaddaf it-toroq tagħna; tara min isuq il-karrozzi tal-linja; tara min qed joffri l-aktar affarijiet essenzjali. Trid tkun verament baħnan u iblah biex tagħtih bis-sieq lil min qed jagħtik is-servizzi l-aktar essenzjali, u li se jkun qed jieħu ħsiebek meta inti l-aktar vulnerabbli!
Imma l-Knisja ma tistax tkun kompliċi! Din għedtha lill-istudenti universitarji fil-Quddiesa tal-Gradwazzjoni: tkunux kompliċi ta’ sistema ta’ apartheid ekonomiku. Il-Knisja tirrifjuta li tkun kompliċi. Fl-opri ta’ karità tagħna għandna diversi third country nationals li qed jagħtu servizz tajjeb, u mingħajrhom ma nkunux nistgħu nmexxu. Għandna d-dover li nittrattawhom bħala nies. Hija r-rieda tiegħi, f’isem il-Mulej Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, li jiena lil dawn ma niddiskriminahomx u ma rridx inkun kompliċi fis-sistema tagħna ta’ apartheid ekonomiku.
Il-familja u d-don tal-ħajja
Semmejna l-familja. Jiena kelli esperjenza sabiħa f’Ottubru, meta, flimkien ma’ ħuti l-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali ta’ madwar id-dinja, qattajna ġimgħa nirriflettu fuq l-għaxar snin mindu ġiet ippubblikata l-Amoris Laetitia, fuq ir-realtà tal-familja. Waħda mill-affarijiet li nġorr minn din l-esperjenza, hija l-esiġenza li nerġgħu niskopru s-sbuħija ta’ dan id-dokument straordinarju li ħallielna l-Papa Franġisku. Ħafna drabi nikkonċentraw fuq dak li qal il-Papa Franġisku dwar is-sitwazzjonijiet kumplessi fil-Kapitlu 8; imma l-Amoris Laetitia għandha ħafna iżjed minn hekk. Fiha wkoll l-apprezzament tal-familja bħala aġent pastorali fundamentali fil-ħajja tal-Knisja.
F’dinja fejn, pereżempju, ir-robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) qed jiddiżumanizzaw ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, il-familja għandha dan ir-rwol profetiku: li tkun dik il-bejta sabiħa u umana fejn il-persuni jiltaqgħu. Allura hemm bżonn li nikkatekizzaw u nevanġelizzaw il-familja, u ninsistu li r-relazzjonijiet umani bejn il-familji huma essenzjali u li l-ħajja fil-familja ma tistax tiġi sostitwita.
Tassew, bħalma qal Mons. André Zaffarese, hemm diversi realtajiet familjari u diversi sitwazzjonijiet differenti. Jiena niddistingwi bejn household u family: aħna fil-pastorali niltaqgħu ma’ households; mhux kull household hi familja. Imma l-missjoni tal-familja, li hija mibnija fuq iż-żwieġ naturali bejn mara u raġel, trid tkun miftuħa għad-don tal-ħajja, u l-miżżewġin għandhom bżonn ikunu miftuħin għad-don tal-ħajja. U dan huwa l-ikbar servizz. Ovvjament jista’ jkun li l-Mulej jagħti s-salib tan-nuqqas ta’ fertilità; imma mbagħad il-Mulej jaf jagħti wkoll il-ġenerożità biex wieħed jadotta jew jagħmel il-fostering, u hekk ikollu paternità li tixbah ħafna dik ta’ San Ġużepp, wara kollox.
Huwa importanti ħafna li nerġgħu ninsistu fuq il-vokazzjoni essenzjali taż-żwieġ miftuħ għall-ħajja u tal-familja bħala n-nukleu fejn is-soċjetà mhux biss tgħix il-preżent tagħha, imma tiżgura l-futur tagħha. Aħna għandna kriżi demografika kbira, u fl-Ewropa għandna l-inqas rata tat-twelid, u bil-grazzja ta’ Alla m’għandniex l-abort legalizzat. Aħna għad għandna l-grazzja li nqisu t-trabi bħala rigal kbir. Imma staqsu ftit lil min jaħdem fil-maternity ward, u jgħidulkom min qed ikollu tfal fl-isptarijiet tagħna. U allura l-Knisja f’Malta trid tkun proprju dik li tixpruna d-don tal-ulied bħala don kbir għas-soċjetà tagħna.
Ambjent sigur għall-ulied
Imma l-familja mhix biss dik li tiggarantixxi l-preżent u l-futur tat-tfal. Semmejna l-interazzjoni mat-tfal. Kemm hi sabiħa maż-żgħażagħ; imma l-Mulej jrid jagħtina din l-umiltà li niftħu qalbna għad-don tal-ulied. Imma mbagħad irridu wkoll ninsistu li l-Knisja tkompli tkun – għax bil-grazzja ta’ Alla nħoss li hekk hi – dak l-ambjent sabiħ, san u sigur għall-uliedna.
Meta tarawni ninsisti fuq is-safeguarding, nixtieq li tifhmu li din hija parti integrali mill-missjoni tal-Knisja, li mhux biss tinsisti li għandna jkollna l-ulied, imma li lkoll kemm aħna nkunu koresponsabbli għas-sigurtà, għall-innoċenza u għad-dinjità tagħhom. Ovvjament, din mhix xi ħaġa tas-safeguarding biss, jew tal-qassisin, jew tal-isqfijiet; imma hija ta’ kull wieħed u waħda minna.
Ftit ilu kellna anke konferenza fis-Santa Croce, f’Ruma, dwar il-Motu proprio Sacramentorum Sanctitatis Tutela, li għalaq 25 sena; u hekk fakkruna wkoll fl-insistenza tal-Papiet, b’mod speċjali tal-Papa Franġisku fl-ittra lill-poplu ta’ Alla tal-2018, li s-sigurtà tal-ambjenti tagħna, u l-innoċenza ta’ wliedna huma responsabbiltà ta’ kulħadd. U meta xi ħadd minna jbati, kulħadd ibati. U meta xi ħadd minna jaħdem biex l-ambjent ikun sigur, kulħadd jibbenefika.
Vokazzjonijiet u missjoni
L-aħħar punt qabel nikkonkludi. Hemm bżonn li aħna nitolbu ħafna għall-vokazzjonijiet. Meta nitlob għall-vokazzjonijiet, nitlob għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, kif ukoll għas-sagrament taż-żwieġ. Intom tafu li hemm żgħażagħ li qed jibżgħu mill-impenn għal dejjem, anke fir-relazzjoni matrimonjali. Il-kriżi ta’ dejjem u tal-impenn totali mhix biss kriżi vokazzjonali għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali, imma anke għaż-żwieġ. Hawn bżonn tal-konverżjoni tal-Knisja f’Malta, biex tkompli ssejjaħ, bħalma Ġesù sejjaħ proprju lill-Appostli. Ma qagħadx jippretendi li jkunu kollha qaddisin; anzi, meta sejjaħ lil Mattew, u dan, wara li ltaqa’ ma’ Ġesù u ħassu milqugħ avolja kien pubblikan, għamel festa kbira u stieden lil sħabu midinbin. Żakkew ukoll ħassu msejjaħ biex jibdel ħajtu: “Isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (Lq 19:5). Ġesù, meta jsejħilna, ma jippretendix li jkollna ċ-ċertifikati kollha f’posthom; imma bis-sejħa tiegħu qed jiġbidna lejh, qed isejħilna b’isimna.
Aħna ma nistgħux nippromwovu l-vokazzjonijiet, anke għall-ħajja miżżewġa, jekk ma niltaqgħux ma’ Ġesù. Ġesù jrid ikun dak li jispjegalna l-ferħ tal-għotja totali: kemm fil-ħajja saċerdotali, kemm fil-ħajja reliġjuża, u kemm fil-ħajja taż-żwieġ. Allura, ejjew nitolbu biex aħna nkunu strumenti tal-laqgħa tal-umanità ma’ Ġesù, li nkunu faċilitaturi ta’ din il-laqgħa. It-talba tagħna trid tkun: “Agħmel, Mulej, li jiena ma nkunx xkiel fil-laqgħa miegħek, imma li nkun dak li għandi nkun, biex min iħares lejja jara lil Ġesù fija.”
Komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni. Komunjoni ma’ Ġesù u bejnietna. Parteċipazzjoni fil-missjoni ta’ Ġesù, għax sejjaħhom biex ikunu miegħu, u bagħathom. Il-missjoni hija li bl-entużjażmu tiegħi u bl-imħabba tiegħi għal Ġesù, m’hemmx għalfejn insemmiha kuljum, imma ngħixha kuljum. U jiena dan nixtieq għal kull wieħed u waħda minna, u għall-Knisja f’Malta.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta