Ġie biex jaqdi bħal Kristu Sultan. Omelija tal-Isqof Joseph Galea Curmi

Omelija 21 ta’ Novembru 2026, Pussess ta’ Fr Stefan Galea,
Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Gejtanu, Il-Ħamrun

Illum hija ġurnata ta’ ferħ għal din il-komunità parrokkjali. Filwaqt li mal-Knisja kollha qed niċċelebraw is-Solennità ta’ Ġesù Kristu Sultan, f’din il-parroċċa qed niċċelebraw il-bidu uffiċċjali tal-ministeru tal-arċipriet il-ġdid li lilu ġiet fdata l-kura pastorali ta’ din il-komunità parrokkjali ddedikata lil San Gejtanu.

Hemm xi ħaġa tassew sinifikattiva fil-fatt li l-pussess ta’ arċipriet ġdid qed isir proprju fis-Solennità ta’ Kristu Sultan. Din il-festa tfakkarna mill-ewwel li l-parroċċa ma tappartjenix lill-arċipriet, lanqas lil xi grupp jew xi individwu partikolari. Il-parroċċa hija ta’ Kristu. Huwa s-Sultan tagħha, ir-Ragħaj tagħha, il-pedament tagħha u l-għan aħħari tal-ħidma kollha tagħha.

L-arċipriet il-ġdid mhux ġej biex jibni saltna għalih innifsu. Huwa ġej biex jaqdi s-Saltna ta’ Kristu, biex jagħmel lil Kristu preżenti fost il-poplu tiegħu, u biex jgħin lil din il-komunità tikber fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba.

Kemm hu sabiħ li għandna mudell mill-aqwa għal dan il-ministeru fil-qaddis patrun ta’ din il-parroċċa: San Gejtanu! Illum nixtieq li nirriflettu fuq tliet dimensjonijiet importanti tal-ministeru tal-arċipriet li joħorġu mill-messaġġ ta’ Kristu Sultan u mill-ħajja ta’ San Gejtanu: ministeru ta’ qadi, ministeru ta’ fiduċja fil-Providenza Divina, u ministeru ta’ tiġdid permezz tal-Ewkaristija u l-karità.

Kristu Sultan: Sultan li jaqdi

Ix-xbieha ta’ Kristu Sultan mhijiex ta’ wieħed imdawwar bil-poter u bil-prestiġju, iżda ta’ Kristu fuq is-salib. It-tron tiegħu huwa s-salib; il-kuruna tiegħu hija magħmula mix-xewk; u t-titlu li jħabbar is-saltna tiegħu huwa miktub fuq rasu: “Dan hu s-Sultan tal-Lhud”. U huwa proprju hemmhekk, fuq is-salib, li Ġesù jurina t-tifsira vera tas-saltna tiegħu.

Hu ma jsaltanx billi jaħkem fuq l-oħrajn, imma billi jingħata għalihom. Ma jirbaħx bil-vjolenza, imma bl-imħabba. Ma jfittixx li jkun moqdi, imma li jaqdi u jagħti ħajtu għall-fidwa tal-umanità. Dan huwa s-Sultan li qegħdin niċċelebraw illum. U dan huwa s-Sultan li kull saċerdot huwa msejjaħ biex jaqdi.

Għażiż Fr Stefan, il-pussess tiegħek illum mhuwiex sempliċement il-bidu ta’ responsabbiltà ġdida fi ħdan il-Knisja. Huwa sejħa mġedda biex tagħmel is-Saltna ta’ Kristu tidher permezz ta’ ħajtek u tal-ministeru tiegħek. L-awtorità tiegħek bħala arċipriet ikollha tifsira vera meta tirrifletti l-awtorità ta’ Kristu: awtorità eżerċitata bl-imħabba, espressa permezz tal-umiltà, u li tiġbor f’komunjoni l-poplu ta’ Alla.

Inti msejjaħ biex tkun ragħaj u mhux sid; qaddej u mhux ħakkiem; missier u mhux sempliċement amministratur. Int qed tiġi fdat b’komunità ta’ nies, kull wieħed u waħda bl-istorja tiegħu u tagħha, bit-tamiet, bit-taqbidiet u bil-ħtiġijiet tagħhom. Xi wħud se jiġu għandek bil-ferħ; oħrajn bin-niket. Xi wħud ikollhom bżonn il-kuraġġ, oħrajn il-gwida. Xi wħud ikunu b’saħħithom fil-fidi tagħhom, filwaqt li oħrajn ikunu qed ifittxu, jitħabtu jew saħansitra tbiegħdu mill-Knisja. L-ewwel responsabbiltà tiegħek hija li tħobbhom.

San Gejtanu u l-fiduċja sħiħa fil-Providenza Divina

Ħa nħarsu lejn San Gejtanu, qaddis li ħajtu toffrilek ispirazzjoni qawwija. San Gejtanu kien saċerdot li għex fi żmien ta’ kriżi u inċertezza kbira fil-Knisja u fis-soċjetà. Huwa ra Knisja li kellha bżonn tiġġedded spiritwalment fil-fond. Intebaħ bil-ħtieġa ta’ saċerdoti li jgħixu skont l-Evanġelju, ta’ Nsara li l-fidi tagħhom tidher fil-ħajja ta’ kuljum, u ta’ Knisja li terġa’ lura għas-sempliċità u għall-esiġenzi radikali ta’ Kristu.

Hu waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Kjeriċi Regolari, magħrufa bħala t-Teatini, b’impenn partikolari lejn il-qdusija saċerdotali, il-ħajja appostolika u t-tiġdid tal-Knisja. U waħda mill-aktar karatteristiċi li jolqtuk fil-ħajja ta’ San Gejtanu kienet il-fiduċja straordinarja tiegħu fil-Providenza Divina.

Huwa kien jemmen li saċerdot għandu jqiegħed il-fiduċja tiegħu mhux fil-kalkoli umani jew fir-riżorsi personali, iżda f’Alla nnifsu. San Gejtanu ħeġġeġ lill-Insara jafdaw fil-kura kollha mħabba ta’ Alla, anki meta l-ġejjieni jkun jidher inċert.

Dan huwa messaġġ partikolarment importanti għalik, għażiż Fr Stefan. Hekk kif tibda l-ministeru tiegħek f’din il-parroċċa, żgur li għandek ix-xewqa li twettaq ħafna affarijiet, li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-komunità, li ssaħħaħ l-inizjattivi li diġà jeżistu u forsi tintroduċi oħrajn ġodda. Dan kollu huwa tajjeb u meħtieġ.

Iżda San Gejtanu jfakkrek f’xi ħaġa essenzjali: qabel ma tafda fil-pjanijiet tiegħek għall-parroċċa, afda fil-pjan ta’ Alla għall-parroċċa. Qabel ma tinkwieta dwar dak li jonqos lill-parroċċa, agħraf dak li Alla nnifsu jqiegħed f’din il-komunità. Qabel ma tkejjel is-suċċess tal-ministeru tiegħek permezz tal-attivitajiet, fittex li tgħin lin-nies jiltaqgħu ma’ Ġesù Kristu.

Il-fiduċja fil-Providenza Divina ma tfissirx li noqogħdu b’idejna fuq żaqqna nistennew lil Alla jsolvilna kull problema. Tfisser li naħdmu b’qalbna kollha, iżda nibqgħu konvinti li r-responsabbiltà aħħarija għall-Knisja hija ta’ Alla.

San Gejtanu jgħallimna li l-Knisja tiġġedded mhux biss permezz ta’ attivitajiet u programmi, iżda permezz ta’ saċerdoti qaddisa, saċerdoti li jitolbu u li jqiegħdu ħajjithom kollha f’idejn Alla. F’din il-parroċċa għandkom eżempju mill-isbaħ: San Ġorġ Preca. Jalla l-eżempju tiegħu jispirak biex tkun saċerdot li jafda fil-Providenza Divina u li jgħin lill-poplu fdat f’idejk jiskopri li Alla qatt ma jabbanduna lil uliedu.

San Gejtanu u t-tiġdid tal-Knisja

Hemm aspett ieħor importanti tal-ispiritwalità ta’ San Gejtanu. Huwa fehem li t-tiġdid tal-Knisja għandu jibda minn ritorn aktar profond lejn il-qalba tal-ħajja Nisranija. Għal San Gejtanu, l-Ewkaristija kienet tokkupa post ċentrali. Għaraf fiha l-għajn tal-ħajja spiritwali u tal-qawwa appostolika.

Għażiż Fr Stefan, l-akbar kontribut tiegħek għal din il-parroċċa jkun li tgħin lil din il-komunità tkun komunità Ewkaristika: komunità magħquda li tinġabar madwar l-artal, tisma’ l-Kelma ta’ Alla, tiltaqa’ ma’ Kristu fl-Ewkaristija, u mbagħad toħroġ fid-dinja biex tgħix dak li tiċċelebra.

Iżda San Gejtanu jfakkarna wkoll li l-imħabba lejn l-Ewkaristija trid twassalna għall-karità konkreta – dak li smajna proprju fl-Evanġelju llum (ara Mt 25:31-46), l-opri tal-ħniena.

L-Ewkaristija ma tistax tibqa’ magħluqa bejn l-erba’ ħitan tal-knisja. Kristu li nirċievu fit-Tqarbin huwa l-istess Kristu li għandna nagħrfu fil-foqra, fil-morda, f’dawk li huma waħedhom, fl-anzjani, fil-familji li għaddejjin minn diffikultajiet, fit-tfal, fiż-żgħażagħ li qed ifittxu tifsira għall-ħajja tagħhom u f’dawk li s-soċjetà tkun insiet. Għalhekk, parroċċa Ewkaristika għandha ssir parroċċa li tilqa’ lil kulħadd, parroċċa li turi kompassjoni u parroċċa missjunarja.

Il-Parroċċa: komunità u mhux ġemgħa ta’ spettaturi

Illum, waqt li nifirħu bl-arċipriet il-ġdid, irridu niftakru li l-pussess ta’ arċipriet ġdid mhuwiex biss okkażjoni biex nilqgħu lil xi ħadd li issa għandu r-responsabbiltà tal-parroċċa. Huwa wkoll stedina lill-komunità kollha – stedina biex iġġedded l-impenn tagħha bħala komunità.

Parroċċa mhijiex ġemgħa ta’ spettaturi li jaraw lill-arċipriet u lis-saċerdoti iwettqu l-ministeru tagħhom. Hija komunità ta’ dixxipli mgħammdin, li kull wieħed u waħda minnhom jagħrfu li huma koresponsabbli fil-missjoni ta’ Kristu.

Għeżież parroċċani, ilqgħu lill-arċipriet il-ġdid tagħkom b’qalb miftuħa. Itolbu għalih. Inkoraġġuh. Kunu kollaboraturi miegħu. Fittxu li tkunu flimkien, f’komunjoni bħala Knisja, u għalhekk li twarrbu firdiet, piki, dak kollu li ma jaqbilx mal-Evanġelju ta’ Kristu. Offru t-talenti u l-esperjenza tagħkom għall-ġid tal-komunità. Fl-istess waqt ħalluh ikun ir-ragħaj tagħkom li jlaqqagħkom ma’ Kristu u jgħaqqadkom flimkien.

Flimkien, taħt il-gwida tal-Ispirtu s-Santu, ibnu komunità fejn Kristu jsaltan, u fejn San Gejtanu jkun dejjem ta’ ispirazzjoni għalikom – kif titolbuh fl-innu sabiħ: “O Gejtanu, ibqa’ magħna, biex tgħallimna lkoll nixbhuk, fil-qdusija u fl-imħabba, O Missier aħna nħobbuk”. Fr Stefan, ad multos annos!

✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?