It-tieni lejla tal-Assemblea Djoċesana bdiet b’riflessjoni minn Rev. Prof. Stefan Attard fuq is-silta tal-laqgħa ta’ Ġesù Rxoxt ma’ Marija ta’ Magdala (Ġw 20, 11-18). Il-Prof. Attard tenna li bħal Marija li tfittex lil Ġesù, aħna lkoll imsejħin nistaqsu lilna nfusna fejn qiegħed Ġesù fil-missjonijiet rispettivi tagħna.Mhux Ii kien li, bħalha, ninqalgħu mir-ritwali tal-qabar biex niltaqgħu verament ma’ Kristu ħaj u nħalluh ibiddilna.”
Il-lejla kompliet b’intervent minn panel kompost minn 3 kelliema: Mons. André Zaffarese (Vigarju Episkopali għall-Kordinament Pastorali), Rev. Jesmond Schembri (Direttur tal-Kummissjoni Migranti), u Jackie Mallia (Moderatriċi tal-KPP mill-parroċċa tal-Iklin).
Flimkien irrispondew id-domandi li staqsew il-parteċipanti lbieraħ. Fost it-temi ċentrali, ġew diskussi l-ħidmiet kollaborattivi bejn parroċċi, il-familja f’kuntest soċjali li dejjem jinbidel, integrazzjoni iktar sħiħa mal-barranin fil-komunitajiet tagħna, il-bżonn dejjiemi ta’ formazzjoni, u l-involviment iktar attiv tat-tfal u ż-żgħażagħ.
L-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles Scicluna indirizza ukoll l-udjenza fl-għeluq tal-Assemblea Djoċesana ta’ din is-sena. Sostna li l-pedament veru ta’ kull inizjattiva għandha tkun ir-relazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna ma’ Ġesù. Qabel il-missjoni, hemm mistoqsija iktar fundamentali: ‘Tħobbni int?’ li jistaqsihielna Kristu. Il-Knisja tiġġenera lilha nfisha meta tinnamra mal-Mulej. Ejjew ma nkunux aħna li nsaħħu l-aljenazzjoni. Ejjew qabel kollox inkunu ta’ Ġesù.
Quddiem l-isfidi ta’ migrazzjoni, l-Arċisqof tenna li lkoll għandna d-dover nitrattaw lil kulħadd ta’ nies. Mhux li kien li l-poplu tagħna jiftakar f’vers mit-22 kapitlu tal-Eżodu li jgħid “La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin”. Din hi tassew sejħa propizja għall-kuntest Malti llum b’tama li jiftakar l-istorja tiegħu stess f’art barranija.
Fl-10 anniversarju ta’ Amoris Laetitia, l-Arċisqof ħeġġeġ l-għożża tal-familja li, f’dinja mmarkata minn dak li hu artifiċjali, hija mill-ġdid strument tal-laqgħa tal-umana mal-Mulej, il-milja tal-imħabba tagħna lkoll.
Huwa saħaq ukoll dwar l-Importanza li fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħna infittxu dak li jogħġob lil Ġesù u nservu lilu biss u mhux il-firda, għaliex dik mhijiex wirt dinji tal-umanità. Tenna ukoll dwar l-importanza li nitolbu għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali, reliġjużi u anke għall-ħajja ta’ żwieġ Huwa fakkar dwar kif ir-rabta taż-żwieġ bejn raġel u mara għadha twassal lejn l-qdusija u saħaq dwar l-importanza għal ftuħ għall-ħajja fiż-żwieġ, f’soċjetà fejn id-demografika hija waħda baxxa ħafna. L-Arċisqof qal li għandna nkunu grati li fl-istess waqt pajjiżna jogħożż lit-tarbija fil-ġuf quddiem il-kultura tal-Abort li ġġib il-mewt. Fl-aħħar nett, fakkar ukoll li Alla ma jagħżilx lil min hu perfett biex jimxi warajh iżda jistedinna biex ta’ kuljum nersqu dejjem iżjed qrib tiegħu boex ikompli jibdilna.